Legislature:
Category:
Reset
Active:

kwestjoni dwar multi maħruġa fuq vettura

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31445 u jinvestiga l-ilment tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li minħabba li kien marid kellu jitfa' l-vettura fil-garaxx għal dawn l-aħħar snin u konsegwenza t'hekk weħel €2,600 multi extra mal-ħas tal-liċenzja? Jista' jikkonsidra li l-multi jkunu mnaqqsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, kif kien imħabbar fil-budget għal din is-sena, l-multa amministrattiva ta’ €2 kuljum (fir-rigward ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-liċenzji tal-vettura wara 90 ġurnata) m’għadhiex fis-seħħ, u l-ammont tal-multa amministrattiva tbidlet għal €10 fix-xahar. Barra minn hekk, fid-diskors tal-istess budget, il-gvern kien ħabbar li se joħroġ skema fejn persuni li għandhom il-liċenzji tal-vetturi jew ħlasijiet amministrattivi b’lura, ikunu jistgħu jirregolariżżaw ruħhom. Fil-fatt, l-Avviż Legali nru 22 tas-sena 2012 ġie ppublikat. L-iskema titlob li jekk persuna tixtieq li tħalli l-vettura fil-garaxx għandha tħallas nofs l-arretrati tal-liċenzja dovuti u l-ħlas tal-multa amministrattiva jitnaqqas għal €125. Il-ħlas ta’ċitazzjonijiet jew kontijiet pendenti għall-aċċess fil-Belt Valletta (CVA) iridu jinġabru kollha. Infurmat ukoll li fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qegħda tinforma lis-sidien tal-vetturi kollha li għandhom dawn l-arretrati, inkluża l-persuna li d-dettalji tagħha ntbgħatu separatament, sabiex imorru l-uffiċju ta’ Transport Malta u jirregolariżżaw l-pożżizzjoni tagħhom.

Għawdex — Għarb - kumpens għar-raba' meħuda biex titwessa' triq

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif il-porzjon raba', li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġiet meħuda biex titwessa' triq li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament fl-Għarb Għawdex u dan meta s-sidien tagħha ma ġew infurmati b'xejn u lanqas ħadd ma avviċinhom biex jieħu l-kumpens spettanti lilhom skont il-ligi u skont r-records jidher li l-esproprju sar mill-Ministru għal Għawdex u mhux mill-Kummissarju tal-Artijiet? Jista' jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid kif u meta se jingħataw il-kumpens dawn in-nies?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

MEPA — informazzjoni dwar planning control applications

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-ipproċessar ta' żewġ planning control applications li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar issottomettiet magħha stess u li jġibu n-numru PC 00054/10 u PC 00055/10? Jista' l-Ministru jagħti terminu definit ta' meta dawn iż-żewġ applikazzjonijiet se jiġu deċiżi? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il PA application li jaqgħu fil-konfini ta' PC 00054/10 u PC 00055/10 hemm pendenti quddiem l-awtorità? Jista' jagħti rendikont ta' meta (liema sena) dawn l-applikazzjonijiet ġew validati? Jista' jgħid jekk iħossx li l-awtorità hi ġustifikata li qed tagħti parir lill-applikanti tal-applikazzjonijiet riferuti sabiex jirtiraw l-applikazzjoni tagħhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ Planning Control applications li jġibu n-numru PC 00054/10 u PC 00055/10 ikopru żewġ Areas of Containment li jinsabu fi Triq l-Imdina, Żebbuġ rispettivament. L-applikazzjonijiet infetħu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabiex jiġi determinat it-tip ta' żvilupp, il-limitu ta' għoli permissibli u l-alignment taż-żoni rispettivi. Il-proċess ta' dawn l-applikazzjonijiet inbeda f'Diċembru 2010, fejn inkludew żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi rispettivi għaż-żewġ każijiet. L-applikazzjoni PC 55/10 għaddiet mill-istadji kollha tal-ipproċessar u ġiet deċiża mill-bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqt laqgħa pubblika fit-13 ta' Ottubru 2011. Id-deċiżjoni ġiet mgħoddija lill-Ministru responsabli sabiex japprova din id-deċiżjoni. Fil-waqt li l-applikazzjoni PC 54/10 waslet fl-istadju finali tal-ipproċessar u l-abbozz finali ser jiġi publiċizzat għall-attenzzjoni tal-pubbliku qabel ma jiġi diskuss quddiem il-bord tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għad-deċiżjoni finali. Din l-aħħar fażi hija proċedura ġdida li fil-preżent qed tiġi formulata sabiex tingħata iktar opportunita' lill-pubbliku sabiex ikun konxju tal-abbozz finali tal-pjan qabel jiġi diskuss għad-deċiżjoni finali. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-konfini ta' PC 0054/10 u PC 0055/1, hemm 9 applikazzjonijiet pendenti. 4 minn dawn l-applikazzjonijet ġew validati fl-2010, tnejn ġew validati fl-2009 u l-bqija ġew validati fis-snin 2007, 2008 u 2011 rispettivament. Minn dawn d-9 applikazzjonijiet pendenti, f'waħda biss ġie ssuġerit illi minħabba li l-applikazzjoni hija waħda tas-sena 2009 , (li allura ila tistenna madwar tlett snin u minħabba l-fatt li l-parametri għall-iżvillupp jistgħu biss jiġu stabbiliti wara li ssir revisjoni tal-Pjan ta' Struttura), l-applikazzjoni tiġi irtirata. Madankollu fl-istess ittra l-MEPA avżat lill-appliakant ili hu seta ukoll jibqa' jiproċedi b'din l-applikazzjoni mingħajr ma' jistenna li l-parametri tal-ipjjanar ġol- Area of Containment jiġu stabbiliti.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — post vakanti ta' chief security officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-rekwiżiti mitluba mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal post vakanti ta' chief security officer u li ġie rreklamat mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ mingħajr talba għal rekwiżiti? X'inhuma l-kriterji tal-għażla? Kemm kien hemm persuni li applikaw? Kif sar ix-short listing? Fuq liema kriterji?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rreklamat il-post vakanti ta’ Head of Security skond ir-rekwiżiti li jidru hawn taħt; “Applicants must be in possession of a degree related to security management or a related area, issued by the University of Malta or any other recognized institution. Candidates must also have at least five (5) years experience as Head of Security. Applicants having experience within the Police Force and/or in private investigation agencies shall be preferred.” Il-Kriterji tal-għażla huma maqsuma bejn il-kwalifiki, esperjenza u adegwatezza għall-post vakanti Kien hemm 37 applikazzjoni fejn 5 kienu eliġibli (2 minnhom barranin). Ġew short listed 3 applikazzjonijiet abbażi tal-kwalifiki mitluba.

