Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat — Triq San Publiju - problema ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li titranġa l-parti ta’ fuq ta’ Triq San Publiju, ir-Rabat, fejn wara li kienu saru x-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq u kien sar resurfacing ġdid, l-ilma tax-xita kien ġie jaqleb kontra u qed ikun qiegħed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq? Tista' tiġi indirizzata din il-problema peress li din it-triq qatt ma kienet iżżomm ilma fuq din in-naħa għax hemm provdut fejn jinżel l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet imsemmija f'din it-triq saru mill-Kunsill Lokali tar-Rabat. Għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Rabat — Triq San Publiju - problema ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni biex l-ammont ta’ ilma tax-xita li qed joqgħod fil-parti ta’ fuq ta’ Triq San Publiju, ir-Rabat fejn wara li kienu saru x-xogħlijiet meħtieġa f’din it-triq u kien sar resurfacing ġdid, l-ilma tax-xita kien ġie jaqleb kontra u kien qed ikun ta’ inkonvenjent għar-residenti ta’ din it-triq? Tista' din il-probelma tiġi indirizzata peress li din it-triq qatt ma kienet iżżomm ilma fuq din in-naħa għax hemm provdut fejn jinżel l-ilma?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Reġistrazzjoni taż-żwiemel tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija jirreġistrax żwiemel? Jekk dawn jiġu reġistrati, jista' jgħid kemm żwiemel ġew reġistrati f'Malta u f'Għawdex? Jekk dawn iż-żwiemel ma jiġux reġistrati, x'inhi r-raġuni li f'Għawdex jinħarġu akkużi mill-istess pulizija dwar nuqqas ta' reġistrar tal-istess żwiemel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija m’għadx ikollha dawn it-tip ta’ rapporti dwar bhejjem, skont kif hemm stipulat fir-Regolamenti dwar Rapport ta’ Annimali lill-Pulizija (L.S.10.07). Minkejja dan, infurmat illi l-Pulizija f’Għawdex irċeviet kwerela fil-konfront ta’ persuni sabiex jinbdew proċeduri kriminali, ai termini tal-istess Regolamenti peress li dawn għadhom fis-seħħ. Dawn il-proċeduri kriminali għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #32025 Sitting 449 2012-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għamilx talba lill-Kummissjoni Ewropea biex tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali t'Għawdex, u b'mod partikolari dwar l-inugwaljanza fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta kif imniżżel fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija?. Jista’ jgħid jekk il-Gvern talabx lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri xierqa, kif meħtieġ, fil-qafas tal-politika reġonali Komunitarja jew ta' politiki Komunitarji rilevanti oħra, sabiex tiżgura li tkompli titnaqqas l-inugwaljanza bejn Għawdex u Malta, kif ukoll li jkun hemm iktar integrazzjoni ta' Għawdex fis-suq intern b'kondizzjonjiet ekwi? Jekk saret, meta saret din it-talba? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talba magħmula lill-Kummissjoni? Jekk it-talba għadha ma saritx, għaliex u meta mistennija li ssir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Gvern ser jagħmel talba formali biex isir studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta’ Għawdex u li l-Gvern diġa ġabar l-istatistika relevanti biex iressaq il-każ. Din l-istatistika ser tiġi preżentata forma ta’ rapport li qed jiġi mħejji u mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Frar 2012. It-talba mistennija ssir hekk kif dan ir-rapport jitlesta.
Leg 11 PQ #32026 Sitting 449 2012-02-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — rapport dwar il-qagħda ekonomika u soċjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern ġabarx l-istatistika meħtieġa biex il-Kummissjoni Ewropea tkun tista’ tagħmel rapport dwar il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex kif stipulat fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija? Jekk din l-istatistika għadha ma nġabritx, meta mistennija li tinġabar? Jista’jpjoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istatistika miġbura s’issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-istatistika dwar il-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex ġiet miġbura. Din l-istatistika ser tiġi ppreżentata forma ta’ rapport li qed jiġi mħejji u mistenni jkun lest sa l-aħħar ta’ Frar 2012. Dan ir-rapport se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jitlesta.
Leg 11 PQ #32041 Sitting 449 2012-02-22 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — Ageing Report Economic and Budgetary Projections

