Peress li bħalma jaf kulħadd, is-sit medjevali fis-Simblija limiti tar-Rabat/Dingli f’Malta, ġie riabilitat b’fondi pubbliċi kif ukoll b’fondi Ewropej u l-post ġie inawgurat fi Frar ta’ sena 2003 mill-Ministru tar-Risorsi u Infrastruttura, l-Onor. Francis Zammit Dimech u peress li ma tidher l-ebda informazzjoni fuq fondi tal-Unjoni Ewropea taħt is-sit tad-dipartiment tal-Planning and Priorities Coordination, jista’ l-Ministru jgħid:
1. Kemm kienu l-fondi li ngħataw mill-Unjoni Ewropea;
2. Kemm kienet il-kontribuzzjoni tal-Gvern Malti;
3. Taħt liema skema jew programm tal-Unjoni Ewropea ngħataw il-fondi;
4. Jekk kienx hemm kundizzjonijiet jew wegħdi mill-Unjoni Ewropea marbutin ma’ dan il-proġett , u jekk fl-affermattiv, x’kienu;
5. Jekk xi partijiet mill-fondi ntużaw sabiex jiġu mibnija jew irranġati strutturi privati ta' familja partikolari li għandha l-użu temporanju tal-art tal-gvern fl-intorni;
6. Jekk dan il-lok storiku kulturali għadux miftuħ għall-pubbliku; u
7. X'inhi s-sitwazzjoni fuq l-aċċess għall-pubbliku mill-passaġġi li jagħtu għal dan il-lok li ilhom jeżistu minn żmien il-Medju Evu u li issa huwa mhedded mill-istess familja?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.
Ta Xbiex — Malta Royal Yacht Club - aċċess għall-baħar
Question
Jista' l-Ministru jgħid huwiex konformi mal-liġi li l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta' Xbiex filwaqt li kif għandhom kull dritt jkomplu bil-ħidma tagħhom, fl-istess waqt jagħlqu parti mit-triq fejn hemm aċċess għall-baħar għan-nies fl-akwati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern għadda l-proprjetà li għandha l-Malta Royal Yacht Club ġewwa Ta’ Xbiex, lill-Kunsill Malti għall-Isport permezz ta’ Avviż Legali Numru 81/2009. L-art li ġiet trasferita lill-Kunsill Malti għall-Isport ma kinitx tinkludi wkoll it-triq li tagħti aċċess għall-baħar. Fil-fatt, id-Dipartiment ħa passi biex inħarġet Ordni ta’ Żgumbrament, sabiex jitneħħa l-imblokk ta’ dan l-aċċess u minn spezzjoni li saret dan l-aħħar, irriżulta illi l-aċċess għall-baħar reġgħa nfetaħ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konformi mal-liġi industrijali li l-impjegati tal-language school EF jiġu mġiegħla jieħdu time in lieu għal kull siegħa żejda li jaħdmu b'żieda mal-ħinijiet normali tax-xogħol u b'hekk jirrinunzjaw għall-entitlement tagħhom għall-overtime?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-impjegati li jaħdmu overtime għandhom dritt li jitħallsu skont rata stipulata f’ xi liġi jew ftehim kollettiv applikabbli. Minn investigazzjoni li saret f’din l-intrapriża ma rriżultax li kien hemm xi mpjegati li kienu mġegħla jieħdu time in lieu flok jitħallsu overtime.
Jekk l-Onor. Interpellant ghandu xi nformazzjoni specifika, jekk irid jista’ ghaddiha b’mod kunfidenzjali.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar milli tiżgombra basement fil-post, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li suppost kellu enforcement notice u żgumbrament datat 12 ta' Jannar, 2011 billi qed jintuża illegalment għal skopijiet residenzjali?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ fis-Swieqi li qed issir riferenza għalih wasal fl-istadju li legalment tista' tittieħed azzjoni diretta fuqu mill-MEPA. B'hekk fil-mument opportun il-MEPA tista' taġixxi fuqu skont id-diskrezzjoni u l-prijoritizazzjoni tagħha.
studenti u ħaddiema Għawdxin li gawdew minn skema ta' sussidju
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti u ħaddiema Għawdxin separatament ibbenefikaw kull sena mill-1999 sal-2011 mill-iskema ta’ sussidju għal studenti u ħaddiema Għawdxin? Tista’ tgħid kemm tħallsu kull sena l-istudenti u l-ħaddiema separatament? Tista’ tgħid l-istudenti liema istituzzjoni edukattiva kienu jattendu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti Għawdxin bbenefikaw kull sena mill-1999 sal-2011 mill-iskema ta’ sussidju għal akkomodazzjoni f’Malta? Tista’ tgħid kemm tħallsu kull sena dawn l-istudenti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31336.
