Għawdex — San Lawrenz Għawdex - Triq Ċangura - ilmenti fuq it-triq
Question
Peress li r-residenti ta' Triq Ċangura, San Lawrenz Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq, jista' l-Ministru jara li din it-triq issirilha l-manutenzjoni li hemm bżonn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li t-triq li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tinstab fi stat tajjeb ħafna tant li l-Kunsill Lokali ddeskrivieha bħala “waħda mill-aħjar toroq” fil-lokalità.
Il-kunsill lokali hu konxju iżda li parti żgħira minn din it-triq qed iżomm xi ilma u għalhekk ħaseb biex jirrimedja s-sitwazzjoni u ġabar kwotazzjonijiet apposta sabiex jirranġa din il-parti tat-triq biex ma tibqax iżżomm dan l-ilma. Ninsab infurmat li l-offerta ingħatat lil Gatt Construction u x-xogħol mistenni li jinbeda fil-jiem li ġejjin.
Għawdex — San Lawrenz - Triq San Lawrenz - ħofor fit-triq
Question
Peress li r-residenti ta' Triq San Lawrenz, San Lawrenz Għawdex senjatament dawk ta' ħdejn il-mitħna qed jilmentaw minħabba ħofor fondi li hemm f'din it-triq, tista' l-Ministru tara li almenu dawn il-ħofor jimtlew?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li Triq San Lawrenz, San Lawrenz Għawdex qed issirilha l-manutenzjoni neċessarja u se jkompli jsirilha manutenzjoni hekk kif it-temp jippermetti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31846 u jagħti lista tal-kumpaniji li l-Malta Enterprise qalet li investew €320 miljuni f'dawn l-aħħar erba' snin? Jista' jagħti breakdown tat-3,200 impjieg li qegħdin jgħidu li ħolqu dawn il-proġetti ġodda?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew riferuti tfal liċ-child guidance clinic f'dawn l-aħħar tliet snin, kemm minnhom kienu bniet u subien skont l-età u minn liema lokalità ġejjin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31612, tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-post vakanti ta’ dawn l-impjegati li talbu transfer mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi għadu ma mteliex wara dan iż-żmien kollu? Tista’ tgħid kemm kien il-complement ta’ ħaddiema mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi sena b’sena bejn l-2006 u l-2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-post vakanti ta’ dawk l-impjegati li talbu transfer mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi jimtela jekk u meta jkun hemm il-bżonn. Il-complement ta’ ħaddiema mhux akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi sena b’sena bejn l-2006 u l-2011 huwa :
· 2006 - 102
· 2007 - 96
· 2008 - 95
· 2009 - 93
· 2010 - 83
· 2011 - 81
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-ismijiet u t-temi tal-proġetti ta’ riċerka tal-aħħar sena mill-istudenti tal-management fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta mistennija jitlestew dawn il-proġetti? Hemm xi ħsieb li ssir esebizzjoni tagħhom kif sar fis-snin li għaddew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-ispejjeż biex l-Istitut tal-Istudji Turistiċi jippubblika l-prospectus għall-korsijiet full-time għas-sena akkademika 2011-2012 u jagħmel promozzjoni tiegħu, inkluż permezz ta’ billboards, leaflets u riklami fil-mezzi tax-xandir, stampa u internet? Tista’ tgħid meta se jkun ippubblikat il-prospectus għas-sena akkademika 2012-2013 u jekk hemmx ippjanata spiża simili għall-prospectus ippubblikat f’Ġunju 2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
blood sticks taz-zokkor (diabetes) lil dawk li għandhom il-karta r-roża
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbdew jingħataw blood sticks taz-zokkor (diabetes) lil dawk li għandhom il-karta r-roża?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-‘blood glucose sticks’ se jibdew jingħataw lill-pazjenti dijabetiċi tat-Tip I mingħajr limitu fuq l-età. Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet li ser tiżdied fil-lista ġdida ta’ kundizzjonijiet kroniċi ta’ Skeda V.
Il-liġi li temenda l-iskeda V tal-Att tas-Sigurta Soċjali (Att 1/2012) għaddiet mill-Parliament fit-3 ta’ Frar 2012, iżda għada ma ġietx fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jindika kemm il-gvern għandu proprjetajiet jew djar li huma battala u li jinsabu:
a) f'Wied il-Għajn
b) fiż-Żejtun
c) fil-Fgura?
