Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ilma tax-xorb — traċċi ta' bexx

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28817 u jgħid jekk il-bexx li jintuża bħala pestiċida jaffettwax il-water table u jekk hemmx studji li juru traċċi ta' dan il-bexx mal-ilma tax-xorb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li llum is-sustanzi kollha li huma permessi fuq is-suq iridu qabel xejn jkun approvati fil-livell tal-Unjoni Europea wara li s-sustanza attiva tkun giet evalwata. Barraminhekk isir ukoll moniteraġġ tal-użu ta' dan il-prodotti rigward jekk ikollux xi effetti kemm fuq il-prodott innifsu kif ukoll fuq il-watertable. Din l-awtorizazzjoni biex jitpoġġa fis-suq u l-monitoraġġ fuq il-prodotti agrikoli hija responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Malta ghall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur. Jien infurmat li l-analiżi fuq l-ilma tax-xorb isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Spezzjoni fuq il-frott u l-ħaxix minħabba pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28815 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2010 biex jaraw li l-frott u l-ħaxix li jkun hawn fis-suq Malti u Għawdxi ma jkollux kwantità kbira ta' pestiċidi ġo fih? Jista' jgħid kif jiġi ċċekkjat li l-frott ma jkollux pestiċidi u li huwa tajjeb għall-ikel? Jista' jgħid fejn jiġi ċċekkjat u kemm jiġi jiswa dan il-proċess kollu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Infurmat li l-ammont ta’ spezzjonijiet fuq frott u ħaxix matul is-sena 2010 saru 129-il spezzjoni. Dawn il-prodotti kienu jinkludu kemm prodotti mkabbrin Malta kif ukoll prodotti impurtati min pajjiżi differenti. Il-prodotti li ġew analizzati ittieħdu kollha minn fuq is-suq Malti. It-testijiet saru ġewwa laboratorju akkreditat ġewwa Sqallija u kull test ġie jiswa Eur 110. Għalhekk il-proċess biex jiġu testjati dawn il-129 prodott ġie jiswa Eur 14,190.

NGO — użu ta' faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux faċilitajiet sportivi offruti lill-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi bħas-Soċjetà tal-Museum li jkunu jridu jieħdu t-tfal jilagħbu l-Ħadd wara nofsinhar? Tista' tgħid jekk dawn il-faċilitajiet humiex b'xejn jew inkella humiex against payment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) għandu skemi apposta biex għaqdiet reġistrati miegħu jagħmlu użu b’rati sussidjati ħafna tal-faċilitajiet sportivi amministrati mill-istess KMS. Barra minn hekk, il-KMS joffri l-użu tal-istess faċilitajiet lil għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ b’rati favorevoli wara ftehim li sar bejn il-KMS u l-Aġenzija Żgħażagħ. Il-KMS għandu wkoll programm sportiv flimkien mas-Soċjetà tal-MUSEUM tas-subien li permezz tiegħu isir użu tal-faċilitajiet fil-Kulleġġ San Benedittu u l-Kulleġġ San Injazju l-Ħadd wara nofsinhar. Dan il-programm sportiv huwa bla ħlas.

NGO — faċilitajiet sportivi b'xejn

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux faċilitajiet sportivi mingħajr ħlas li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom l-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi bħall-Museum il-Ħadd wara nofsinhar? Jekk iva, fejn u x'inhuma dawn il-faċilitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm numru ta’ faċilitajiet sportivi amministrati mill-Kunsill Malti għall-iSport li l-użu tagħhom huwa b’rati sussidjati għall-entitiajiet reġistrati mal-KMS jew dawk reġistrati mal-Aġenzija Żgħażagħ, filwaqt li hemm oħrajn li l-użu tagħhom huwa b’xejn għal kulħadd. Il-faċilitajiet b’rati sussidjati huma l-faċilitajiet fil-Kumplessi Sportivi kollha amministrati mill-KMS u l-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel. Dawk b’xejn huma t-tracks fil-Kulleggi San Injazju u San Benedittu permezz tal-Walking & Jogging Club, l-Out Door Fitness Centre f’Ta’ Qali u l-High Ropes Course f’Ta’ Qali wkoll.

