Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pazjenti li jbatu bid-dementia

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pazjent bid-dementia se jingħata kura b'xejn matul din is-sena? Kemm huma vvutati flus għal dan il-għan? Jekk mhemmx biżżejjed flus ivvutati fuq liema kirterju se jintgħażlu l-pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġina tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #31965 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

informazzjoni fuq il-karti tal-identità l-ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31688 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta jsiru l-karti tal-identità l-ġodda, hux se jkun hemm dettalji personali bħal blood group u allerġiji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-aspett viżwali u elettroniku ta’ informazzjoni fuq il-karti tal-identità l-ġodda (eID Cards) ħa jinkludi dettalji meħtieġa skont l-Att dwar il-Karti tal-Identita` (KAP 258). L-istess Karta tal-Identità ħa tinkludi wkoll sistemi ta’ ċertifikati diġitali li jippermettu liċ-ċittadin jaċċessa sistemi elettroniċi bis-sigurta` meħtieġa għal servizzi ġodda ta’ eGovernment, inkluż dawk relatati mas-Saħħa. Dettalji bħal blood group u allerġiji fost oħrajn ħa jibqgħu jinżammu separatament fis-sistemi tal-Informatika relatati mas-saħħa li pero’ huwa maħsub li jsiru aċċessibli, dejjem fl-ambitu tas-sigurta’ meħtieġa, bl-istess Karta tal-Identità permezz ta’ inizjattivi ta’ eGovernment u eHealth.

parking fil-Belt għal mingħandu familjari residenzi fil-Belt

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31830 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhuma l-vantaġġi li għandhom ulied residenti anzjani Beltin fir-rigward ta' ipparkjar tal-vetturi tagħhom fil-Belt sew bħala ħlas fir-rigward ta' CVA kif ukoll bħala parking bays li jistgħu jkunu riservati għalihom b'mod partikolari f'ħinijiet meta s-sistema tas-CVA l-Belt tkun b'xejn għal kulħadd partikolarment bil-lejl u fil-weekends?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li skond ir-Regolamenti tal-2007 dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Certi Zoni (LN 105 ta’ l-2007), il-vantaġġi li għandhom ulied ir-residenti anzjani Beltin huma hekk kif ġej: 1. Persuna anzjana li għandha wieħed u sittin sena jew aktar u hija residenti l-Belt, tista’ tapplika għall-vettura waħda reġistrata f’isem kull wieħed/waħda mill-eqreb qraba tagħha; 2. Meta persuna anzjana ma jkollhiex ulied, tista’ tinnomina sa żewġ vetturi li jkunu jappartjenu jew lil xi wieħed jew waħda minn ħuthom, jew lill-eqreb neputi jew neputija mill-ħlas tad-dritt għall-aċċess kull meta jidħlu f’dik iz-zona. Dawn l-eżenzjonijiet wara li jiġu approvati mill-Bord tas-CVA, huma kontra ħlas ta €46.59 kull sena u b’hekk sid il-karrozza ma jirċevix kontijiet tas-CVA; 3. Ma hemm l-ebda parking riservat għall-individwu li jiġi nnominat minn xi persuna anzjana. Madankollu, meta sid ta' vettura (hekk kif indikat fl-ewwel paragrafu surreferit) jidħol il-Belt u jipparkja fiz-zona li l-aċċess għaliha jkun bi ħlas, għandu l-għażla u jista' jipparkja hekk kif indikat hawn taħt: a. Fil-Parking bays “Bojod” – jistgħu jipparkjaw fihom għal erba' u għoxrin siegħa kuljum; b. Fil-Parking bays “Blu”– jistgħu jipparkjaw kuljum fihom bejn s-sebgħa ta’ filgħodu u s-sebgħa ta’ filgħaxija. 4. Min ma jkunx applika għal din l-eżenzjoni (hekk kif indikat fl-ewwel paragrafu surreferit), ikun jista’ jipparkja kuljum ġewwa l-Belt Valletta mingħajr ħlas hekk kif ġej: a) Mit-Tnejn sal-Ġimgħa – Jistgħu jipparkjaw mis-sitta ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ l-għada filgħodu; b) Is-Sibt mis-siegħa ta’ wara nofs inhar 'il quddiem; c) Il-Ħdud u l-festi l-ġurnata kollha; d) Barra minn hekk, l-ewwel nofs siegħa mid-dhul fiz-zona kontrollata fi kwalunkwe ġurnata hija mingħajr ħlas u fil-ħinijiet l-oħra ikun suġġett għall-ħlas dovut taħt is-CVA.