Anzjani li bbenefikaw mill-għotja tal-Budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani 'l fuq minn 80 sena li bbenefikaw mill-għotja ta' €300 tal-budget?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa qed isiru l-preparamenti kollha biex l-għotja ta’ €300 lill-anzjani ‘l fuq minn 80 sena mħabbra fid-diskors tal-budget, tingħata fl-iqsar żmien possibli.
Leg 11 PQ #31610 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif intgħażlet il-persuna minn barra l-Istitut għall-Istudji Turistiċi biex tagħti lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti nhar il-15 ta' Diċembru 2011? Xi kwalifiċi fil-qasam tar-riċerka akkademika għandha din il-persuna? Liema kriterji intużaw fl-għażla tal-persuna? Tħallset din il-persuna? Jekk iva, kemm kienet ir-rata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna minn barra l-Istitut għall-Istudji Turistiċi li ġiet magħżula biex tagħti lecture dwar metodi ta' riċerka lill-istudenti nhar il-15 ta' Diċembru 2011 intgħażlet a bażi tal-esperjenza vasta fir-riċerka li għandha. Din il-persuna għandha PHD, Masters u Baċellerat. Tħallset bir-rata ta’ €23.30 is-siegħa.
Leg 11 PQ #31611 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — laqgħat tal-European Association of Hotel and Tourism School

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm uffiċjali tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi attendew għal laqgħat uffiċjali tal-European Association of Hotel and Tourism School, li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi huwa membru tiegħu, matul l-2009, l-2010 u l-2011? Kemm kien hemm stediniet uffiċjali u kemm fil-fatt kien hemm rappreżentanza mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X'kien l-iskop ta' kull parteċipazzjoni barra minn Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ uffiċjali tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li attendew għal laqgħat uffiċjali tal-European Association of Hotel and Tourism School, li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi huwa membru tiegħu, matul l-2009, l-2010 u l-2011 kienu ta’ wieħed għal kull sena. Kien hemm stedina uffiċjali. L-iskop ewlieni kien biex ikun hemm representanza fuq il-bord eżekuttiv tal-istess assoċjazzjoni.
Leg 11 PQ #31612 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — impjegati li talbu transfer

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li talbu transfer matul l-2010 u l-2011? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa? Fejn ġew trasferiti dawn l-impjegati? Il-post vakanti tagħhom ġie mimli minn persuni oħra? Jekk iva, b'liema proċess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li talbu transfer matul l-2010 u l-2011 huwa sebgħa. Kollha ġew milqugħa. Tlieta minnhom ġew trasferiti mad-DCS MEDE, wieħed mal-MTA, tnejn fi skejjel sekondarji u wieħed mal-Library Services, San Ġiljan. Il-post vakanti tagħhom sa issa ma ġiex mimli minn persuni oħra.
Leg 11 PQ #31613 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — transfer lill-impjegati mhux akkademiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudju Turistiċi ngħataw transfer lejn dipartimenti/entitjiet oħra pubbliċi matul l-2010 u l-2011 minħabba esiġenzi tas-servizz? Fejn ġew trasferiti dawn l-impjegati? Il-post vakanti tagħhom ġie mimli minn persuna oħra? Jekk iva, b'liema proċess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ebda mpjegat mhux akkademiku ma ġie trasferit minġhajr ma kien hemm talba min naħa tiegħu/tagħha.