Nursing Officers — Qasam tas-Saħħa u Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażlu l-persuni li se jinħatru l-Nursing Officers fil-Qasam tas-Saħħa u fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li ntużaw biex intagħżlu l-persuni li se jinħatru nursing officers fil-Qasam tas-Saħħa huma kif spjegati hawn taħt: - Related Professional Knowledge Max Marks – 90 - Relevant Experience Max Marks – 75 - Abilities required for the post Max Marks – 60 - Qualifications Max Marks – 45 - Personal Qualities Max Marks – 30 Total Max Marks - 300

Nursing Officers — Qasam tas-Saħħa - postijiet vakanti għal nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li ħarġu r-riżultati tan-Nursing Officers kemm hemm iktar postijiet vakanti fil-Qasam tas-Saħħa fejn jidħlu nurses? Fejn huma u f'liema gradi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li filwaqt li l-ħatra ta’ numru ġdid ta’ nursing officers se joħloq numru ta’ consequential vacancies fil-grad ta’ deputy nursing officer, il-mili ta’ dawn il-vakanzi huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll il-Public Administration HR Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.

Relief ta' persuna

Question

Jista' l-Ministru jara x'ġara mir-relief tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, peress li għandha tieħu b'lura ta' tliet xhur minn Ġunju sa Settembru?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Enemalta — ċitazzjonjiet tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' ċitazzjonijiet li l-Korporazzjoni Enemalta ħallset fuq karozzi (kemm hired/leased/owned) li kienu assenjati fl-uffiċċu taċ-Chief Executive Officer u f'dipartimenti oħra tal-korporazzjoni bejn l-20 ta' Novembru 2008 u s-17 ta' Novembru 2011? Jista' jikkonferma li hija l-prassi tal-istess korporazzjoni li l-impjegati jħallsu ċ-ċitazzjonijiet u s-soltu taħt l-ebda ċirkostanza ma titħallas ċitazzjoni mill-Korporazzjoni Enemalta, kif fil-fatt ġie kkonfermat meta riċentement ħarġet ċirkolari mid-dipartiment tal-Corporate Services?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevol Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn iċ-ċitazzjonijiet. Ninsab infurmat illi ftit tal-ġranet ilu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta ħareġ struzzjonijiet lid-dipartiment tal-finanzi fil-korporazzjoni, u anke nħarġet ċirkolari mid-Dipartiment tal-Corporate Services li tfakkar lill-impjegati kollha li l-ebda ċitazzjoni m’hi se tithallas mill-korporazzjoni, u din tapplika għal kullħadd. Ninsab infurmat ukoll li l-Korporazzjoni se titlob li f’dawn il-każijiet kollha, l-uffiċċjali konċernati jħallsu l-ammont taċ-ċitazzjoni mħallsa mill-korporazzjoni.

kont tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-koppja li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li ilu jirreġistra imma mhu qed jieħu xejn, għandux dritt għall-għajnuna soċjali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna konċernata se tiġi ikkuntattjata permezz tat-telephone minn uffiċċjal tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jiġi spjegat lilha il-process sabiex wieħed japplika għall-għajnuna.

każ dwar pensjoni tar-romol

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għandhiex dritt li tieħu l-pensjoni tar-romol peress li din applikat imma kemm-il darba ġiet infurmata li mhijiex intitolata għaliha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

San Ġwann — Triq Mensija - probelma ta' ilma fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġi indirizzat l-ilment tar-residenti tat-triq twila u prinċipali, Triq Mensija ġewwa San Ġwann li jmur lura għadd ta’ snin u li anki l-kunsill lokali jafu bih, biex tiġi indirizzata l-problema tal-ilmijiet ikkawżati allegatament minn għoti ta’ tarmak fuq tarmak, li ħafna drabi qed iwassal għal flooding f’ħafna djar u anki bjar u btieħi tan-nies u dan b’żieda mal-ilmijiet li jkunu ġejjin minn triqat oħrajn fil-qrib?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li jien infurmat li din it-triq taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

kwestjoni dwar kont tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li l-kumpanija ARMS Ltd tinvestiga l-ilment ta’ familja ta’ tlieta min-nies b’tifel ta' 11-il sena, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed ikollhom kontijiet ikkalkulati b’mod eċċessiv fejn jidħol il-konsum tal-ilma minkejja li l-meter inbidlilhom madwar sena ilu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijient.

ARMS Ltd — kont

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li qabel għall-kont tad-dawl u l-ilma kien iħallas €210 u issa rċieva kont ta' €2,002? Jista' xi ħadd mill-ħaddiema ta' ARMS Ltd jikkuntattjah?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li minn naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

Servizz tad-dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31082 u jara li jitmexxa każ ta' żewġ persuni li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, li waħda minnhom hija Għawdxija li tikri post furnished u li issa għalqilha l-kuntratt? Peress li dawn għandhom post Marsaxlokk u applikaw għad-dawl u ilma jista' l-Ministru jara li dan is-servizz jingħatalhom mill-aktar fis biex ikunu jistgħu jidħlu fih?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni għall-istallazzjoni tas-servizz tal-ilma mitlub għaddiet għand il-persuna nkarigata mix-xogħol sabiex jagħmel appuntament mal-klijenta fil-ġranet li ġejjin.

