Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara d-deċiżjoni li permezz tagħha ġiet mibdula l-petrol station li minnha l-vetturi tat-Trasport Malta kienu qed jingħataw fuel? Jista' jgħid fuq liema kriterji ġiet magħżula l-petrol station il-ġdida? Jista' jgħid kif l-għażla waqgħet fuq din il-pompa speċifikament meta fil-qrib hemm petrol stations jiffunzjonaw bl-istess mod?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għal raġunijiet ta’ kontabilità, pompa li kienet toffri servizz mingħajr sistema elettronika ta' kontroll ġiet mitluba tistalla dan is-servizz. Peress li s-sidien ta’ din il-pompa għażlu li ma jinstallawx din is-sistema, ġie deċiż li tintuża pompa li kienet diġà qed tforni lil Transport Malta u li għandha din is-sistema li tiffaċilita kontroll aħjar.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31286 dwar pulizija li jkunu għassa ma' ambaxxati eċċ. jista' l-Ministru jinvestiga l-każ mill-ġdid billi ninsab infurmat li hemm ambaxxati fejn il-fixed point security magħhom jaħdmu tmien siegħat sħaħ u mhux fuq bażi ta’ 4 sigħat u 4 sigħat kif indikat fit-tweġiba peress li t-talba tiegħi ma kenitx biex dawn jingħataw xi trattament preferenzjali iżda biss trattament simili bħalma jingħataw membri tal-armata li jkun fuq duties simili?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bħala regola, l-Pulizija li jkun fuq fixed point protection duty jinbidel wara 4 siegħat. Però hemm xi points li fuq talba personali tal-istess membri tal-Korp, din ir-regola ma tiġix applikata.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat biex isiru x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fi Sqaq nru 2 fi Triq San Ġwann is-Siġġiewi u li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti? Jista' jindirizza din is-sitwazzjoni sabiex ix-xogħol li għandu jsir, isir fi żmien raġjonevoli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31884.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx postijiet vakanti ta' drivers fl-Għammieri? Ħarġet internal call biex jimtlew dawn il-vakanzi? Jekk iva, instabu n-nies? Jekk ma nstabux nies, jista' jgħid jekk hux se jkun hemm sejħa pubblika biex jimtlew dawn il-postijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma joħroġx sejħiet għal drivers minn barra s-Servizz Publiku f’Direttorat partikolari, imma tinħareġ sejħa b’mod ġenerali mifruxħa fuq il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku biex jintlew il-vakanzi li jkun hemm fid-diversi Direttorati. Dawn is-sejħiet jinħarġu mill-Uffiċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru liema sejħiet jkunu miftuħa għal dawk il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jkunu eligibli. Il-Ministeru ġieli ħareġ ukoll espressjoni ta’ interess għall-ħaddiema tal-Ministeru tiegħu li juru nteress li jagħmlu xogħol ta’ drivers.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ir-rotta tal-linja li twassal ir-residenti tal-Fgura lejn l-Isptar hux se terġa' tibda tgħaddi minn Hompesch Road bħalma kienet tagħmel qabel?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 31079, ninsab infurmat li Transport Malta ħadet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni u ser tkun qegħda tiddiskuti din il-proposta mal-Kunsill Lokali tal-Fgura.
B'referenza għad-dikjarazzjonijiet ripetuti ta' diversi esponenti tal-Gvern favur il-bini ta' imħażen u/jew villaġġ tal-Karnival, jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-imħażen tal-Karnival? Fejn se jsiru? Kemm se jiswew? Meta se jkunu lesti? Bl-istess mod, f'liema stadju wasal il-proġett ta' ħolqien ta' villaġġ tal-Karnival? Fejn se jsir? Kemm se jiswa? Meta se jkun lest?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-Gvern alloka €700,000 għal bini ta’ mħażen għall-użu minn parteċipanti tal-karnival. Saret applikazzjoni mal-MEPA sabiex jinbnew dawn l-imħażen ġewwa Kordin. Huwa maħsub li l-proġett jitlesta fi żmien sena minn meta joħorġu l-permessi neċessarji.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jinforma l-Kamra jekk skont il-pariri legali li ngħatawlu huwiex meħtieġ li, ai termini tal-Kap 304 tal-Liġijiet ta' Malta, l-ACTA jiġi approvat mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'każ li l-Gvern ikun irid jirratifika dan it-Trattat jew inkella hijiex biżżejjed il-firma tal-Ministru konċernat biex isir mhux biss l-iffirmar imma anke r-ratifika tat-Trattat in esami? X'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar l-ACTA in vista tal-kritika qawwija u fil-fehma tal-interpellant ġustifikata li qamet mhux biss f'Malta imma mal-Ewropa kollha?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk skont il-pariri legali li ngħatawlu huwiex meħtieġ li, ai termini tal-Kap 304 tal-Liġijiet ta' Malta, l-ACTA jiġi approvat mill-Kamra tar-Rappreżentanti f'każ li l-Gvern ikun irid jirratifika dan it-Trattat jew inkella hijiex biżżejjed il-firma tal-Ministru konċernat biex isir mhux biss l-iffirmar imma anke r-ratifika tat-Trattat in esami? X'beħsiebu jagħmel il-Gvern dwar l-ACTA in vista tal-kritika qawwija u fil-fehma tal-interpellant ġustifikata li qamet mhux biss f'Malta imma mal-Ewropa kollha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern m’għandux il-ħsieb li jressaq dan it-Trattat għar-ratifika. Malta m’għandha l-ebda obbligu li tirratifika dan it-trattat sakemm l-aħħar ħames Stati Membri (Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Islovakja) ikunu ffirmaw t-Trattat u l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, nixtieq intenni u nafferma li l-Gvern se jiżgura illi bl-ebda mod ma jiġu aċċettati liġijiet jew trattati li jinpinġu fuq id-drittijiet tal-individwu fil-qasam digitali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jsiru kambjamenti fir-rotot tal-karozzi tal-linja għal Wied il-Għajn b'mod li n-nies kollha li jgħixu fiż-żona ta' minn fejn Grabiel sal-ex lukanda Jerma jerġgħu jiġu serviced minn karozza tal-linja bħalma kienu jiġu serviced qabel l-introduzzjoni tar-riforma tal-karozzi tal-linja f'pajjiżna? Huwa sew li min jgħix ħdejn l-ex Jerma jkollu jinżel sa fejn Grabiel biex jaqbad tal-linja?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari nru. 31079, ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja ta' din it-talba u qiegħda tevalwa kull possibilità sabiex din iz-zona tingħata servizz tat-trasport pubbliku.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità ġew impjegati 324 ħaddiema ġodda. Dawn ġew ingaġġati jew permezz ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fil-Gazzetta tal-Gvern jew permezz ta’ proċeduri ta’ re-employment u re-instatement ta’ Uffiċjali Pubbliċi skont id-dispożizzjonijiet tal-Public Service Management Code.