Għawdex — Nadur - Triq il-Qortin - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistqosija parlamentari 31799 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31504, peress li fi Triq Qortin huma biss żewġ residenzi li qed jitbattlilhom id-drenaġġ b'xejn, jista' l-Ministru jgħid għaliex dan mhux qed isir għar-residenzi kollha fi Triq Qortin u jgħid ukoll meta se jsir ix-xogħol biex ir-residenzi jiġu komunikati mas-sistema tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kull minn applika biex jirreġistra l-fossa mad-Dipartiment tas-Sanità qed ikollu l-fossa mbattla mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Għaldaqstant nagħmel appell lil min għadu ma rreġistrax l-fossa tiegħu mad-Dipartiment tas-Sanitá biex jagħmel dan bla telf ta’ żmien u b’hekk tkun tista’ titbattallu mill-Korporazzjoni. Ix-xogħol għas-sistema tad-drenaġġ f’dawn l-inħawi qegħda fil-pjanijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

informazzjoni dwar learning support assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet pendenti għal-learning support assistants għal studenti fl-iskejjel tal-Gvern? Tista' tikkwalifika xi proċess jintuża biex l-istudenti jingħataw LSA? F’każ li tifel ta’ 7 snin, ikun għadda mill-proċeduri kollha u l-ġenituri jinsabu nfurmati li jikkwalifika sabiex ikollu l-assistenza ta’ LSA, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il xahar irid jgħaddi sabiex dan is-servizz jingħata lil min għandu bżonnu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Talbiet Pendenti għal-learning support assistant għal studenti fl-iskejjel tal-Gvern huma 347 Din il-lista ma tinkludix tfal b’diżabilità għax dawn dejjem jingħataw assistenza ta’LSA. Fil-kaz ta’ tfal b’kundizzjoni, l-prijorità u l-assistenza tingħata skont l- assessment tal-professjonisti li jkunu bagħtu l-genituri. Bħalissa qed isiru l-interviews għal supply learning support assistants li se jiġu nġaggati dalwaqt.
Leg 11 PQ #31972 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti ffinanzjati mill-programm Eko-Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kunsilli lokali ssottomettew proġetti sabiex ikunu ffinanzjati mill-programm Eko-Għawdex? Tista' tgħid kemm hu n-numru ta' proġetti ssottomessi s'issa, in-natura ta' dawn il-proġetti u l-valuri tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li l-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Amministrattivi Għawdxin kollha ssottomettew proposti għal proġetti taħt l-iskemi maħruġa. Jiena nfurmata li ġew sottomessi 35 proġett għal valur totali ta' €2.34 miljun li kienu jkopru temi fosthom effiċjenza fl-użu tal-enerġija, separazzjoni tal-iskart, tindif ta' widien, restawr ta' ħitan tas-sejjieħ, riġenerazzjoni ta' żoni pedonali u rikreattivi, restawr, żvilupp ta' child care centre, titjib ta' faċilitajiet sportivi, konservazzjoni tal-ilma u l-ħolqien ta' mużew.
Leg 11 PQ #31973 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Policy Advisory Unit

Question

Issa li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar m'għadhiex tagħmel parti mir-responsabilità diretta tal-Prim Ministru, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-Policy Advisory Unit se jikkoordina l-ippjanar strateġiku fl-oqsma tal-ippjanar mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul il-proċess tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma tal-MEPA, l-proposta ta’ unit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall-politika tal-iżvilupp u tal-ambjent ġiet żviluppata fil-ħsieb ta’ unit li jieħu rwol aktar wiesgħa fil-politika strateġika tal-Gvern. Għalhekk twaqqaf il-Policy Advisory Board fl-Uffiċċju tiegħi bil-għan li jkun l-advisory board tal-Gvern fuq materji ta’ policy . Dan il-Board iservi wkoll bħala l-management board tal-Management Efficiency Unit. Peress li r-remit tal-Policy Advisory Board jestendi għall politika strateġika tal-Gvern fl-oqsma kollha, dan il-Bord jaħdem mal-Ministeri u entitajiet kollha skont il-kas partikolari u għalhekk bidliet li jista’ jkun hemm fil- portfolios tal-Gvern ma jaffetwawx l-operat tagħha.
Leg 11 PQ #31974 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Strategic Policy Unit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk twaqqfitx l-iStrategic Policy Unit fil-Ministeru tiegħu, kif imsemmi fil-mistoqsija parlamentari 30323?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iva, s-Segretarjat għall-Politika Strateġika ġie mwaqqaf fid-dikasteru tiegħi.

