Tista' l-Ministru tgħid min hu eligibbli biex jintagħżel bħala school logger? X'kundizzjonijiet tax-xogħol hemm marbut ma' xogħol bħal dan? Kif jintagħżlu l-ischool loggers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-‘ischool loggers’ jiġu nnominati mill-Kap tal-Iskola minn staff li jiffurmaw parti mis-Senior Management Team. M’hemm l-ebda kundizzjoni tax-xogħol marbuta ma’ min jagħmel dan ix-xogħol ħlief li jużaw sistema elettronika (ERFS) tal-MITA biex japplikaw għal servizzi bħal internet, corp, Common Database, Schools Teachers Students System u aċċess għall-generic email tal-Iskola.
Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tixtieq tibda kors fil-liġi fl-Università ta' Malta bħala mature student għandhiex bżonn bilfors suġġett f'livell A? Jekk iva, liema regolament jesigi dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċedura li l-Admissions Committee tal-Fakultà tal-Liġi tadotta biex tivverifika l-maturita’ ta’ applikant biex jidħol għall-kors ta’ LL.B. hija kif ġej:
(a) Il-kandidat jintalab li joqgħod għal eżami ta’ siegħa bil-miktub fejn il-kandidat jikteb
essay
bl-ilsien Ingliż (peress li l-Ingliż huwa l-ilsien tal-istruzzjoni adottat mill-Universita’);
(b) Jekk igħaddi minn dan l-eżami, il-kandidat jintalab li joqgħod għall-intervista biex jiġi żgurat illi l-kandidat għandu l-maturita’ meħtieġa;
(ċ) Bħala parti mill-kriterji li l-Admissions Committee tal-Fakulta’ tal-Liġi tadotta huwa li meta kandidat ma jkunx issodisfa lill-Bord li għandu l-maturita’ meħtieġa biex isegwi l-kors, il-kandidat jintalab jippreżenta ċertifikat fil-livell avvanzat fl-ilsien Malti jew l-ilsien Ingliż u jiġi ammess fil-kors wara li jgħaddi minn dan l-eżami bi grad Ċ jew aħjar.
Din il-proċedura hija skont il-provvedimenti tar-regolament 2.2 (a) (iii) u (b) tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita’.
Jista' l-Ministu jgħid kemm suppost iħallsu passiġġieri b'diżabilità biex jużaw is-servizz tal-Arriva, bħar-rata tal-anzjani? Għaliex sewwieqa differenti qed jitolbu rati ta' ħlasijiet differenti lill-persuni diżabbli biex jużaw is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi passiġġieri li għandhom problema ta' mobilita’ u li huma fil-pussess tal-"Blue Badge" maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ jħallsu l-istess tariffi li jħallsu l-anzjani u t-tfal, jiġifieri €0.50 għal ġurnata, jew €0.30 għal sagħtejn, jew €2.30 għal ġimgħa.
Infurmat ukoll li persuni li jużaw is-siġġu tar-roti jivvjaġġaw fuq it-trasport pubbliku mingħajr ħlas.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, jien infurmat li Transport Malta qatt ma' rċeviet ilmenti f'dan ir-rigward u li ser tieħu ħsieb tinforma lill-operatur tat-trasport b’dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk issewwietx il-cold store li kienet bil-ħsara fil-biċċerija tal-Marsa u jekk dan seħħ, kemm ġiet tiswa? Jista' jgħid kemm damet bil-ħsara l-cold store u fejn kien qed jinġemgħa l-materjal sakemm saret it-tiswija sabiex dan jinħaraq fl-inċineratur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Biċċerija tal-Marsa ma kienx hemm cold stores bil-ħsara, ninfurmah ukoll li fil-Biccerija ma jinżammx materjal peress li l-materjal kollu li joħroġ minn fuq il-linja tal-qatla jinġarr mill-ewwel f’bins apposta u jittieħdu direttament għall-inċineratur.
Kien ippjanat mill-bidu fid-disinn tal-istess impjant tal-inċineratur li dan ikollu l-
cold store
tiegħu sabiex fih jinħażen il-materjal waqt il-waqfien tal-inċineratur, inkluż meta tkun qed issir il-manutenzjoni meħtiega.
