Sptar San Luqa u f’Mater Dei — informazzjoni dwar interventi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru interventi fl-Isptar San Luqa u f’Mater Dei kull sena mill-2006 sal-2011 ta'
Endoskopija;
Sistoskopija;
Gastroskopija;
Kolonoskopija;
ERCP u
Bronkoskopija?
Jista’ jgħid kemm minn dawn il-pazjenti kienu residenti f’Għawdex f’kull każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett tal-kontinwazzjoni tal-bini mill-ġdid tat-Triq Mġarr-Rabat u Rabat Proġett Nru 117 iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 31682, billi minn 1470 talba jidher li 1441 kontramandati ġew akkordati, jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar jekk dan ifissirx li fil-parti l-kbira tagħhom il-mandati oriġinali kienu b'xi mod barra minn lokhom u li konsegwenza tagħhom mijiet ta' persuni daħlu f'inkwiet żejjed?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
B’referenza għad-domanda tal-Onor. Membru jiġi sottomess li l-maggoranza assoluta tal-kontro-mandati jsiru wara li jkun sar ħlas jew tkun saret garanzija b’cedola ta’ depożitu, jew għax ikun intlaħaq ftehim bejn il-partijiet. Għalhekk żgur li dan ma jistax b’xi mod jiġi interpretat li fil-parti l-kbira tagħhom il-mandati oriġinali kienu b'xi mod barra minn lokhom u li konsegwenza tagħhom mijiet ta' persuni daħlu f'inkwiet żejjed.
Għawdex — Xewkija - xogħol fiċ-Ċimiterju Santa Marija
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq l-estensjoni taċ-Ċimiterju Santa Marija tax-Xewkija wara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat l-estensjoni tal-istess ċimiterju? Tista' tagħti tagħrif dwar kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xiri ta' oqbra f'dan iċ-ċimiterju u meta hu mistenni li jsiru l-kuntratti tax-xiri?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fuq l-estensjoni hu mistenni li jibda wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Finanzi biex tkun tista' tinħareġ l-offerta għax-xogħlijiet u jsiru l-kuntratti. It-talbiet pendenti jammontaw għal 278. Il-kuntratti ser isiru wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Finanzi.
B'referenza għall-mistoqisja parlamentari 31648 u r-referenza għan-numru ta' passaġġi ta' vetturi f'sena, li skont ir-risposta ivarja bejn 2 miljuni u 22 miljun passaġġ fis-sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma maqsuma skont it-toroq partikolari dawn l-intensitajiet tat-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba relattiva għas-sena 2011.
Peress li Triq Dawwara, Triq Pjazzetta tat-Tomba u Triq il-Wied fir-Rabat Għawdex huma fi stat diżastruż ħafna u għandhom bżonn ta' manutenzjoni urġenti, tista' l-Ministru tara li x-xogħlijiet isiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-manutenzjoni fuq dawn it-toroq saret meta kien possibli minħabba x-xita kontinwa u se tkompli ssir hekk kif it-temp jippermetti inkluż bil-kisi ta' parti minn dawn it-toroq bil-hot asphalt.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta is-smoking shelters?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntrattur għadu kif issottometta l-kont ta’ wieħed u tletin elf, mitejn u ħamsa u ħamsin Ewro u tmenin ċenteżmu (€31,255.80) għax-xogħlijiet li għamel fuq l-ismoking shelters. Bħalissa dan qed jiġi verifikat mit-tekniċi tal-Isptar Mater Dei. Għaldaqstant l-ammont finali ta’ kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta l-ismoking shelters ma jistax jinata għalissa.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumpaniji li l-Malta Enterprise qalet li nvestew €320 miljuni f'dawn l-aħħar erba' snin? Jista' jagħti breakdown tat-3,200 impjieg li qegħdin jgħidu li ħolqu dawn il-proġetti ġodda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri tas-saħħa koperti mis-servizz ta' ambulanza? Liema lokalitajiet ikopru dan is-servizz? X'inhuma l-ħinijiet li fihom joperaw dawn l-ambulanzi? X'jiġri fejn m'hemmx servizz ta' ambulanza, meta pazjent li jżur ċentru tas-saħħa partikolari, jkollu bżonn jagħmel użu minn ambulanza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizz ta’ ambulanza jingħata biss miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Din l-ambulanza tkopri l-lokalitajiet tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta, jiġifieri dawk li jkopri l-istess iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li huma;
Mosta, Naxxar, Rabat, Mdina, Dingli, Għargħur, Mellieħa, Mġarr, Armier, Baħrija, Bidnija, Buġibba, Burmarrad, Buskett, Ċirkewwa, Ġnejna Bay, Għadira, Għajn Tuffieħa, Golden Bay, Landrijiet, Kunċizzjoni, Magħtab, Manikata, Mtaħleb, Mtarfa, Qawra, Pwales, Ta’ Qali, Wardija, Xemxija, Zebbieħ, Salina Coast Road.