Question

Billi jidher li d-dipartimenti governattivi għaddejjin minn eżerċizzju mal-Unjoni Ewropea dwar it-2012 Ageing Report Economic and Budgetary Projections for The European Union Member States (2010 - 2060), tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar draft report ta' dawk id-dipartimenti li jaqgħu taħtha u li qed jipparteċipaw f'dan l-eżerċizzju? Tista' tgħid kemm huma l-projections ta' kull spiża ta' kull proġett imsemmi f'kull rapport?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Peress li l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu responsabbli għal dan l-eżerċizzju ta' projections ekonomiċi u finanzjarji, nistieden l-Onorevoli Interpellant sabiex jidderiġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment.

art agrikola amministrata mill-Gvern — bejgħ

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux pjan biex l-art agrikola li hi amministrata mill-Gvern tkun tista', naturalment b'kollaborazzjoni mal-Ministeru responsabbli mill-artijiet, tgħaddi għand il-bdiewa anke b'bejgħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kien imwiegħed fil-programm elettorali, il-gvern kien għaddej b’xogħol f’dan l-aħħar snin biex titfassal skema ta’ ċnus u qbiela. Dan ix-xogħol li qed isir mal-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur huwa avvanzat u jinsab fl-aħħar stadji tiegħu. Hekk kif dan ix-xogħol ikun konkluż, it-tagħrif dettaljat ikun ippublikat.

soqfa tal-Qorti — tiswija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi partijiet mis-soqfa tal-Qorti li għandhom bżonn tiswija minħabba xi ħsarat li għandhom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma hemm ebda parti mis-soqfa tal-Qorti li għandhom bżonn tiswija minħabba xi ħsarat li għandhom.

xogħol fuq toroq arterjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jitlesta x-xogħol fuq it-toroq arterjali li fuqhom qed isir ix-xoghol fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent għaddej xogħol fuq sitt proġetti. Dawn huma: · Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Garibaldi, Luqa · Moll iċ-Ċangatura u Xatt l-Għassara tal-Għeneb, Marsa/Floriana · Triq il-Marfa, Ċirkewwa/Mellieħa · Triq l-Imġarr, Triq Fortunata Mizzi, Triq ir-Repubblika, Rabat/Xewkija, Għawdex Skont l-aħħar estimi li għandha Transport Malta, huwa previst li dawn ix-xogħolijiet mistennija jibdew jitlestew minn April sa Lulju 2012. It-tnejn l-oħra: · Ta’ Penellu – Mellieħa · Bini ta’ underpass tal-Marsa mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ din is-sena. Dawn id-dati dejjem huma suġġetti għal xi dewmien li jista’ jirriżulta minn telf ta’ xogħol minħabba maltemp, xi skoperti arkeoloġiċi u/jew ċirkostanzi li wieħed ma' jkollux kontroll fuqhom.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Simar - ħtieġa ta' servizz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta hux qed tiddiskuti mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dawk li huma l-ħteġijiet ta' servizzi fi Triq is-Simar, San Pawl il-Baħar, billi din it-triq trid issir kollha kemm hi u m'hemmx dubju wkoll li ħafna mis-servizzi fiha se jkollhom bżonn jinbidlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li iva, kif dejjem isir fuq xogħol simili.