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu sabiex il-ħruq tal-karkassi li jseħħ fl-inċineratur tal-Marsa, ma jarmux irwejjaħ insapportabbli li jeffettwaw kemm lir-residenti kif ukoll lill-ħaddiema tal-madwar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjant jaħdem b’tali mod li l ħruq innifsu tal materjal ma jiġġenerax irwejjaħ. Għal dan l-iskop isir b’mod regolari manutenzjoni tal-istess impjant. Barra minn hekk, bil-mod ikkontrollat li dan l-impjant jitħaddem, ikun aċċerta li l-emissjonijiet ikunu skont ma jesiġu l-kundizzjonijiet imposti mill-MEPA. Meta l-inċineratur ikun wieqaf għall-manutenzzjoni l-WasteServ tieħu ħsieb li materjal ikkunsinjat jiġi ffriżat sakemm jasal biex jinħaraq. B’hekk ikunu qed jiġu rispettati r regoli tal-permess u evitati l-irwejjah.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed isiru rondi mill-Korp tal-Pulizija ġewwa l-lokal tal-Marsa, fl-inħawi ta’ Triq is-Salib tal-Marsa, Triq Ascot, Triq Simpson, Sqaq ir-Ross u Triq Derby? Nitlob li jgħid x’ħin u kemm-il darba ssir ronda kuljum, kemm inħarġu akkużi dwar prostituzzjoni matul din is-sena lil min instab f’dawn l-inħawi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokumentazzjoni li tixhed dan filwaqt li jindika kemm-il darba nqabbdet l-istess persuna? Jista' jgħid kif qed tiġi ndirizzata din il-problema sabiex tiġi solvuta peress li r-residenti f’dawn l-inħawi qed jispiċċaw ostaġġi ġewwa djarhom stess minħabba l-moviment relattat li jkun hemm jum wara jum f’dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi kemm il-pulizija tad-Distrett kif ukoll dawk ta’ l-Iskwadra ta' kontra l-Vizzji u tal-Mobile jagħmlu ronda kuljum f’ħinjiet differenti, partikolarment tard filgħaxija, f’diversi inħawi ta’ Malta, inkluż it-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, b’konnessjoni mal-ġlieda kontra l-prostituzzjoni. Infurmat ukoll illi matul din is-sena kien hemm 40 persuna li bejniethom instabu 210 darbiet li kienu qegħdin jitlajjaw fil-Marsa għall-iskop ta’ prostituzzjoni. Dawn kienu kif ġej:
1 persuna nstabet 25 darba
3 persuni nstabu 7 darbiet kull wieħed
1 persuna nstabet 17 il-darba
2 persuni nstabu 6 darbiet kull wieħed
1 persuna nstabet 13 il-darba
4 persuni nstabu 5 darbiet kull wieħed
1 persuna nstabet 12 il-darba
1 persuna nstabet 4 darbiet
2 persuni nstabu 11 il-darba kull wieħed
4 persuni nstabu 3 darbiet kull wieħed
3 persuni nstabu 9 darbiet kull wieħed
1 persuna nstabet 2 darbiet
(darbtejn)
1 persuna nstabet 8 darbiet
15 persuni nstabu darba kull wieħed
Il-Pulizija se tkompli għaddejja bil-ħidma tagħha sabiex kemm jista jkun dan l-abbuż ikun ikkontrollat.
Marsa — Triq Diċembru 13 - xogħlijiet li twaqqfu ħabba l-maltemp
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi indirizzat l-inkonvenjent li qed isoffru r-residenti u n-negozjanti tal-lokal tal-Marsa, issa li ġie ddikjarat li x-xogħlijiet li kienu bdew fi Triq Diċembru 13 se jitwaqqfu minħabba l-maltemp? Jista' jgħid kif il-Gvern li huwa responsabbli mill-proġett, issa li hu wieqaf, se jindirizza l-problema tad-drenaġġ li qed tolqot lir-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f.xi seduta oħra.