Fid-dawl tal-għadd ta' ilmenti ta' residenti tal-Għargħur dwar kif tnaqqas sostanzjalment is-servizz tat-trasport pubbliku lejn u mill-Għargħur, jista' l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru konsultazzjonijiet mal-Arriva biex ikun hemm l-istess frekwenza, konvenjenza u puntwalità li r-residenti tar-raħal kienu mdorrija u moqdija bihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt t-talba tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jara li jsiru traffic lights fil-Gudja bypass Gudja fejn sar stage tal-Arriva minħabba l-periklu kbir li qed jkun hemm minħabba t-traffiku u l-karozzi dejjem għaddejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sejħa għall-offerti għal dawn ix-xogħlijiet ħarġet u qed tiġi aġġudikata. Ix-xogħol ikun jista' jinbeda wara li jitlesta dan il-proċess.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li minkejja li applika għall-pensjoni, jidher li hemm xi problemi fuq xi P3 tas-snin 1971 - 1973?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara kif il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, ma rċevietx iċ-childrens' allowance minkejja li għadda ż-żmien?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-file tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li għandha s-soqfa kkundannati u applikat għal post tal-housing?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
B'risposta għall-mistoqsija parlamentari 31358 ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2006 saret spezzjoni minn perit tal-Awtorità tad-Djar fl-indirizz minn fejn qed japplika l-individwu. L-indiviwu kien imħeġġeġ japplika taħt Skema tal-Awtorità tad-Djar u ġew anke elenkati x-xogħlijiet sabiex irrendi l-post abitabbli. L-individwu esprima x-xewqa li ma kienx jirranġa dan il-post. Peress li l-istock tal-postijiet huwa limitat ħafna, l-applikant huwa mħeġġa biex jikri mis-settur privat u jiġi ġewwa l-Awtorità tad-Djar u japplika għas-sussidju tal-kera dejjem jekk tkun konformi mal-kriterji tal-istess awtorità.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma ta' koppja anzjana, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, li ilhom ma jirċievu l-kontijiet xhur u minkejja li jċemplu l-ARMS Ltd jibqgħu bla risposta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li fl-24 ta Novembru, 2011 mar l-isptar biex issirlu l-operazzjoni, imma bagħtuh lura d-dar? Jista' l-Ministru jara l-każ u jiġi kkuntattjat dan l-anzjan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-każ ta' anzjan, li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, qiegħed fil-lista tal-operazzjonijiet u se jiġi operat f'qasir żmien.
Għall-fatt illi huwa ma ġiex operat fid-data stipulata, tajjeb li wieħed jkun infurmat illi f’din l-imsemmija data kien hemm ħafna operazzjonijiet b’emerġenza u li għalhekk kellhom jitħassru oħrajn, sfortunatament fosthom tal-anzjan imsemmi.
Il-pazjent ġie infurmat li għandu jirċievi telifonata mingħand it-tobba rigward dan il-każ mis-sezzjoni tal-Customer Care tal-isptar.
San Pawl il-Baħar — ftehim dwar rotot li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-Arriva, biex ikun hemm almenu rotta waħda ta' karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada, San Pawl il-Baħar, fid-direzzjoni ta' Bugibba/Qawra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31079.
Madankollu, ninsab infurmat li l-passiġġieri li jkunu jridu jirkbu mill-inħawi ta’ Triq Toni Bajada jistgħu jirkbu jew ir-rotta 41 minn Triq il-Mosta jew inkella jirkbu r-rotta 31 hi u dieħla l-venda ta’ Buġibba minn fejn Tlajjet il-Bognor.
San Pawl il-Baħar — tibdil fir-rotot li jgħaddu minn Triq Ġulju
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li qed jgħaddu minn Triq il-Ġilju, San Pawl il-Baħar, billi dawn il-karozzi qed jikkawżaw danni lit-triq tant li partijiet sostanzjali minnha tkissru matul l-aħħar xhur? Jista' l-Ministeru jassigura li din it-triq ma tibqax titkisser b'dan il-mod konsegwenza ta' dan is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn Triq Ġulju jgħaddu r-rotot hekk kif gej:
Rotta 31
Rotta 12
Rotta X3
Rotta 221
Rotta 223
Rotta 401
Infurmat ukoll li Transport Malta se tinvestiga x’tip ta’ ħsarat qed isiru u x’inhi l-kawża.
Xemxija — limiti tal-Fekruna - tiswija fuq it-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-telgħa tax-Xemxija, qabel id-daħla lejn l-inħawi magħrufa bħala tal-Fekruna, issir it-tiswija neċessarja tal-istess triq li ġralha ħafna ħsara matul dawn l-aħħar jiem?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li saru interventi biex tissewwa ħsara f’din il-parti tat-triq.
rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid huwiex possibbli li tinħoloq rotta għat-trasport pubbliku Birkirkara via Valletta u lura li titlaq minn dik li kienet qabel il-venda tal-karozza tal-linja 71 u cioè li tgħaddi minn Birkirkara l-parti ta’ Fleur De Lys, Santa Venera, Ħamrun, Blata l-Bajda u tibqa' sejra l-Belt Valletta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru.31079.
Sptar Ġenerali ta' Għawdex — buzzers mhux jiffunzjonaw
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-buzzers fuq is-sodod fil-male ward fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex mhumiex jiffunzjonaw? Ma tarax il-Ministru li dawn huma essenzjali għall-pazjenti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sistema ta' nursecall fis-Sala tal-Irġiel qiegħda tiffunzjona kif suppost wara li l-ħsarat li ġarrbet ġew indirizzati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjonijiet bħal din, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilhom minn Mejju 2011 ma jiġu proċessati għalkemm kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-applikazzjonijiet jiġu proċessati Malta minflok Għawdex?