għajnuna finanzjara f'każ ta' saħħa

Question

Jista' l-Ministru jara jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tbati minn kundizzjoni tistax tingħata għajnuna finanzjarja mill-gvern Malti peress li hemm kura speċjalista fl-Italja li qed tagħti r-riżultati u dan peress li din il-kura speċjalista f'Milan tista' tevita intervent ta' operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern jgħin lil persuni jieħdu kura speċjalizzata barra minn Malta permezz tal-Programm Nazzjonali għal-Kura Speċjalizzata. Permezz ta’ dan il-programm, persuni eliġibbli jintbagħtu l-Ingilterra għal kura speċjalizzata għal kundizzjoni medika li jkollhom wara li jkunu riferuti mill-ispeċjalista kuranti tagħhom. F'dan il-programm il-Gvern iħallas direttament il-kura tal-pazjent. Persuni li jkunu jixtiequ jieħdu kura f'pajjiz ieħor skont ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja, huma obbligati li jissottomettu talba għall-awtoriżżazzjoni lid-Dipartiment tas-Saħħa skond il-proċeduri amministrattivi stabbiliti, liema talba tiġi evalwata skont kriterji stabbiliti fosthom li l-kura li tkun qed tintalab trid tkun tifforma parti mill-pakkett ta’ kura offruta mill-Gvern Malti. F'kaz li t-talba tal-pazjent biex imur f'pajjiz ieħor għall-kura tintlaqa’ mid-Dipartiment tas-Saħħa, l-gvern iħallas direttament l-ispejjeż tal-kura.

Turisti f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jikkategorizza t-turisti li ġew f'Malta bil-ġranet u ljieli li għamlu hawn? Jista' jgħid kemm minn dawn ġew f'Malta u kemm marru Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Matul is-sena 2011 zaru Malta 1,411,748 turist (Tabella A), zieda ta’ 5.6% meta mqabbla ma’ l-istess perjodu tas-sena 2010. B’kollox dawn qattghu 11,680,167 iljieli f’Malta (Tabella B), jigifieri kull turist ghamel medja ta’ 8.3 lejl f’Malta. It tabelli qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-istatistika ufficjali ta’ l-NSO ma tiddistingwix kemm turisti qaghdu f’Malta u kemm turisti qaghdu f’Ghawdex. Huwa stmat li madwar 700,000 turist żaru Għawdex għal ġurnata waħda (day trippers) filwaqt li 92,000 turist qattgħu aktar minn lejl wieħed f’Għawdex.

akkomodazzjoni għat-turisti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom kapaċità Malta u Għawdex li jakkomodaw turisti f'sena u f'liema kategorija? Jista' jgħid kif varjat din l-kapaċità matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-kapaċita’ ta’ Malta u Għawdex li jakkomodaw turisti fil-katgoriji kollha ta’ akkommodazzjoni matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011.

kapaċità li nospitaw turisti

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk il-kapaċità li nospitaw turisti varjatx tul dan l-aħħar 20 sena? Jekk iva, minn liema aspett u kif ġie żviluppat dan is-suq?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-kapaċita’ li nospitaw it-turisti hija determinata minn numru ta’ fatturi nkluż in-numru ta’ sodod fuq is-suq, l-infrastruttura tal-pajjiż, in-numru ta’ rotot li jservu id-destinazzjoni u l-medja tat-tul ta’ vakanza ( average length of stay) fost oħrajn. Dawn il-fatturi kollha inbidlu fl-aħħar għoxrin sena. B’mod ġenerali wieħed jista’ jgħid li pajjiżna qiegħed viċin il-limitu tal-kapaċita’ fix-xhur tas-sajf, imma jista’ jżid u jkabbar it-turiżmu fix-xhur tax-xitwa. Il-politika tat-Turiżmu li għadha kif ġiet imnedija dawn il-ġranet għall-konsultazzjoni pubblika tagħmel referenza għal dan.

figuri ta' kemm-il lejl qattgħu t-turisti f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk meta jingħataw figuri ta' kemm-il lejl għamlu turisti ġewwa lukandi u postijiet oħrajn ta' akkomodazzjoni, jiġix ikkalkulat it-turiżmu intern ma' dawn il-figuri?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Istatistika ippublikata mill-NSO kull xahar dwar departing tourists tirreferi biss għall-iljieli li qattgħu turisti ġewwa lukandi u postijiet ta’ akkomodazzjoni u ma tinkludix it-turiżmu intern.

lukandi u stabillimenti — introduzzjoni ta' taxxa ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex isir studju biex jeżamina kif intlaqtu l-lukandi u stabbilimenti oħrajn bl-introduzzjoni tat-taxxa l-ġdida ta' 2% fis-sena li għadna kif ħriġna minnha?