Fejn huma dawn il-proprjetajiet/djar li huma battala?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proprjetajiet li skont l-informazzjoni li għandu d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern huma battala fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Zejtun u fil-Fgura. Din il-lista ma tinkludiex proprjetajiet li qabel kienu tal-Knisja u li għaddew għand il-Gvern skont il-ftehim tal-1991 bejn il-Gvern u s-Santa Sede peress li preżentament id-Dipartiment m’għandux il-fakulta li jiġbor din l-informazzjoni fuq dawn il-proprjetajiet peress li l-informazzjoni dwar il-proprjetajiet li qabel kienu tal-Knisja għadhom m’humiex imdaħħla fis-sistema kompjuteriżżata tal-LEMIS.
Attachments:32097 papers laid 1.xls32097 papers laid 2.xls32097 papers laid 3.xls
Pulizija f'kull distrett — surġenti u kuntistabbli
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31675 u r-risposta relattiva fejn saret riferenza għall-mistoqsija parlamentari oħra li ma tweġibx il-mistoqsija, peress li l-Ministru għadu ma weġibx il-mistoqsija originali, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm surġenti u kuntistabbli tal-pulizija f'kull shift f'kull distrett?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġà kelli l-okkażjoni ngħid, in-numru ta' membri tal-Korp fid-Distretti tal-Pulizija jitqassmu skont it-topografija, demografija u l-ħtiġijiet oħra li l-Korp jikkonsidra minn żmien għal żmien.
Residenza San Vinċenż de Paul — informazzjoni dwar ir-residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel? Jista' jagħti l-informazzjoni skont l-età u l-lokalità minn fejn ikunu ġejjin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
estensjoni tal-power station ta' Delimara — informazzjoni dwar il-pipelines
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta bnietx pipeline jew pipelines ġodda li jagħtu għall-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Jekk iva, kemm sewa (jew swew) dawn il-pipelines biex inbnew? Minn fejn jagħtu dawn il-pipelines u għal fejn jagħtu dawn il-pipelines? Kif qed jintużaw dawn il-pipelines bħalissa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-kuntratt tal-impjant il-ġdid ġewwa Delimara nbnew numru ta’ pipelines ġodda kif ukoll tankijiet tal-fuel li huma konnessi mas-sistema interna eżistenti tal-power station ta’ Delimara. Dawn kienu parti mill-kuntratt tal-impjant u m’hemmx prezz separat għalihom. Dawn il-pipelines ser jintużaw biex ikun jista’ jitwassal il-fuel mit-tankijiet eżistenti għall-impjant il-ġdid.
Raħal Ġdid — resdienti li jixtiequ l-kuntratt ta' akkwist
Question
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni ċara ta' meta r-residenti li joqogħdu f’dawn it-toroq ġo Raħal Ġdid cioè Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Triq l-Għaqdiet tal-Ħaddiema, Triq Fr Charles Plater u l-madwar li għandhom proprjetà tal-gvern jew darhom mibnija fuq proprjetà li originarjament kienet tal-gvern u għadhom fuq konvenju se jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt finali ta' akkwist?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li ħafna mill-artijiet li jinsabu fiż-żona msemmija mill-Onorevoli Membru kienu trasferiti lill-Awtorità tad-Djar permezz ta’ Avviż Legali Numru 236/2011 wara li d-Dipartiment tal-Artijiet ħallas fl-2011 lis-sidien oriġinali tal-art in kwistjoni. Dwar il-kumplament tal-artijiet li għad fadal biex jiġu trasferiti id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern lesta l-proċess kollu biex jitrasferrixi l-proprjetà f’din iż-żona u jonqos biss li l-Awtorità tad-Djar toħroġ l-Avviż Legali għal dan it-trasferiment. Il-kuntratti finali ta’ akkwist mar-residenti ma jsirx mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern iżda jsir mill-Awtorità tad-Djar.
Fil-proċess kollu biex l-art tiġi trasferita lill-Awtorità tad-Djar u r-residenti jkunu jistgħu jagħmlu l-kuntratt finali, id-Dipartiment Proprejetà tal-Gvern matul l-2011 iddepożita f’kont bankarju l-ammont ta’ €3,304,708 sabiex is-sidien li kellhom l-art tagħhom f’din iż-żona u li kienet ġiet akkwista mill-gvern biex isir dan il-Qasam tad-Djar jiġu kkumpensati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm dam fil-kariga ta' aġent direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qabel inħatar direttur? Jista' jgħid għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant inħatret Aġent Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fis-26 ta' Awwissu 2008, ftit wara r-riżenja ta' Direttur ta' dak iż-żmien. Effettivament, l-inkarigu ngħata lil din il-persuna li dak iż-żmien kien Spettur fil-Korp tal-Pulizija, għaliex kienet taġixxi bħala d-Deputy tad-Direttur f'dak il-perijodu.
