Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rata ta' €5.41 kull siegħa, li hija rata stabbilita mill-Unjoni Ewropea xi ħames snin ilu għall-ħlas tax-xogħol li jsir mill-proprjetarji tal-irziezet fl-istess irziezet tagħhom li jirrikorru għall-għajnuna, hijiex adegwata għaż-żminijiet tal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex qegħdin jittieħdu prekawzjonijiet sabiex vapuri deħlin jew ħerġin mill-Port ma jegħrqux u jimblokkaw il-Port il-Kbir?
Tista' l-Ministru tagħti kunsiderazzjoni xierqa lit-talba li ilha pendenti madwar sentejn biex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li tattendi year 5 Ladybirds fil-Kulleġġ Santa Kjara, f'San Ġwann, tingħata facilitator billi hija meqjusa slow learner?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-ġenitur ingħatat appuntament biex tidher quddiem l-iStatementing Moderating Panel li jiddeċiedi dwar l-għajnuna li għandha tingħata lil din l-istudenta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm dan l-aħħar jingħad li għaddew ħames uffiċjali tal-Armata għall-AI - EOD - explosive ordinance disposal, tnejn minnhom biss qegħdin jieħdu l-allowance speċjali minkejja li kif ninsab infurmat, ilkoll jagħmlu xogħol tal-istess livell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-eżami ta’ Conventional Munition Disposal Engineer Group A Class I li sar f’Ġunju ta’ l-2010.
Ninsab infurmat li l-ħlas relatat mas-snajja fl-armata hu regolat mit-Trade Establishment tal-istess armata li jindika n-numru ta’ persuni intitolati għal ħlas f’dik is-sengħa partikolari. Fir-rigward tas-sengħa msemmija hemm aktar persuni kwalifikati minn kemm jistipula l-Establishment. Madankollu l-istess persuni huma lkoll qed jirċievu ħlas għall-istess kwalifika fi Class II apparti l-
Explosives Allowance
ta’ €782 fis-sena applikabbli għall-membri kollha li jaħdmu fl-
Ammunition & Explosives Storage and Disposal Squadron
.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema kien dak il-mard eċċ. fis-settur tal-biedja rrappurtat u/jew stabbilit mill-uffiċjali tad-Dipartiment matul l-2011 fl-oqsma varji tal-ortikultura, uċuħ ta' raba', trobbija tat-tjur u bhejjem eċċ.?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għar-Regolamentazzjoni tal-Biedja u Sajd permezz tad-Dipartiment Veterinarju u tad-Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjant, b’mod kontinwu u sistematiku jagħmlu spezzjonijiet u testijiet biex tkun żġurata l-għola standard tal-prodott agrikolu.
Matul is-sean 2011, fuq bażi regolari saru spezzjonijiet u testijiet meħtieġa u għalkemm numru ta’ każijiet identifikati ta’ mard, dan bl-ebda mod jindika problemi allarmanti u jeskludu li hemm xi riskju partikolari għas-saħħa tal-konsumatur.
Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba,
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm huwa n-numru ta' ċittadinanzi li ġew approvati matul l-2011? Kemm minnhom kienu abbażi ta' ċittadinanza doppja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2011, 988 persuna ġew reġistrati filwaqt 92 persuna ġew naturalizzati bħala ċittadini ta' Malta.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn wara l-emendi għal-liġijiet taċ-Ċittadinanza mis-sena 2000, kull persuna li takkwista ċ-ċittadinanza Maltija għandha dritt iżomm kull ċittadinanza barranija oħra li jkollha jew li tista' takkwista fil-futur.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-mument kemm huwa n-numru ta' talbiet għaċ-ċittadinanza doppja u/jew xorta oħra pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija Nru 31532 fejn għandha x'taqsam il-kwestjoni taċ-ċittadinanza doppja, ninsab infurmat lid-Dipartiment taċ-Cittadinanza u tal-Expatriates sal-aħħar ta' Jannar kien qed jipproċessa 1048 applikazzjoni mingħand persuni, li fil maġġoranza tagħhom qed jgħixu barra minn Malta, sabiex jiġu reġistrati jew naturalizzati bħala ċittadini ta' Malta.
