Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-proġetti tal-windfarms? Jista' jgħid jekk it-target ta' persentaġġ ta' ġenerazzjoni elettrika għall-2012 minn renewables hux se tintlaħaq?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità qed tikkunsidra tliet applikazzjonijiet għall-wind farms. Dawn huma PA 1819/09 - Wied Rini, Baħrija, PA 1820/09 - Ħal Far, Birżebbuġa u PA 1821/09 - Sikka l-Bajda, Mellieħa. Dawn il-proġetti bħalissa qegħdin fi stadju fejn qed isiru l-istudji dwar l-impatti ambjentali.
Fil-każ tal-
windfarms
proposti fil-Baħrija u s-Sikka l-Bajda, l-Awtorità bgħatet it-
Terms of Reference
lill-applikant għall-istudji ambjentali (EIA - Environment Impact Assessment), f'Lulju 2009 u bħalissa qed tistenna li l-studji jitlestew u jiġu ppresentati lilha.
Fil-każ tal-
windfarm
propost f'Ħal Far, l-Awtorità bagħtet it-
Terms of Reference
tal
-Appropriate Assessment (AA)
lill-applikant f'Mejju 2009 u anke f'dan il-każ l-Awtorità qed tistenna li l-istudju jitlesta min-naħa tal-applikant.
Fil-każijiet kollha imsemmija, numru ta' aġenziji governativi talbu studji oħra. Il-MEPA għadha qed tistenna dawn l-istudji ukoll.
Rigward it-tieni mistoqsijia, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru responsabbli mill-Awtorità Maltija għar-Riżorsi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' Multilateral Environment Agreements li ġew iffirmati bejn il-Gvern u entitajiet oħra? Jista' jgħid ma' min ġew iffirmati dawn il-Multilateral Environmental Agreement? Jista' jgħid liema entità qed tagħmel il-moniteraġġ ta' dawn il-ftehim?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra
Linji gwida lill-esperti biex jaħdmu fuq il-pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28901, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida li ta lill-esperti li se jaħdmu fuq il-pjan strateġiku għall-ambjent u l-iżvilupp?
Response (DEMARCO, MARIO)
Id-dokument li se jagħti il-linji gwida lill-esperti biex fuqu jitfassal il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp ġie approvat mill-gvern ftit tal-ġimgħat ilu u fil-ġranet li ġejjin se jkunu jistgħu jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex l-Impjant tal-Purifikazzjoni tad-Denaġġ ta' Malta - North, Malta - South u Għawdex jibdew jipproduċu ilma msoffi għal-livell terzjarju?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi bil-għan illi l-ilma li joħroġ mill-Impjanti tal-Purifikazzjoni tad-Drenaġġ ta’ Malta Tramuntana, Malta Nofsinhar, u dak ta’ Għawdex, liema ilma bħal issa qiegħed jintefa’ l-baħar, jista’ jibda jintuża għall-użu sekondarju. Għal dan il-għan ġew iddiżinjati mpjanti ta’ purifikazzjoni fuq bażi ta’ ultra-filtrazzjoni u reverse osmosis biex b’hekk l-ilma ikun msoffi għall-livell ogħla minn dak terzjarju. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma applikat għall-ħruġ tal-permessi neċessarji mill-MEPA, qed tipprepara d-dokumenti għat-tenders u għamlet talba għall-fondi mill-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista’ tattwa dan il-Proġett Nazzjonali.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-tul ta' common service ducts li hemm fit-toroq Maltin u Għawdxin? Jista' jgħid liema huma dawk it-toroq li fihom common service ducts?
Response (GATT, AUSTIN)
Peress li l-informazzjoni mitluba tinvolvi ħafna xogħol u ħin biex tinġabar, ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Eko-Għawdex u Żvilupp Reġjonali — kwalifiki tal-uffiċjali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu mwaqqaf id-dipartiment Eko Għawdex u Żvilupp Reġjonali? Min hu l-Kap tiegħu? Xi kwalifiki għandhom l-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li d-Direttorat imsemmi ilu mwaqqaf minn Lulju tal-2010. Il-kap tiegħu huwa Anthony Zammit. Il-kwalifiċi tal-uffiċjali responsabbli fuq materji ta' żvilupp sostenibbli jinkludu kwalifiċi f'livelli ta' Baċellerat u Masters fil-Bijoloġija, Kimika, Ġografija u Inġinerija.