Iċ-ċirkostanzi ta' meta ngħatat din il-ħatra kienu karetterizzati minn Inkjesta Ministerjali ntiża biex titfa dawl fuq is-sitwzzjoni prevalenti fil-Faċilita' dak iż-żmien, u biex tagħmel kull rakkomandazzjoni meħtieġa sabiex problemi li setgħu jiġu identifikati jkunu ndirizzati. Fil-fatt il-Bord tal-Inkjesta għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'Marzu tal-2009 u, immedjatament wara, dan il-Ministeru waqqaf Task Force biex jara li sa fejn hu prattikabbli dawn ir-rakkomandazjonijiet jiġu implimentati. Irriżulta li waħda mid-diversi materji li l-Bord kien irrakkomanda li tiġi ndirizzata kienet l-istruttura organizzattiva tal-Faċilita', spċejalment fejn jirrigwardja s-Senior Management. It-Task Force kien daħal f'dan l-aspett fid-dettal u fassal struttura bl-iskop li jkunu ndirizzati n-nuqqasijiet li kien ltaqa' magħhom il-Bord tal-Inkjesta. Naturalment dan il-proċess kollu kien kumpless min-natura tiegħu u ma setgħax jitlesta fi ftit xhur.
Effettivament kien lejn nofs l-2010 li l-istruttura proposta bdiet tiġi konsolidata u allura l-Ministeru seta jkun gwidat minnha u jaħseb biex jimplimentaha. Kien proprju f'dak iż-żmien (Mejju tal-2010) li ngħata l-parir lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinbeda l-proċess stabbilit biex timtela l-vakanza fil-grad ta' Direttur tas-Servizzi Korrettivi. Infurmat li s-sejħa ħarġet f'Diċembru tal-2010 u li l-proċeduri tal-għażla tlestew u l-ħatra ngħatat b'effett mit-13 ta' Ġunju tal-2011.
Kien għalhekk, li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant damet isservi ta' Aġent Direttur sat-12 ta' Ġunju 2011.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta rappreżentant konsulari mill-ambaxxata Kanadiża li hija f'Ruma se jiġi nominat hawn Malta peress li dan in-nuqqas qiegħed jikkawża hardship kbir lill-ħafna familji f'Malta li sempliċement għall-attestazzjoni tal-firma, wieħed ikun mitlub imur Ruma?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nifhem li n-nuqqas ta' Konslu Onorarju Kanadiż f''Malta jista jikkawża diffikultajiet għal persuni Maltin li għandhom bżonn is-servizz tiegħu, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-nomina ta' Konslu Onorarju għall-Kanada f'Malta trid issir billi l-Gvern tal-Kanada jipproponi lil xi persuna għal din il-kariga. Ir-rwol tal-Ministeru tiegħi tkun li japprova jew le in-nomina ta' din il-persuna. S'issa għadha ma waslet ebda nomina għal din il-pożizzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, l-Imġarr u l-Imtarfa matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:32131 - Vot tal-Kunsilli Lokali Rabat,Dingli, Zebbu, Imgarr, Mtarfa.doc
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rrappurtati fuq il-post tax-xogħol matul 2011? Kemm minnhom kienu maskili? Kemm minnhom kienu feminili? Kemm minnhom kienu fatali?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Jien infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu in-numru ta’ talbiet li jsiru għall-benefiċċju għall-korriment fuq il-post tax-xogħol biss. Fil-fatt in-numru ta’ talbiet li saru lid-dipartiment matul is-sena 2011 kienu jammontaw għal 2557 talba minn persuni maskili u 464 talba minn persuni feminili. Id-Dipatiment tas-Sigurtà Soċjali ma jkollux statistika dwar in-numru ta’ fatalitajiet.
Għaldaqstant dwar din l-aħħar statistika nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jitlob il-kumplament tar-risposta mingħand il-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li weġġgħu u/jew ġew aggrediti waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul is-sena 2011? Jista' jinforma bl-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22516, ninsab infurmat illi fl-2011 in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġħu waqt li kienu fuq xogħol kien ta' 49.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn residenzi privati rappurtati lill-Pulizija matul l-2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2011 ġew rappurtati lill-Pulizija 952 serqiet minn djar privati. Minn dawn 218 kienu jikkonċernaw oġġetti misruq minn fuq barra tar-residenzi u 103 minn residenzi li ma kienux okkupati.