Spezzjonijeit fl-irziezet/produtturi tat-trobbija tal-baqar — quality control
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31442 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30986, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-ispezzjonijiet saru minn quality controls privati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31443.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30987, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-ispezzjonijiet saru minn entitajiet privati u min kienu l-entitajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31443.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31439 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30986, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li kienu ma' normi tal-istandards stabbiliti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31529.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax issir inspection mis-Sanità dwar l-istandards tar-razzett li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fejn skont rapporti li saru, minkejja li dan jinstab qrib l-abitat, għandu d-demel tal-baqar li ma jinżammx kif suppost taħt tinda u l-istandards bażiċi ambjentali tal-indafa mhumiex jinżammu ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul dawn l-aħħar ġranet uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali għamlu diversi tentattivi sabiex issir spezzjoni fir-razzett indikat iżda dan ir-razzett dejjem instab magħluq, saħansitra l-istess uffiċċjali marru wkoll fir-residenza ta’ sid ir-razzett iżda lanqas hawn ma sabu lil ħadd u għalhekk aktar tentattivi sabiex issir l-ispezzjoni neċessarja f’dan ir-razzett se jibqgħu jsiru mill-istess uffiċċjali.
Ninsab infurmat ukoll li fl-2009 ittieħdu passi legali kontra sid l-istess razzett fuq ilment simili liema każ għadu
sub-judice.
Peress li r-residenti ta' Triq San Blas, in-Nadur, Għawdex qed jilmentaw għaliex qabel ma saret ir-riforma fit-trasport pubbliku kien hemm servizz minn din it-triq u issa wara li saret ir-riforma l-ebda karozza tal-linja m'hi tinżel f'dawn l-inħawi; peress allura li issa r-residenti qed ikollhom jimxu distanza twila mhux ħażin biex appuntu jaqbdu tal-linja, peress ukoll li din hija waħda mill-itwal toroq li għandna f'Għawdex u hemm ukoll ħafna anzjani jgħixu hemm u peress allura li dan huwa kaġun ta' inkonvenjent kbir, jista' l-Ministru jara kif jindirizza din is-sitwazzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 31079. Madankollu infurmat ukoll li l-osservazzjoni tal-Onor. Interpellant se tkun ikkunsidrata f’tibdil fil-futur.
Peress li r residenti ta' Marsalforn in partikolari Qbajjar Road qed jilmentaw minħabba qtugħ ta' ilma, jista' l-Ministru jara li l-ħsara li hemm tiġi rimedjata?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-qtugħ, li kien ippjanat minn qabel kif ukoll imħabbar fil-media, kien meħtieġ minħabba bżonn ta’ manutenzjoni fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma ta’ Victoria. M’hemm l-ebda ħsara li qed tikkaġuna xi qtugħ.
informazzjoni dwar familji li jieħdu d-disabled child allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm familji li jieħdu d-disabled child allowance kull lokalità separatament u kemm minnhom jieħdu wkoll iċ-children's allowance, children's allowance flat rate u foster care allowance? Jista' jagħti l-informazzjoni skont l-età u s-sess tat-tfal b'diżabiltà?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Qed nissottometti fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Nota
: Fl-ewwel tabella għandek issib statistika dwar il-familji li jirċievu Disabled Child Allowance, u hemm indikat x’benefiċċji tat-tfal oħra qegħdin jirċievu. Meta konna qegħdin niġbru l-istatistika sibna sitt familji li la qed jieħdu Children Allowance(CA) u lanqas Children Allowance Flat Rate (CAFR) għalkemm qed jieħdu Disabled Child Allowance. Dawn tlabna lista tagħhom u se nikkuntattjawhom.