Reviżjoni tal-Istrateġija dwar Żvilupp Sostenibbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istrateġija dwar żvilupp sostenibbli li kienet imnedija fl-2007 hux se tkun riveduta formalment u jekk tali reviżjoni ssirx pubblika qabel ma tgħaddi l-Liġi dwar Żvilupp Sostenibbli?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lil Ministru interpellant li kif kien intqal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 26318 ir-reviżjoni tal-istrateġija għall-iżvilupp sostenibbli inbeda fl-2009. Hekk kif ir-reviżjoni titlesta l-istrateġija se tiġi ppublikata.
Leg 11 PQ #31976 Sitting 447 2012-02-20 Oral · Final From: JESMOND MUGLIETT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prijorità 5 — pożizzjoni attwali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont ta' x'inhi l-pożizzjoni attwali (jiġifieri level of attainment) tal-indikatur, output u result tal-Assi tal-Prijorità 5?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika għal liema Programm Operattiv qiegħed jirreferi.

San Pawl il-Baħar — rotot tal-karozzi tal-linja mill-Belt għall-Mellieħa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li jgħaddu mill-bypass ta' San Pawl il-Baħar fid-direzzjoni tal-Belt u tal-Mellieħa, rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar x'inhu l-iskop li dawn ir-rotot partikolari jgħaddu mill-bypass, iżda ma jgħaddux mir-raħal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotot li jgħaddu mill-By Pass ta’ San Pawl il-Baħar huma hekk kif ġej:- · Rotta X1, li hija express service u li titlaq miċ-Ċirkewwa lejn l-ajruport ta’ Malta bi frekwenza ta’ kull siegħa · Rotta X6, li hija express service u li tmur miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt bi frekwenza ta’ kull siegħa · Rotta 222 li tmur miċ-Ċirkewwa lejn tas-Sliema bi frekwenza ta’ kull nofs siegħa Ir-rotot X1 u X6 huma rotot express u għaldaqstant dawn għandhom numru limitat ta’ stops li jieqfu fuqhom u għalhekk qegħdin jgħaddu mill-By Pass ta’ San Pawl il-Bahar. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rotta 222 ser tibda tgħaddi minn ġoċ-ċentru tal-lokal fil-ġimgħat li ġejjin.

Dipartiment tal-Agrikoltura — reġistrazzjoni ta' raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Agrikoltura jirreġistrax raba' f'isem bidwi f'każ li tali raba' ma jintalabx sussidju fuqha? Jista' jgħid ukoll jekk persuna tistax tirreġistra r-raba' jekk ikollha area anqas minn tomna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-avviż ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern, numru 18,618, ninfurmah li skont l-istess avviż, irrespettivament mid-daqs jew talbiet ta’ sussidju, kull min għandu art agrikola li tinħadem għandu jirrikorri għand l-Aġenzjia għall-Pagamenti biex jirreġistraha. Niġbed lattenzjoni li f’każ li din l-art ma jew tkun art xagħri, jew mingħajr konfini, jew art li fuqha hemm proċeduri fil-Qorti, jinżamm id-dritt li r-reġistrazzjoni ma tkunx aċċettata.

MEPA — applikazzjoni għall-correction of Site

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk f'każ ta' applikazzjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-correction of site fuq is-sit li hu barra l-konfini tal-iżvilupp, is-sit li fuqu jkun ħareġ il-permess hu Outside Development Zone u s-sit korrett li fuqu ssir l-applikazzjoni jkun ukoll Outside Development Zone iżda f'katergorija 2 jew 3 rural settlement, tali applikazzjoni tistax tiġi kkonsidrata minkejja li d-designation tas-sit tista' tiġi interpretata li hija differenti għalkemm f'każijiet bħal dawn is-sit jippermetti li jsir aktar żvilupp milli kieku jkun Outside Development Zone biss?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura biex tiġi rranġata l-indikazzjoni żbaljata tas-sit hija stabbilita fl-Avviż Legali 356 tal-2010, u amministrattivament spjegata fiċ-Ċirkolari lill-Periti MEPA 3/05. Fost kundizzjonijiet oħra, artiklu 15 tal-Avviż Legali jispeċifika, f'sub-artiklu (iii)(a), illi d-disposizzjonijiet rigwardanti l-indikazzjoni żbaljata tas-sit għandhom japplikaw biss jekk "ma jkun hemm ebda differenza fl-indikazzjoni tas-sit oriġinali u l-applikazzjoni l-ġdida". Fl-eżempju imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, hemm bdil ta' indikazzjoni bejn sit u ieħor, u għalhekk japplikaw policies differenti bejn sit u ieħor. F'dak il-każ, skont artiklu 15(iii)(a) tal-Avviz Legali 356 tal-2010, ma tistax tintuża' l-proċedura biex titranġa l-indikazzjoni żbaljata tas-sit, iżda trid issir applikazzjoni ġdida.