Response (DEMARCO, MARIO)

Iż-żieda fil-VAT fuq l-akkomodazzjoni li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant daħlet sabiex il-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu jkomplu jtejbu l-aċċessibilita’ lejn pajjiżna. Pajjizna illum għandu konnessjoni ma’ tmenin destinazzjoni, kważi d-doppju ta’ li kien hemm ħames snin ilu. In-numru tat-turisti, l-iljieli li turisti qattgħu Malta u l-infieq globali li turisti nefqu żdiedu matul l-2011. Għalhekk mhux il-każ li ż-żieda fir-rata ta’ 2% fil-VAT kellha xi impatt negattiv fuq l-akkomodazzjoni fuq it-turiżmu.

lukandi u ristoranti li jagħlqu għax-xhur tax-xitwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jimmoniterja kemm hawn lukandi u ristoranti li qed jagħlqu għax-xhur tax-xitwa minħabba li s-suq ikun limitat? Qed isir ippjanar biex din l-problema tiġi megħluba? Jista' jgħid x'tip ta' ppjanar qed isir f'dan ir-rigward?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta titlob li tkun infurmata meta lukanda tkun ser tagħlaq għal xi xhur fix-xitwa. Din is-sena fil-fatt l-Awtorita’ tat-Turiżmu ġiet infurmata li minn 183 lukanda, seba’ lukandi biss għalqu għal żmien limitat fix-xitwa. Uħud minn dawn il-lukandi għalqu sabiex isir xogħol ta’ manutenzjoni. Għaldaqstant ma hux il-każ li hemm xi problema ta’ lukandi li qegħdin jagħlqu fix-xitwa. Infakkar li grazzi għal miżuri li ħa l-Gvern u l-Awtorita’ tat-Turiżmu f’seba’ xhur matul is-sena aħna qegħdin inġibu aktar minn mitt elf turist kull xahar. L-Awtorita’ tat-Turiżmu m’għandhiex informazzjoni fuq ristoranti li jagħlqu fix-xitwa.

Hip Bone replacement

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31349 u jara l-każ tal-persuna anzjana, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pazjenta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, li hija mniżżla għall operazzjoni tal-hip bone, sarula t-testijiet neċessarji fil-PAC (Pre-Assessment Clinic) nhar is-27 ta’ Jannar 2012. Id-data tal-operazzjoni tingħata aktar 'il quddiem mill-konsulent inkarigat mill-kura tal-pazjenta.

Residenza San Vinċenz de Paul — anzjana

Question

B'referenza għall-anzjana li d-dettajli tagħha qed jingħataw separatament u li tinsab fir-Residenza San Vinċenz de Paul, jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern se jeħdilha mill-ammont muri fl-ittra annessa u kemm se jibqa' jkollha f'idejha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' żewġ anzjani li d-dettajli tagħhom qed jingħataw separatament, li applikaw biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul għax mhux kapaċi jmexxu waħedhom u issa t-tnejn li huma jinsabu fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni li ngħatat mill-Onor. Interpellant tirreferi għal persuna waħda biss mill-kopja. Ma’ dan kollu il-koppja kienet ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni sabiex tidħol fir-Residenza ta’ San Vinċenz. Jekk is-saħħa tal-koppja msemmija ddeterjorat huwa mportanti li ssir upgrade tal-applikazzjoni biex b’hekk terġa tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni.