Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħaddiema taċ-Ċivil — safar club class

Question

B'referenza għall-ħaddiema taċ-Ċivil, jista' l-Ministru jgħid min huwa ntitolat li jsiefer club class? Jista' jghid ukoll kemm kien hemm persuni li siefru club class matul is-sena 2010 u s-sena 2011 separatament, għal kull ministeru u d-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħthom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28890.

talba li għamlet il-Kummissjoni Ewropea għal informazzjoni dwar miżuri li jirrigwardaw in-nefqa pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni jew komunikazzjonijiet mibgħuta mill-Gvern Malti lill-Kummisssjoni Ewropea rigward it-talba li għamlet il-kummissjoni għal informazzjoni dwar miżuri li jirrigwardaw in-nefqa pubblika li ttieħdu mill-gvern fil-baġit għas-sena 2012 u fis-6 ta’ Jannar 2012, liema komunikazzjonijiet seħħew bejn id-data li fiha tħabbar il-baġit għas-sena 2012 u s-6 ta’ Jannar 2012? Jista’ jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lill-Gvern Malti fuq l-istess suġġett mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea minn meta saret it-talba oriġinali tal-Kummissjoni Ewropea sa meta ħarġet il-komunikat tagħha fejn qalet li ma kenitx se tiftaħ il-proċedura ta’ excess deficit fir-rigward ta’ Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31406.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — distillatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-distillatur tal-Qala Għawdex huwiex proprjetà tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u jgħid b'liema titolu u meta għadda għand il-korporazzjoni? Jekk kemm-il darba din hija proprjetà tal-Korporazzjoni, jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet dwar l-użu ta' dan id-distillatur? Jekk fl-affermattiv, x'tip ta' użu hu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31522.

Ħal Balzan — Triq il-Wied - tappieri li jinqalgħu minn posthom fix-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet fi Triq il-Wied, Ħal Balzan għar-rigward tal-ammont kbir ta' ilma li jgħaddi u jinġabar f'din it-triq u għar-rigward it-tappieri tad-drenaġġ li wara kull ħalba xita jinqalgħu minn posthom b'periklu kbir għas-sewwieqa u persuni oħra li jkunu għaddejjin mit-triq? Tista' tissolva din il-problema tad-drenaġġ li jfur kull darba li tagħmel ix-xita?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-problema ta’ tappieri li jinqalgħu minn posthom meta tagħmel ix-xita, ġejja minn proprjetajiet li għandhom is-sistema tax-xita tal-bjut li hija mqabbda mas-sistema tad-drenaġġ b’mod irregolari. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex tikkontrolla din il-problema se tibdel parti minn main tas-sistema tad-drenaġġ.

lukandi/ristoranti, bars u stabbilimenti li għalqu għax-xhur tax-xitwa

Question

Jista' l-Ministru jagħti figuri ta' kemm għalqu lukandi/ristoranti, bars u stabbilimenti oħrajn li jiddependu mit-turiżmu għall-għejxien tagħhom matul ix-xhur tax-xitwa tas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lil Onor. Interpellant li: matul ix-xitwa 2009 / 2010, tnax-il lukanda kienu temporanjament magħluqa, matul ix-xitwa 2010 / 2011, disa' lukandi kienu temporanjament magħluqa, waqt li matul ix-xitwa 2011 / 2012, seba' lukandi kienu temporanjament magħluqa minn total ta’ 190 lukanda. L-awtorità m’għandhiex informazzjoni ta’ kemm ristoranti, bars u stabbilimenti oħrajn setgħu għalqu għal xi perjodu matul is-sena.

nies li jaħdmu fis-settur turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn nies jaħdmu fl-industrija tat-turiżmu b'mod dirett u kemm jiġi kkalkulat li hawn ħaddiema jaħdmu magħhom b'mod indirett matul is-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (DEMARCO, MARIO)

Statistika uffiċċjali mill-Uffiċċju tal-Istatistika (NSO), turi n-numru ta’ persuni li jaħdmu full-time u part-time f’lukandi u ristoranti kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min iżid li hemm ħafna iżjed mpiegi li jiddependu b’mod dirett fuq is-settur tat-turiżmu. Dawn jinkludu mpiegi fil-mużewijiet pubbliċi u privati, gwidi, aġenti tal-ivvjaġġar, excursion organisors, destination management companies li jieħdu ħsieb organizzazzjoni ta’ konferenzi barranin f’pajjiżna kif ukoll impiegi fis-settur tat-trasport, fis-settur tal-ħwienet, fis-settur tal-agrikoltura u fis-settur tas-servizzi fost l-oħrajn. Fl-istatistika uffiċjali dawn l-impiegi jidhru fis-settur rispettiv tagħhom u mhux taħt it-turiżmu u dan skont prassi internazzjonali.

Qasam tat-Turiżmu — ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-età medja tal-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tat-turiżmu? Minn dawn kemm hemm full-timeu part-time?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jippubblikax figuri fuq l-età medja tal-ħaddiema li jaħdmu fil-Qasam tat-Turiżmu.

Lista ta' stennija — interventi fl-irkoppa u hip replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-lista ta' stennija li spiċċajna biha fl-aħħar tal-2011 għal interventi fl-irkoppa u hip replacement ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’każijiet li jkunu ta’ natura Elective, li ma jkunux urġenti, jitpoġġew fuq il-waiting list, skont in-natura tal-każ, filwaqt li dawk li jkunu urġenti jsiru minnufih. In-numru ta’ pazjenti li qegħdin jistennew għal intervent kirurġiku fl-ortopedija ittieħdu mill-Waiting List Management System tal-Isptar Mater Dei fis-26 ta’ Diċembru 2011. Total Hip Replacement (THR) Revision THR Total Knee Replacement (TKR) Total 346 36 1952 Arthroscopy Knee Arthroscopy Knee + Anterior Cruciate Ligament (ACL) Reconstruction* Total 1878 216

Użu tal-hazard waste tal-powerstation il-ġdida

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31153 u 30945 u jgħid x'riċerka saret biex isir użu ta' hazard waste li jkun qed jirriżulta mill-power station il-ġdida? Jekk fl-affermattiv, min ikkummissjona din ir-riċerka u kemm swiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li mhix l-intenzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta li tagħmel użu minn dan l-iskart. L-iskart se jinġabar u jiġi trasportat b’mod mill-aktar sigur lejn landfills barra l-pajjiż biex jiġi dispost hemmhekk.

Dejn globali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 30416, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bi tweġiba to date abbażi ta' dak li jirriżulta bħala dejn globali?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31767.

Applikazzjoni ta' Schedule V

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar minn applikazzjoni ta' Schedule V ta' anzjana li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li ilha li bagħtet din l-applikazzjoni u għad ma kellhiex risposta fuq dawn il-pilloli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet ikkuntattjata fuq in-numru tat-telephone mogħti. Minkejja dan, xorta ma nstabx li xi applikazzjoni waslet fl-Uffiċċju tal-Medicines Entitlement Unit (MEU). Ġie mistoqsi fejn tħalliet l-applikazzjoni, pero’ ma ngħatatx risposta, minħabba l-fatt li kien hemm persuna oħra nvoluta li kellha tieħu ħsieb din l-applikazzjoni u għalhekk il-pazjent ma jafx x’ġara. Minn naħa tad-Dipartiment ġie spjegat li kif ikun hemm iktar informazzjoni ta’ fejn tħalliet l-applikazzjoni il-pazjenta tista’ tingħata iktar għajnuna billi ċċempel fuq il-linja telefonika tal-MEU Schedule V Customer helpline 25951402.

Applikazzjoni għall-wens

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, peress li jieħu ħsieb lil missieru li għandu 87 u lil ħuħ b'diżabilità u ma jistax joħroġ jaħdem? Peress li dan applika għall-benefiċċju tal-wens u ma kellux risposta fil-pożittiv u peress li minkejja li għandu l-proprjetà, flus fil-bank m'għandux, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li applikat għar-Residenza San Vinċenz de Paul u li kienet tinsab ġo home privata, imma issa peress li spiċċawla l-flus ma tistax tkompli f'din il-home?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minħabba li l-kundizzjoni tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant iddeterjorat, fit-2 ta’ Settembru 2010 il-Bord ħass li l-klijenta ma kenitx aktar tajba sabiex tidħol f’dar fil-komunità u ġiet approvata sabiex tidħol San Vinċenz bħala prijorità għolja. B’hekk l-applikazzjoni ta’ din il-persuna tqiegħedet fil-lista ta’ stennija ta’ prijorità għolja għar-Residenza ta’ San Vinċenz.

każ dwar children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhux qed tirċievi children's allowance u kull darba li tmur titkellem dwar il-każ tagħha dejjem jgħidulha li s-somma għadha qed tinħadem?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

talba għal post tal-gvern

Question

Jista’ l-Ministru jara każ ta’ single parent li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat għal post tal-gvern xi 11-il sena u minkejja li kemm-il darba marret il-Housing għadha bla risposta?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni m’għandiex applikazzjoni minn dan il-fond imsemmi. Għaldaqstant hija mitluba biex tiġi ġewwa l-Awtorità tad-Djar u tammenda l-applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva u tiċċekja wkoll jekk tikkwalifikax għal Skema R biex tkun tista’ tibbenefika minn sussidju fuq il-kera.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — applikazzjonijiet għall-istallazzjoni tas-servizzi tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandhiex applikazzjonijiet għall-istallazzjoni ta' servizzi tal-ilma li ilhom pendenti għal iktar minn sitt xhur? Jekk iva, f'liema lokalitajiet u x'inhuma r-raġunijiet għal dan id-dewmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha 46 applikazzjoni għal servizzi tal-ilma ġodda li ilhom pendenti għal aktar minn 6 xhur. Dawn huma mniżżla fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lotteries and Gaming Authority — salarji, kundizzjonijiet u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu s-salarju u l-kundizzjonijiet, benefiċċji eċċ. taċ-Chief Executive Officer, tad-Direttur tal-Human Resources, tad-Direttur tal-iStrategy and Planning u tad-Direttur tal-Corporate tal-Lotteries and Gaming Authority?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-pozizzjoniet ta’ Direttur tal-Human Resources u dak ta’ Direttur tal-Corporate huma filfatt pozizzjoni waħda taħt l-isem ta’ Direttur tal-Corporate Services, u l-pozizzjoni tad-Direttur tal-iStrategy and Planning hija dik ta’ Chief Officer and Program Management. Is-salarji, kundizzjonijiet u benefiċċji anwali ta’ dawn l-uffiċċjali qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Problema ta' ilma f'post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jgħix f'post tal-gvern li minnu qed joħroġ kwantità ta' ilma u meta kienu marru jarawh tal-housing qalulu li se jirranġawh, imma minkejja li għadda ż-żmien dan baqa' bla risposta? Jista' jara li jinstab xi rimedju għal din il-problema?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-proprjetà allokata lill-inkwilin issewwiet fis-17 ta’ Lulju, 2009. Fl-20 ta’ Jannar, 2010, il-girien sewwew is-sistema tad-dranaġġ minn naħa tagħhom, u ġie kkonstatat minn tekniċi tal-Awtorità illi l-problema waqqfet.