Trasferiment tal-Bus stop ta' ħdejn il-Knisja tal-Fgura

Question

Jista' l-Ministru jara li l-bus stop li hemm viċin il-Knisja tal-Fgura u li jinstab viċin ħafna ta' roundabout jiġi trasferit aktar 'l fuq lejn Raħal Ġdid peress li fejn qiegħed fi Triq Hompesch kull meta tieqaf karozza tal-linja, timblokka t-traffiku kollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus stop Fgura ġie imwaħħal fl-istess post fejn kien qabel. Infurmat ukoll li jekk dan il- bus stop jitressaq, ser titwal id-distanza sabiex passiġġieri jaslu għal fuq dan il- bus stop b’ detriment għal min jagħmel użu minnu. Infurmat ukoll li jekk jitmexxa dan il- bus stop jiġi fil-qrib ħafna ta’ bus stop ieħor li hemm fil-viċinanzi li jismu Punika.

Sptar Monte Carmeli — back up tal-provista tal-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' back up hemm fl-Isptar Monte Carmeli f'każ ta' sospensjoni tal-provista tal-elettriku peress li f'dan l-isptar it-tip ta' pazjenti li hemm jistgħu jiġu affettwati ħafna bil-qtugħ tad-dawl, b'mod partikolari bil-lejl?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kull sala tal-isptar hija attrezzata b’numru ta’ Emergency Lights f’każ ta’ qtugħ fil-provista tal-elettriku. Apparti minn dan, l-isptar qiegħed fi stadju avvanzat ta’ xiri ta’ numru ta’ generators li jibdew jaħdmu b’mod awtomatiku hekk kif jinqata’ d-dawl ġewwa l-isptar. Fil-fatt żewġt iswali diġà huma attrezzati bis-servizz tal-generator.

Ħal Farruġ — Triq l-Għastun - tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq l-Għastun l-Ikħal f'Ħal Farruġ li għandha bżonn tinbena peress li qatt ma ngħatat tarmac taqax fir-responsabilità ta' Transport Malta jew tal-Kunsill Lokali? Jista' jgħid jekk din it-triq hemmx ħsieb li tkun irranġata minħabba l-istat li tinsab fiha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

każ ta' ħlas ta' children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titħallas lura d-differneza taċ-childrens' allowance dovuta lill-persuna d-dettalji taghha qed jintbagħtu separatement, wara d-deċiżjoni mogħtija mill-arbitru?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjura se tigi nfurmata permezz ta ittra.

Appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-appartament li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, lil min jappartjeni, jekk hux lill-Gvern jew lill-inkwilin?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-indirizz li d-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament jikkonsisti minn blokk ta’ 8 appartamenti li sebgħa minnhom huma tal-gvern, filwaqt li appartament wieħed kien mixtri mill-inkwilin.

reġistrazzjoni ta' eID cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati e.ID cards fil-perjodu minn Jannar sa Ġunju u bejn Lulju sa Diċembru 2010, Jannar sa Ġunju u bejn Lulju sa Diċembru 2011 u minn Jannar 2012 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

introduzzjoni ta' ferry service

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju kien wasal il-proċess għall-introduzzjoni ta' ferry service bejn Tas-Sliema u l-Belt u bejn il-Belt u l-Kottonera?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sejħa pubblika għall-offerti għal min hu nteressat jipprovdi s-servizz bil-baħar għall-passiġġieri bejn Tas-Sliema u l-Belt u bejn il-Belt u l-Kottonera ġiet ippubblikata fis-16 ta' Dicembru 2011 u għalqet fis-16 ta' Frar 2012.