Għall-lokalitajiet mhux imsemmija hawn fuq, is-servizz jingħata mill-ambulanza tal-Isptar Mater Dei.
Il-ħinijiet li fihom topera din l-ambulanza huma mis-7.15 a.m sas-6.45 p.m
Wara dan il-ħin u fiċ-ċentri tas-saħħa fejn m'hemmx servizz ta' ambulanza, din tiġi mitluba mill-isptar Mater Dei.
Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja — CVs tal-membri
Question
B'referenza għall-ħatra tal-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra is-CV ta' kull membru in partikolari u l-esperjenza tagħhom fil-politika tal-familja?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuni maħtura fuq il-Kummissjoni Familja huma persuni b’esperjenza professjonali f’diversi oqsma relatati mal-iżvilupp tal-familja fosthom mill-oqsma tal-ħarsien u l-ħidma socjali, l-edukazzjoni, il-psikoloġija, l-istudji dwar il-familja, it-trejdunjoniżmu, iż-żgħażagħ u oqsma oħra relatati. Minħabba l-protezzjoni tad-data, u wara pariri li ħadt, ma nħossx li hu prudenti li npoġġi s-CVs dettaljati tal-persuni fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-parent rate ta' taxxa li ġiet imħabbra fl-aħħar Budget, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ġenituri li jistgħu jibbenefikaw minn tali rata jkoprux:
a)
single parents
; u
b) ġenituri li jgħixu flimkien, imma mhux miżżewġin?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-parent rate imħabbra fl-aħħar budget tapplika għal kull ġenitur li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin, irrispettivament mill-istat ċivili; jiġifieri
1. trid tkun qed tmanti wild taħt il-kustodja tagħha jew tkun qed tħallas manteniment (stabbilit jew awtorizzat mill-qrati) għar-rigward ta’ wild tagħha;
2. dan il-wild ma jkunx għalaq it-18-il sena, jew ma jkunx għalaq 21 sena jekk jirċievi tagħlim full-time fi stabbiliment edukattiv ta’ livell terzjarju; u
3. il-wild ma kellux dħul minn attivita bi qligħ.
Tista' l-Ministru tgħid kemm minn dawk l-aprentisti li kien hemm jitħarrġu mal-gvern tul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 baqgħu attwalment jaħdmu f'dan l-impjieg?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara li tissewwa t-triq li min-Naxxar tagħti għal San Ġwann madwar ir-roundabout ta' ħdejn il-bidu tal-ħwienet, wara li tkun tlaqt lil Ta' Mekkek area int u nieżel lejn San Ġwann?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq hija inkluża f'programm ta' tiswijiet li hemm il-ħsieb li jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.
Tista' l-Ministru tgħid meta u kif se jiġu regolati l-assedji fuq it-turisti hekk kif jirfsu ċ-Ċirkewwa mill-ħaddiema taż-żewġ operaturi tal-Hop-on, Hop-off buses f'Għawdex peress li dan li qed jiġri huwa konformi mal-liġi tal-fair competition, meta tqis li setturi oħra li huma suġġetti li jaħdmu biss fil-konfini tal-gżira Għawdxija u xogħolhom qed jiġi meħud qabel ma t-turisti jaslu f'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jistennew biex jibdew jingħataw servizz ta’ sapport fil-Komunità wara li dawn ġie approvat lilhom li jkollhom persuna li tagħti tant sigħat fil-ġimgħa ta’ Servizz fil-Komunità?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Taqsima Proprjetà tal-Gvern — kumpens lil individwu
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30823 u jgħid meta t-Taqsima Proprjetà tal-Gvern se tikkumpensa lis-sid li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-post tiegħu kien ittieħed għal skop pubbliku?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30823.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31081 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u 30816 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġew riferuti lilu u jgħid jekk il-post fejn jinħażen l-ikel tal-Ewropea hux post tajjeb għall-ħażna tal-ikel? Jista' jgħid kemm ingħataw f'valur ta' flus għall-ikel tal-Ewropa minn kemm ilu li beda jingħata dan l-ikel? Kemm se jingħataw għas-sena 2012?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-post fejn qed jinħażen l-ikel preżentement huwa wieħed temporanju u bħalissa għaddej proċess biex l-ikel tal-Ewropa jiġi trasferit għal mħazen oħra li huma aktar ċentrali li joffru li jkunu joffru faċilitajiet aħjar għal ħażna tal-ikel.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li minn mindu twieldet it-tarbija, minkejja li applikat għaċ-children's allowance qalet li qed tieħu bin-nieqes?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.