Għawdex — Nadur - Triq il-Qortin - sistema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31504, peress li fi Triq Qortin huma biss żewġ residenzi li qed jitbattlilhom id-drenaġġ b'xejn, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan mhux qed isir għar-residenzi kollha fi Triq Qortin u jgħid ukoll meta se jsir ix-xogħol biex ir-residenzi jiġu komunikati mas-sistema tad-drenaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-vacancy notice li kienet dehret, tal-managers li hemm preżentament fis-Sezzjoni tal-Corporate Services fil-Korporazzjoni Enemalta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li l-Ministru ddeċieda li jdaħħal fis-seħħ il-liġi li tikkonċerna l-parole, jista' jgħid jekk ġewx maħtura l-membri tal-bord tal-parole u jgħid min huma? Jista' jgħid jekk il-kumitati/bordijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-parole ġewx maħtura u jgħid min huma? Jista' jgħid ġewx appuntati l-parole officers?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-proċess għal-ħatra kemm dawk tal-membri fid-diversi bordijiet u kemm dawk tal-uffiċjali tal-Parole huwa mibdi u mistenni jiġi fi tmiemu fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità tad-Djar se testendi l-iskema li biha tista' tixtri darek mingħand il-gvern? Jikkunsidra li jiżdiedu l-bqija tal-ibliet tal-Port il-Kbir fl-iskema mill-aktar fis?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-iskema “ninvesti fid-dar tiegħi” ġewwa l-Kottonera se tkun estiża għal aktar żmien. Qed jiġi kkunsidrat ukoll illi din l-iskema tiġi estiża fil-bqija tal-lokalitajiet indikati mill-Interpellant u lokalitajiet oħra.
parking fil-Belt għal mingħandu familjari residenzi fil-Belt
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-vantaġġi li għandhom ulied residenti anzjani Beltin fir-rigward ta' ipparkjar tal-vetturi tagħhom fil-Belt sew bħala ħlas fir-rigward ta' CVA kif ukoll bħala parking bays li jistgħu jkunu riservati għalihom b'mod partikolari f'ħinijiet meta s-sistema tas-CVA l-Belt tkun b'xejn għal kulħadd partikolarment bil-lejl u fil-weekends?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress illi s-sistema tas-CVA taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk pazjenti b'colostomy bags minħabba perforazzjoni tal-musrana b'Diverticulitis humiex intitolati għalihom bl-iskema V kif estiża wara emendi fil-liġi tas-Sigurtà Soċjali?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazjoni li rċevejna mill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, bis-saħħa ta’ emendi ġodda li għandhom kemm għaddew mill-Parlament dan l-aħħar, pażjenti b’Diverticulitis ser ikunu ntitolati għal colostomy bags taħt il-Ħames Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31625 u 31491 u jgħid kemm ġew ingaġġati persuni mal-Gvern mal-entitajiet/korporazzjonijiet/ istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kontroll tal-Gvern? Kemm naqsu nies minn mal-Gvern u mill-entitajiet governattivi sena b'sena mill-2000 sal-2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm ġew impjegati persuni maċ-Ċivil tul ix-xahar ta' Jannar 2012 u f'liema gradi saru tali impjiegi? Kemm ġew impjegati persuni mal-awtoritajiet governattivi tul ix-xahar ta' Jannar 2012 u f'liema gradi saru tali impjiegi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-Pulizija sabiex tiġi mħarsa l-bon ordni u l-paċi pubblika fi Triq Antonio Bosio, kantuniera ma' Rue D'Argens fl-Imsida, partikolarment minħabba n-numru ta' persuni barranin li għandhom id-drawwa jinġabru f'dan il-post?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax illi l-Pulizija tad-Distrett kellha dan l-ilment. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ser tagħmel ronda fl-inħawi msemmija għal kull ksur ta’ liġi li jista' jkun hemm.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-inkjesta dwar il-mewt ta' priġunier li seħħet fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin aktar minn sena ilu u cioè fis-26 ta' Jannar 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadha mhix konluża.
persuni impjegati maċ-Ċivil u entitajiet governattivi
Question
Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm ġew impjegati persuni maċ-Ċivil fis-sena 2011 u f'liema gradi saru tali impjiegi? Kemm ġew impjegati persuni mal-entitajiet governattivi fis-sena 2011 u f'liema gradi saru tali impjiegi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ċittadin jistax ifittex lil Transport Malta u lill-gvern fuq ħsarat marbuta ma' inċidenti li jsiru fit-toroq speċjalment minħabba triq ħażina u nuqqas ta' maintenance tal-istess triq?
Żejtun — Housing Estate ta' Ġebel San Martin - rotta tal-linja
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu minn Transport Malta u l-Ministeru sabiex il-qasam tal-Housing Estate ta' Ġebel San Martin fiż-Żejtun jibda jingħata servizz mill-kumpanija Arriva?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31079. Madankollu, ninsab infurmat li r-residenti tal-qasam tal-Housing Estate ta’ Ġebel San Martin qed jingħataw servizz tat-trasport pubbliku permezz tar-Rotta 206, li għandha frekwenza ta’ kull 90 minuta u li tipprovdi servizz lejn diversi lokalitajiet fosthom l-isptar Mater Dei, Bulebel, Marsaxlokk u l-Marsa Park & Ride.