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 31435 u cioè:Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li siefru club class matul l-2010 kien sitta u matul l-2011 kien ħamsa.

regolaturi taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skont ir-regolamenti relattivi, r-regolaturi taċ-ċilindri tal-gass li jistgħu jinbiegħu f'Malta għandux ikollhom inkorportat fihom build-in excess-flow valve bħala prekawzjoni? Jekk le, għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur li hu responsabbli mill-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur

Hyperbaric Chambers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn hyperbaric chambers f'Malta u Għawdex? Fejn qegħdin? Min iħaddimhom? Jista' jgħid hux qegħdin in good working order? Kemm-il pazjent uża dawn iċ-chambers mill-2008 sal-lum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’Malta hawn żewġ chambers fl-Isptar Mater Dei, u żewġ chambers fl-Isptar San Luqa. F’Għawdex hemm chamber waħda fl-Isptar Ġenerali. Fl-isptar Mater Dei, it-tim tal- Hyperbaric Unit jikkonsisti minn żewġ tobba, tlett infermiera, u tlett tekniċi. F’Għawdex it-tim jikkonsisti minn żewġ tobba ( part-time fil- Hyperbaric Unit ), tlett infermiera ( part-time fil- unit ) u tlett tekniċi. Iċ- chambers ta’ San Luqa ma jintużawx. Waħda hija antika u l-oħra hemm pjan li tittieħed Mater Dei wara rinnovament. Iċ- chambers ta’ Mater Dei huma f’’ working order ’ perfetta u kull sena isirilhom il-manutenzjoni u test annwali u jiġu ċċertifikati mill-kumpanija ta’ assigurazzjoni. Il-pazjenti li ġew trattati fl-isptar Mater Dei kienu : 2008 – 70 (922 trattament), 2009 – 83 (1,572 trattament), 2010 – 74 (2,112 trattament), 2011 – 64 (995 trattament). Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-parti tal-Mistoqsija dwar Għawdex lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post — spezzjonijiet f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol f'Għawdex minn spetturi tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fl-2008, fl-2009 u fl-2010? Kemm nies instabu ħatja f'Għawdex ta' ksur tar-regolamenti u kemm huma l-multi li ġew inflitti b'kollox?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ spezzjonijiet li saru f’Għawdex, kien kif muri hawn taħt: 2008 - 9 2009 - 30 2010 - 87 Fir-rigward ta’ kemm instabu ħatja persuni, irid ikun ppreċiżat li l-akkużi mhux dejjem ikunu kontra individwi, iżda jistgħu jkunu kontra kumpaniji u d-diretturi tagħhom – f’dan il-każ ma tinżammx statistika dwar kemm ikunu nstabu ħatja persuni. Għal din ir-raġuni, qed tingħata nformazzjoni dwar kawżi deċiżi kontra l-akkużat jew akkużati. 2008: €3,936 f’sitt każijiet separati u żewġ sentenzi sospiżi ta’ priġunerija ta’ 3 xhur; 2009: €25,094 f’dsatax-il kawża separata; 2010: €14,142 fi sbatax-il kawża.

spezzjonijiet fuq il-ħalib tal-baqra ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-ħalib tal-baqra ta' Malta ma fihx MRSA jew organismi/sustanzi oħra perikolużi għas-saħħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-ħalib tal-baqar li jiġi ikkonsenjat lill-MDP jiġi ttestjat biex jiġu ikkontrollati ċ-ċelloli somatiċi fil-ħalib li huma indikazzjoni ta' taħsir fis-sider tal-baqar. Jekk dawn iċ-ċelloli somatiċi jkunu għoljin, il-ħalib ma jintużax. Isiru wkoll testijiet għar-residwi t'antibiotiċi u mediċi ohra u f'dan il-każ ukoll il-ħalib ma jixtużax. F'dan il-każ ir-razzett jiġi sospiz minn meta jinstab posittiv sakemm ir-residwi ma jibqawx jinstabu. L-irziezet jiġu mmultati jekk jinstabu posittivi għal dawn ir-residwi. Barra minn dawn it-testijiet, isiru testijiet oħra għal dawk ir-residwi kull tant żmien fuq numru ta' kampjuni meħuda skont il-MANCP (Multi Annual National Control Plan) li jservu bħala sorveljanza biex jikkonfermaw illi t-testijiet regolari imsemmija aktar il-fuq ikunu qed isiru. Barra minn hekk il-baqar kollha li huma wżati għall-ħalib huma ttestjati darbtejn kull sena għad-Deni Rqieq (Brucellosi) u Tuberkolozi. Dan il-mard ilu ma jidher numru kbir ta' snin iżda t-testijiet għadhom isiru.