Ġew ingaġġati 28 persuna mal-Foundation for Medical Services, u dawn daħlu permezz tal-proċess normali ta’ ingaġġ għas-Settur Pubbliku, jiġifieri dak li jiġu ingaġġati permezz tal-E.T.C. u f’każ li l-post jibqa’ vakanti tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet, jew ġew deployed jew detailed mis-Servizz Publiku jew minn entitajiet oħra fis-Settur Pubbliku.
Ma ġew ingaġġati l-ebda ħaddiema ġodda fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.
Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 29832 fejn ingħatat l-informazzjoni sa l-aħħar ta’ Ottubru, u għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31684 fejn ingħatat l-informazzjoni minn-Novembru 2011 u l-aħħar ta’ Jannar 2012.
Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Jista' jgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati ġodda
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru matul is-sena 2011? Tista' tgħid ukoll b'liema mod sar kull ingaġġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pazjenta mibgħuta barra minn Malta għall-kura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatment, mhix tingħata l-mediċini li ġew ordnati lilha biex tieħu wara l-intervent kirurġiku li sarilha fl-isptar ta' barra u dan meta l-familja ta' din il-pazjenta mhix f'qagħda finanzjarja li titgħabba bi spejjeż ta' din ix-xorta? Il-mediċini in kwistjoni huma: hylo-comod u alergio-comod u blefaret u europical.
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ġie nvestigat il-każ, nstab li s’issa ma waslet l-ebda applikazzjoni tal-pazjent imsemmi, fil-’Medicines Entitlement Unit’ u fit-’Treatment Abroad Coordination Office’ għal dawn il-mediċini. Barra minn hekk, l-ebda waħda mill-mediċini msemmija ma tinstab fil-Formularju tal-Gvern.
Mandankollu d-dipartiment qed jagħmel kuntatt mal-konsulent konċernat biex jiverrifika l-każ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jżomm lil dawk id-Detention Officers li huma impjegati f'Ħal Safi u li se jispiċċaw mis-servizz tal-Forzi Armati għaliex għalqu l-25 sena servizz? Jekk dawn id-detention officers se jispiċċaw, il-Gvern se jimpjega lil ħaddieħor minflokhom jew se jerga' jingaġġa lilhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali li jservu fis-Servizz ta' Detenzjoni huwa suġġett għal evalwazzjoni kontinwa skont il-ħtiġijiet tal-mument u tas-sitwazzjoni li tkun tapplika minn żmien għal żmien. Dan japplika għal komponenti kollha tas-Servizz inkluż dawk li jkunu qed iservu fih skont l-arranġamenti speċifiċi li jirrigwardjaw ex-membri tal-Forzi Armati li jkunu għadhom ma laħqux l-25 sena servizz. Infurmat ukoll li proprju bħalissa għaddejja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kura għall-kundizzjoni hypopituitarism m'għadhiex tingħata b'xejn mill-isptar lil dawk li huma finanzjarjament ristretti? Jista' jgħid għandux il-ħsieb li din il-kura terġa' tibda tingħata? Jekk iva, meta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kundizzjoni ’Hypopituitarism’ hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi mniżżla fil-lista ta’ Skeda V fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318), u l-mediċini meħtieġa għall-kura ta’ din il-kondizzjoni li jinstabu fil-Formularju tal-Gvern jingħataw mingħajr ħlas lil kull minn għandu din il-kundizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu proġettat id-deficit għal din is-sena 2012, skont il-budget? Kemm hu l-ammont ta' deficit li l-Unjoni Ewropea qiegħda titlob li nnaqqsu minn dak kif proġettat? Jista' jagħti d-dettalji ta' tnaqqis ta' dan l-ammont kif propost mill-gvern?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kif intqal fid-diskors tal-bagit għall-2012, id-deficit għal din is-sena huwa pproġettat li jkun ta’ 2.3%.
Il-Kummissjoni Ewropea m’hix titlob reviżjoni tad-deficit kif proġettat.
Jista' l-Ministru jinvestiga każijiet ta' individwi li damu xhur sabiex ġie konkluż il-proċess għar-rigward tal-pedina penali tagħhom sabiex jerġgħu jingħataw it-tag ħalli jsuqu vetturi għall-ġarr tal-passiġġieri? Tista' ssir xi ħaġa sabiex jiġi evitat il-kju esaġerat li ġieli jkun hemm sabiex dawn l-applikanti jinqdew u jitnaqqas id-dewmien f'dawn il-proċessi?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.