Ħal Luqa — Dipartiment tas-Sigurtà Socjali - ħinijiet tal-ftuħ
Question
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġiet ibbżata d-deċiżjoni li d-District Office tad-Dipartiment tas-Sigurtà Socjali f'Ħal Luqa jibda jagħlaq mas-13.30 pm? Jista' jgħid jekk ħax in konsiderazzjoni li n-nies ta' Ħal Luqa, jridu joħorġu barra minn Ħal Luqa għal ħdejn il-mitjar l-antik biex jieħdu t-trasport pubbliku, sabiex ikunu jistgħu jmorru fl-Uffiċċju Distrettwali fiż-Żurrieq u dan b'ħafna skariġġ għal maġġoranza tal-Ħal Luqin, l-istess għan-nies ta' Ħal Farruġ u r-residenti f'Dar Santa Marija u fir-Residenza San Vinċenz de Paule, li lkoll din id-deċiżjoni se toħloq ħafna aktar skariġġ milli diġà għandhom? Jaf li dan l-Uffiċċju Distrettwali jaħdmu fih żewġ skrivani u district manager biss u jridu jlaħħqu ma' dan kollu flimkien mal-lokal tal-Imqabba u l-Gudja? Għalhekk għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni li se toħloq tant skariġġ żejjed għan-nies ikkonċernati?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-lum il-ħinijiet tal-ftuħ tal-uffiċċju distrettwali ta’ Ħal-Luqa għadhom l-istess bħal ma kienu għal dawn l-aħħar snin, jiġifieri mit-8.00am sal-12.00pm u mis-1.30pm sal-4.30pm. Jekk tittieħed deċiżjoni li dawn jinbidlu, ikunu ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi tal-lokalita’ rispettiva b’mod ħolistiku.
National Diploma in Children Care, Learning and Development — applikazzjonijiet ta' studenti
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw studenti għall-kors tan-National Diploma in Children Care, Learning and Development fl-MCAST? Tista' tgħid kemm kien hemm studenti li baqgħu barra minn dan il-kors? X'se jiġri mill-istudenti li baqgħu barra minn dan il-kors? Għaliex ma kienx hemm l-għażla biex japplikaw għat-tieni preferenza meta applikaw għal dan il-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Enemalta — ċifra ta' flus għall-elettriku ġġenerat
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37817 u 37644 u jgħid kemm hi ċ-ċifra tal-flus globali li l-Korporazzjoni Enemalta għandha tħallas llum bħala kumpenss għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajici lill-familji li zviluppawha u bdew joperaw fid-djar privati u jew stabilimenti kummercjali ? Jista’ jgħid meta fil-fatt se jitħallsu? Għaliex fil-fatt għadhom ma tħallsux?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37903, tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' ġibjuni li għandu konjezjoni tagħhom il-gvern f'Għawdex? Tista' tgħid kemm fil-preżent huwa numru ta' dawk il-ġibjuni li għadhom qed jintużaw?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'Għawdex hemm 50 ġibjun li l-Ministeru għal Għawdex għandu konjizzjoni tagħhom u li minn dawn, 38 qegħdin jintużaw, 5 qed isirilhom xogħol biex ikunu jistgħu jintużaw, u 7 mhux qed jintużaw.
B'referenza għall-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ngħata b'tender u peress li fit-tender document li ħareġ dwar l-istess fond kien hemm stipulat li min jieħu t-tender iħallas is-somma ta' €48,600 għall-furnishings and fittings li minnhom €4,860 kellhom imorru għall-gvern, ma jidhirlux il-Ministruli l-kumpens kienx dovut għall-inkwilini preċedenti? Jista' jispjega għalfejn dan għadu ma tħallasx?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-kirja tal-fond li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament ma reġgħetx ġiet imġedda. Dan sar wara li ġie stabbilit li l-kerrej kiser il-kundizzjoni tal-kirja u issulloka dan il-fond lil terzi. Irriżulta li f’dan il-fond il-kumpanija li kellhom ftehim mal-kerrej investew ammont sostanzjali ta’ flus f’dan il-fond biex joperawh bħala restaurant, u għaldaqstant ġie deċiż li dan il-fond jerġa jinkera permezz ta’ sejħa għall-offerti bil-kundizzjoni li min jieħu l-offerta, jrid iħallas is-somma ta’ €48,600 għal furnishings and fittings li tħallew fil-post, li minnhom 10% ta’ din is-somma kellha titħallas lill-Gvern. Il-kumplament ta’ din is-somma tħallset lill-aħħar okkupant ta’ dan il-fond.