Rigward it-tieni lista din hi dwar tfal li jirċievu Disabled Child Allowance mqassma skont is-sess u l-età. Jekk wieħed iqabbel it-tabelli se jsib diskrepanzi fl-ammonti, dan għaliex jista' jkun li hemm familji b’iktar minn tifel/tifla waħda li jirċievu Disabled Child Allowance fl-istess familja.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 31114 dwar iċ-children's allowance, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-children's allowance tat-tfal in care jew foster care tibqax titħallas lill-ġenituri naturali jew lil xi ħaddieħor jew inkella titpoġġiex f'xi kont f'isem it-tfal jew b'diriġenti tad-djar residenzjali?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Allowance tat-tfal in care(dawk li jgħixu fil-homes), titħallas lid-dirigenti tad-djar residenzjali, waqt li l-allowance tat-tfal tal-foster care titħallas f’kont bankarju indikat lil persuna li tkun qed tieħu ħsieb it-tfal fostered.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux regoli dwar kemm għandha tkun għolja bankina? Jekk fl-affermattiv, kemm hu l-massimu ta' dan l-għoli u x'infurzar qed isir biex bankina ma tkunx ogħla mil-livel massimu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li skond il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali 364 (2003), rivedut permezz tal-Avviż Legali 29 (2010), l-għoli massimu ta’ bankina għandu jkun ta’ 125mm ’l-fuq mil-livell tal-karreġġjata adjaċenti (sakemm ma jeżistux kundizzjonjiet speċifiċi li jesiġu qies differenti).
F’kuntratti li huma responsabbilità ta’ Transport Malta, kull
project leader
huwa meħtieġ jassigura li l-provedimenti tal-Avviż Legali 29 (2010) f’dan ir-rigward ikunu applikati.
Jista' l-Ministru jgħid billi l-breakwater tax-Xemxija kienet saritlu ħsara estensiva bil-maltemp fl-aħħar tlettax-il sena, hemm il-ħsieb li ssir tiswija ta' dan il-breakwater u li jitpoġġew ġebel kbir u/jew ankri ħalli l-mewġ jitkisser qabel jilħaq il-breakwater?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din is-sena, Transport Malta se tħejji studji u evalwazzjoni dwar dan il-
breakwater
.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tibda tintuża żebgħa għal road markings li ma tkunx tiżloq u ta' periklu għall-inġenji fit-toroq tagħna u għall-persuni li jaqsmu fuq iż-zebra crossing?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-skid resistance ta’ road markings iridu jaqblu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Avviż Legali 29 tal-2010. Din ir-reżistenza trid tinżamm għal perjodu minimu ta’ miljun u nofs passaġġ ta’ vettura.
Peress li l-intensita’ tat-traffiku fit-toroq arterjali/distributorji tvarja (bejn madwar 2 miljun sa 22 miljun passaġġ ta’ vettura f’sena) ir-reżistenza tar-road markings kontra l-sikiddjar (speċjalment f’żebra crossings) tista’ tkun ta’ ftit xhur mill-mument tal-applikazzjoni.
Transport Malta kkollaborat ma’ laboratorju indipendenti (Malta National Laboratory – MCCAA) sabiex apparat speċjali (British Pendulum Tester) li jkejjel il-livell ta’ friction, ikun ikkalibrat u utiliżżat. Dan jippermetti li Transport Malta tidentifika u tintervjeni f’siti speċifiċi fejn it-testijiet jikkonfermaw livell baxx ta’ skid resistance.
Transport Malta — tenders jew direct orders għal road markings u traffic signs
Question
Bejn l-1 ta' Jannar 2010 u l-aħħar ta' Ottubru 2011, jista' l-Ministru jgħid liema kienu l-kumpaniji li ħadu kuntratti wara tenders jew b'mod dirett minn Transport Malta għal road markingsu traffic signs? F'kull każ:
a) kull kumpanija kemm ħadu kuntratti;
b) kemm kien il-valur ta' kull kuntratt; u
ċ) x'kienet id-data li fiha ingħataw il-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.