Enemalta — salary band ta' impjegata

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema kategorija jew salary band tpoġġiet l-impjegata, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tal-Korporazzjoni Enemalta li riċentament ingħatat din il-ħatra?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-impjegata, li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament, tpoġġiet fil-kategorija ta’ bejn €29,500 - €33,000.

Budget 2012 — breakdown tal-ispiża fuq riklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern fuq riklamar relatat mal-Budget 2012 fuq il-gazzetti (jagħti breakdown gazzetta b’gazzetta), fuq it-televiżjoni (jagħti breakdown stazzjon bi stazzjon), fuq l-istazzjonijiet tar-radju (jagħti breakdown stazzjon bi stazzjon), fuq l-internet (jagħti breakdown website b’website) ? Jista' jgħid min ipproduċa dawn ir-riklami u kemm kien il-ħlas li rċieva għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif intgħażel min ipproduċa dawn ir-riklami?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-nefqa fuq id-disinn u l-produzzjoni ta’ din il-pubblikazzjoni kienet ta’ €3,717. L-iżpiża għall-istampar kienet ta’ €32,130, filwaqt li dak tal-pustaġġ kien €5,058.14. Il-produzzjoni tal-pubblikazzjoni saret minn Lighthouse Communications. Il-kumpanija ntgħażlet abbażi ta’ expression of interest li ħarġet fil-Gazzetta tal-Gvern Numru 18353 tat-12 ta’ Diċembru 2008. Ix-xogħol ta’ stampar sar mill-kumpanija Print It peress li l-istamperija tal-Gvern ma setgħetx tagħmel ix-xogħol fil-kwantitajiet u ż-żmien rikjest, filwaqt li d-distribuzzjoni fid-djar saret mill-Maltapost plc.

Nefqa fuq pubblikazzjoni fuq il-Budget

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-gvern fuq pubblikazzjoni li ntbagħtet fid-djar f’Malta u Għawdex relatata mal-Budget 2012 ? Jista' jgħid min ipproduċa din il-pubblikazzjoni u kemm kien il-ħlas li rċieva għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid kif intgħażel min ipproduċa din il-pubblikazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31615.

Wied il-Għajn — Servizz tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'servizz qed jiġi offrut mill-Arriva lir-residenti li joqogħdu ġewwa Wied il-Għajn fiż-żona magħrufa bħala s-Siberja? Hemm il-ħsieb li dan is-servizz jiġi mtejjeb speċjalment fejn għandha x'taqsam il-frekwenza tas-servizz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

British Pension Office — ilmenti mingħand pensjonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk irċeviex xi ilmenti mingħand pensjonati tas-servizzi Ingliżi speċjalment dawk li kienu jaqgħu taħt il-British Pension Office liema uffiċċju ngħalaq, dwar żidiet li suppost kellhom minn Awwissu tas-sena li għaddiet u dan għadu ma seħħx?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma rċieva l-ebda ilmenti mingħand pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz mill-Ministeru tad-Difiża Ingliż wara li ngħalaq il-British Pensions Office dwar żidiet li suppost gawdew minnhom minn Awwissu li għadda.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31490 u t-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jgħid kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #31625 Sitting 442 2012-02-06 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati ġodda mal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31491 u jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Gvern mal-entitajiet/korporazzjonijiet/ istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kontroll tal-Gvern? Kemm naqsu nies minn mal-Gvern u mill-entitajiet governattivi sena b'sena mill-2000 sa 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar tal-Onkoloġija — tlestija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li l-Isptar tal-Onkoloġija se jkun inbena u tlesta kompletament? Kemm hi stmata l-ispiża totali biex l-isptar tal-Onkoloġija jitlesta fit-totalità tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li huwa maħsub li ċ-Ċentru tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei jkun kompletament lest sal-aħħar tas-sena 2013. Dan ifisser li ċertu servizzi jistgħu jkunu qegħdin jaħdmu qabel din id-data. L-ispiża għal dan l-isptar se tkun €59.6 miljun, ko-finanzjati minn fondi tal-Unjoni Ewropeja.

Sptar Mater Dei — operazzjonijiet tal-għajnejn - telfien tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum li saritilhom operazzjoni jew interventi f'għajnejhom fl-Isptar Mater Dei u spiċċaw tilfu d-dawl minn dik l-għajn? Jista' jispeċifika liema kienu dawk l-interventi li fl-aħħar wasslu għat-telfien tad-dawl tal-għajn? X'investigazzjonijiet saru?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din l-informazzjoni ma tinżammx. Jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar xi każ partikolari li jixtieq jgħaddilna, tkun tista’ ssir il-verifika neċessarja.