Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk riċentement ġiex stabbilit Customer Care Office ad hoc fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Min qed jieħu ħsieb dan il-Customer Care Office u kemm ġew addetti ħaddiema għal dan l-uffiċċju? Kemm fondi ġew ivvotati għat-twaqqif ta' dan il-Customer Care Office?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol ta' Uffiċċju tal-Customer Care ad hoc qed isir mis-Segretarjat tal-Board tal-MEPA. Is-Segretarja tal-Bord qed tieħu ħsieb tgħaqqad l-inizijattivi kollha tal-Customer Care. Fir-realta ma ġew addetti l-ebda persuni ġodda f'dan il-qasam imma qed isir rationalisation u ċentralizzazjoni tax-xogħolijiet ħalli s-servizz ikun wieħed uniformi u komplut. Ma kienu vvutati ebda fondi għal dan il-proġett u s-Segretarja tal-Bord ingħatat dan ix-xogħol b'mod addizzjonali għax-xogħol normali tagħha.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iċ-ċentru ta' Bormla minn fejn se jgħaddu l-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, hux se jkunu lesti u dan kif suppost kien imwiegħed li jkun lest anke sal-festa tal-Immakulata fit-8 ta' Diċembru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ta l-Onorevoli Austin Gatt, Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni bħala tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari numru W533.
Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċentru ta' Bormla minn fejn se jgħaddu l-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, hux se jkunu lesti u dan kif suppost kien imwiegħed li jkun lest anke sal-festa tal-Immakulata fit-8 ta' Diċembru?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet mal-organiżżaturi kkonċernati sabiex ikun assigurat li jsir ix-xogħol meħtieġ fit-toroq li minnhom jgħaddu l-purċissjonijet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Jista' l-Minstru jgħid kemm-il darba ħarġet u kemm kien hemm sajjieda li bbenefikaw mill-iskema Loan and Grant matul dawn l-aħħar 20 sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li. sejħa kienet saret permezz ta’ Avviż Legali taħt Kap. 146; Att tal- 1956 dwar l-Għajnuna Finanzjarja lill-Industriji tal-Biedja u tas-Sajd
Peress li l-informazzjoni mitluba tifrex fuq żmien twil li allura jirreferu għal records li huma arkivjati, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar u qiegħed isir sforz biex tkun tista tinġabar u tweġiba tingħata fil-futur.
Sajjieda — waiting list għal għajnuna mill-iskema loan and Grant
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sajjieda li għadhom fuq il-waiting list biex jieħdu għajnuna mill-iskema Loan and Grant? Meta huwa ppjanat li din il-waiting list tispiċċa? Kemm fadal flus li għad iridu jitqassmu lis-sajjieda minn din l-iskema?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 31483 irrid inżid li peress li għad irid ikun finalizzat l-eżerċizzju ta’ skrutinju biex ikun stabbilit jekk it-talbiet li saru humiex eliġibbli jew le, mhux possibbli li f’dan il-mument jkun konfermat in-numru ta’ dawk fuq il-waiting list biex jirċievu din l-għajnuna.
Fid-dawl tal-kumplessità u t-tul ta’ dan l-eżerċizzju ta’ verifika ma ninstabx f’qagħda li nħabbar meta dan l-eżerċizzju hu mistenni li jkun mitmum.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30669 u jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isiru pjanijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibdew jinġabru taxxi biex imorru direttament għall-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk dawn it-taxxi humiex se jkunu addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti jew jekk humiex taxxi li diġà jeżistu u li se jingħataw forma oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhix l-ewwel u l-aħħar darba li ideat fuq riformi li jmissu t-taxxa mħallsa f’pajjizi membri jigu introdotti fl-aġenda ta’ xi wieħed mill għadd kbir ta kumitati tekniċi li jiddiskutu materja finanzjarja. Naturalment il-gvern Malti dejjem jistudja fid-dettal u b’reqqa kbira l-implikazzjonijiet ta suġġerimenti ta din in-natura mill-punto di vista ta’ pajjiż li hu ħerqan jissalvagwardja l-kompetenza li jgawdi f’qasam strateġiku u sensittiv bħal ma hu dak tat-taxxa.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' applikazzjonijiet għall-bini ta' farms tal-annimali li huma pendenti quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar preżentament? Għal liema tip ta' annimali huma l-applikazzjonijiet pendenti bħalissa? F'liema lokalità jinsabu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skond is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-istess Awtorità għandha quddiema pendenti ħmistax (15)-il applikazzjoni għall-bini ta' farms tal-annimali ġodda.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.
It-tfittxija saret fuq applikazzjonijiet li għandhom fil-proposta waħda mill-kliem farm, cow, cattle, bull, heif, calf, calves, poultry, hen, chicken, broiler, fattening, layers, sheep, ruminant, goat, rabbit, pig, sow, razzett, baqra, baqar, barri, għoġol, tiġieġ, ngħaġ, muntun, mogħża, mtaten, fniek, ħanżir, ħnieżer, maqjel, mqajjel.
BirdLife — tneħħija ta' ħaxix ħażin minn taħt siġar
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31510, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il darba l-BirdLife neħħew ħaxix niexef li jkun hemm taħt is-siġar (almenu f'dawk il-partijiet li huma l-eqreb lejn it-triq prinċipali) kif ukoll kemm-il darba saret żabra ta' siġar li huma qrib l-istess triq biex jiġi evitat li jinġabar materjal li jista' jaqbad taħt l-istess siġar?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żona msemmija tinsab ġo sit li ġie protett bħala Natura 2000 minħabba l-biodiversita li fih. It-tneħħija ta’ ħaxix niexef jew iż-żbir tas-siġar mhumiex parti mill-immaniġjar ta’ dawn it-tip ta’ siti għaliex il-ħaxix niexef jifforma ekosistema fih innifsu. Dan huwa bżonnjuż sabiex ma tintilifx il-ħamrija u tinżamm l-umdita fil-ħamrija fix-xhur kiefra tas-sajf. Għaldaqstant, sabiex tiġi evitata ħsara f’każ ta’ nirien u bħala parti mill-immanġjar tas-sit, fir-riserva tas-Simar hemm 'fire extinguishers' li huma miżmuma skont l-aħjar prattiċi f’każ ta’ xi nar fiż-żona taħt ir-responsabbilita tal-Birdlife. Ikun hemm ukoll 'watchmen' iħares is-sit erba' u għoxrin siegħa kuljum. Fil-qrib hemm stazzjonati d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li jistgħu jiġu msejħa mill-'watchmen' f'każ ta' nirien. Dawn kollha huma miżuri li qed jittieħdu bħala prekawzjoni sabiex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jkunu ta' dannu għal dan is-sit importanti.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjan, li d-dettaljid waru qed jintbagħtu separatament, li minkejja l-flus li għandu l-bank jaqtgħulu bil-15%, imma minn kemm ilu li ħa ż-żieda spiċċa taxxabli u qed jaqbad inqas mis-sena l-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir it-tarmac fi Triq Ġistakor f'Ħal Għaxaq peress li l-aħħar parti tat-triq tinsab fi stat perikoluż ħafna?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fl-imsemmija triq mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
provvista ta' elettriku- spezzjonijiet fi djar residenzjali
Question
Jista' l-Ministru jara li xi ħadd mill-Korporazzjoni Enemalta jmur jagħmel spezzjoni fuq il-main tad-dawl tal-anzjan li d-dettlaji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li qed jissuspetta li xi ħadd seraqlu xi fergħa?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjoni li saret fil-preżenza tal-konsumatur jirriżulta li l-provvista tal-elettriku qiegħda skont ir-regolamenti tal-elettriku u ma nstab l-ebda rregolarità.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni ta' kemm qed jiswew lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-uffiċċji taċ-chairman, tas-CEO u tal-erba' diretturi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi, il-paga, il-perkaċċi u l-overtime li tħallsu lil kull impjegat f'dawn l-uffiċċji? Tista' din l-informazzjoni tkun maqsuma sena b'sena mil-1998 sal-lum u tingħata spjegazzjoni ta' kif telgħu l-ispejjeż fuq kull individwu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm issellfu kotba mil-libreriji pubbliċi matul is-sena 2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ kotba li ġew mislufa lill-pubbliku matul is-sena 2011 huwa mqassma hekk:
Librerija Pubblika Ċentrali : Librerija tal-Adulti 154,933
Librerija tat-Tfal 97,880
Libreriji Reġjonali 204,067
Libreriji Fergħat (Malta) 263,271
Libreriji Fergħat (Għawdex) 64,501
Librerija Għawdex (Gozo Lending Library) 41,460