Furjana — Binja ġdida ta' Balzunetta - appartamenti mhux allokati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal appartamenti mhux allokati fil-binja l-ġdida tal-gvern f'Balzunetta l-Furjana?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-appartmenti kollha fit-Triq l-Iljun/Triq l-Argotti Furjana li huma ghall-housing socjali gew allokati kollha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37613 u 36904 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36319, jista' l-Ministru jara li d-dipartiment li ta r-risposta jivverifika l-informazzjoni li ngħatat f'dik ir-risposta la darba fir-realtà ta' ċirkostanzi li dwarhom saret il-mistoqsija, wieħed jista' jara li fit-triq imsemmija ma baqa' l-ebda biċċa art li għad trid tiġi żviluppata? Jista' jara li r-risposta tal-mistoqsija tiġi aġġornata? Fil-każ attwali fejn l-art fit-triq imsemmija hija kollha żviluppata, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li ssir sabiex t-triq imsemmija tinfetaħ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta marret fuq il-post u vverifikat li fit-triq in kwistjoni vera hemm biċċa art fejn trid tiġi triq (ritratti li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra), li hija proprjeta' ta' terzi u għalhekk l-obbligu li ssir it-triq hija tal-privat.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37374 u jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura nkluż l-entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu ma wżawx is-servizzi ta’ interpreti f’dawn l-aħħar sitt xhur.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37891 u jgħid kemm hija n-nefqa mill-Vot tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu li tkun allokata għall-pubbliċità? Kemm minnha hija għall-ħolqien ta' seating capaicty u kemm minna hija għall-amministrazjoni ġenerali? Kem hija l-allokazjoni kull sena? Jista' l-Ministru jagħti l-informazjoni sena b'sena għas-snin 2010, 2011 u 2012 ?
Response (MARCO, MARIO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Taħt Marketing hemm inklużi in-nefqa kollha sabiex Malta tinbiegħ bħala destinazzjoni turistika.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37827 u jgħid kemm kien l-ammont ta' fond li l-gvern daħħal mill-proċessi terzi ta' privatizzazzjoni bejn l-1998 u l-2012 sena b'sena? Kemm kien l-ammont ta' revenue iġġenerat a favur il-gvern minn bejgħ ta' proprjetà pubblika u minn amnestiji fiskali sena b'sena bejn l-2000 u 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37842 u jgħid liema hija l-fabbrika Braziljana li se tibda topera f'Malta dalwaqt u li diġà trasferiet l-operat tagħha f Malta? Kemm hemm ħaddiema ngaġġati magħha sal-lum? Kemm huwa l-investiment produttiv li ġie investit minnha f'Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fi żmien il-kriżi tal-Libja ħafna kumpaniji għaddew minn Malta biex marru lura pajjiżhom wara r-rivoluzzjoni fil-Libja. Din il-kumpanija għa¿let li tibda topera f’pajjiżna għaliex kellha prospetti illi se tibqa’ miexja effettivament bl-operazzjoni tagħha fil-Libja. Il-kumpanija fetħet f’Malta u kien hemm mumenti meta kienet timpjega 35 ruħ.
Sfortunatament is-sitwazzjoni fil-Libja ma tjibitx u allura din il-kumpanija għażlet li la l-kuntratti li kellha ma tistax tkomplihom, għażlet li ma tkomplix f’pajjiżna.
Fl-aħħar 4 snin kellna aktar minn 10,000 kumpanija li ġew reġistrati f’pajjiżna, 55% minnhom b’investiment barrani. Żdied ukoll l-investiment fil-fabbriki tant li aktar minn 160 fabbrika ddeċidew li jiftħu jew jespandu f’Malta b’investiment ta’ aktar minn €350 miljun.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37813 u 37562 u jagħti lista tal-Extra Budgetry Units inkluż magħhom korporazzjonijiet u entitajiet governattivi kollha? Jista' jagħti dettalji dwar kemm irċevew fondi mingħand il-gvern f'forma ta' sussidju u/jew transfers oħra sena b'sena bejn 2004 u 2012? Jista' jagħti lista sena b'sena minn min dawn EBUs kollha li kkontribwew flus lill-gvern mir-revenue tagħhom sena b'sena bejn 2005 u 2012 cioè ma ħadux sussidju imma ikkontribwew lill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.