Total
826,112
Żieda ta’ kotba mislufa fuq is-sena ta’ qabel - 46,637
età ta’ min jissellef kotba mil-libreriji pubbliċi
Question
Tista’ l-Ministru tagħti statistika ta' x'inhi l-età ta’ min jissellef kotba mil-libreriji pubbliċi f'Malta u Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-età li persuni jibdew jissellfu l-kotba hija waħda bikrija. Fil-Librerija Pubblika hemm tfal anke ta’ sena li huma membri tal-librerija u dan sabiex ninkoraggixxu l-gibda għal qari minn età daqshekk bikrija. Bħalissa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb flimkien mal-Malta Libraries qed jaħdem fuq proġett tal-Bedtime Reading (Aqra Ktieb Qabel Torqod) u dan ħareġ minn konferenza li ġiet organizzata fuq it-tema tal-qari fejn ħareġ qawwi l-kunċett li għandna ninkoraġġixxu t-tfal minn mindu jitwieldu anke jekk imissu l-ktieb b’idejhom. Naturalment hawn jidħol l-impenn tal-ġenituri li jaqraw lit-tfal il-kotba u dwar dan il-Kunsill qed iħejji DVDs fejn tingħata struzzjoni kif għandhom jinqraw il-kotba mill-ġenituri. Għalhekk l-età hija minn sena ‘l fuq. Tajjeb ngħidu wkoll li biex ninkoraġġixxu l-qari is-Sezzjoni fil-Librerija Pubblika Ċentrali li tieħu ħsieb persuni bi bżonnijiet speċjali qed tibgħat fid-djar tal-anzjani u nies li jbatu biex jaqraw tape-cassettes (bla ħlas postali) bi stejjer u temi oħra u dan qed ikun ta’ nkoraġġiment meta ssib li matul is-sena 2011 ġew mislufa aktar minn 23,000 tape cassette.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' koppja anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li għandha t-telecare li nqatgħet il-linja aktar minn darba u minkejja li ġew jirranġawh, reġgħet inqatgħet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru tat-telefon li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant mhuwiex bis-Servizz tat-Telecare b’hekk id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ma jistax jidħol fil-problema msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma rċevietx il-karta biex tkun tista' tapplika għas-sussidju fuq il-kont tad-dawl u l-ilma minkejja li l-main inbidel minn fuq isem ir-raġel tagħha għal fuqha wara li miet?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' single parent li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fejn din applikat għal post tal-gvern tmien snin ilu iżda għadha bla risposta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tas-sinjura in kwestjoni hija pproċċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li l-Awtorità tad-Djar għandha għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' multilateral environment agreements li ġew iffirmati bejn il-Gvern u entitajiet oħra? Jista' jgħid ma' min ġew iffirmati dawn il-multilateral environmental agreements? Jista' jgħid liema entità qed tagħmel il-moniteraġġ ta' dawn il-ftehim?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (Multilateral Environmental Agreements - MEAs) li huma kompitu tal-MEPA jinkludu 12-il Konvenzjoni, 11-il Protokoll, 2 Ftehimiet u 11-il Emenda li Malta hija parti minnhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawn.
Dawn l-MEAs ġew iffirmati man-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran tal-Programm tal-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kunsill tal-Ewropa. Il-MEPA hija responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-MEAs fuq livell nazzjonali, waqt li l-Konferenzi jew Laqgħat rispettivi tal-Partijiet huma responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom fuq livell internazzzjonali.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — flus f'konsulenzi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — flus f'konsulenzi
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jgħid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.