Legislature:
Category:
Reset
Active:

Valletta — Tneħħija ta' Bollards minn Triq it-Teatru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala l-bollards li hemm fi Triq it-Teatru, kantuniera ma' Old Bakery Street, il-Belt, mhux talli tneħħew iżda anke t-toqob fejn kienu jitpoġġew issa ngħataw il-konkos u dan meta dawn il-bollards kienu jassiguraw li ma jidħlux vetturi fl-area pedonali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Applikazzjoni għad-dħul f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li l-applikazzjoni għad-dħul fid-Djar tal-Anzjani tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatment tingħata attenzjoni peress li din il-persuna m'għandhiex min idur biha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana li qiegħed jrreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fit-22 ta’ Awissu 2012. L-applikazzjoni ġiet approvata għar-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul fis-27 ta’ Settembru 2012. B’hekk, qegħda fuq il-lista ta’ stennija għad-dħul f’din ir-Residenza.

Irranġar ta' ħsara fil-gallerija ta' proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tittieħed azzjoni sabiex titranġa l-ħsara strutturali li hemm fil-gallerija tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u dan minkejja li sar rapport lill-pulizija aktar minn xahar ilu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern ma kellha l-ebda rapport dwar ħsara strutturali li hemm fil-gallerija tal-proprjetà li d-dettalji dwarha intbagħtu separatament. Intant id-Dipartiment ser jieħu passi sabiex jintbagħat perit fuq il-post biex jevalwa din il-ħsara.

Birgu — Area tal-Ħawli - infestazzjoni ta' ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir xi ħaġa sabiex titnaqqas l-infestazzjoni ta' ġrieden li qed ikun hemm fl-area tal-Ħawli Birgu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma kien rċieva 1-ebda lmenti rigward infestazzjoni ta' ġrieden fiż-żona ndikata. Fil-15 ta' Novembru 2012, ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control Unit taħt l-istess Direttorat għamlu trattament għal kontra1-ġrieden fl-inħawi indikati. Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ser jibqa jżomm din iż-żona taħt monitoraġġ u ser jibqgħu jsiru t-trattamenti neċessarji sabiex i1-problema ta' nfestazzjoni ta' ġrieden tibqa taħt kontroll.

Kera ta' fond li żdiedet drastikament

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-kera tal-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, żdiedet minn xi €20 kulll tliet xhur għal aktar minn €213 kull tliet xhur?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kera tal-familja ndikata hija maħduma tajjeb skont il-kuntratt li ġie iffirmat fit-12 ta’ Lulju 2012.
Leg 11 PQ #38139 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-fl-MCAST f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38140 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-istitut f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38141 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Trasferiment ta' xogħol ta' back office għal Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37933, jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-misoqsija fl-intier tagħha u jgħid meta hu maħsub li xogħol ta’ back office jiġi trasferit għal Għawdex fl-2013 u 2014? Meta hu mistessi li jiġi trasferit f’kull każ? Meta hu mistenni li jiġu konklużi d-diskussjonijiet li hemm għaddejjin bħalissa sabiex jiġi deċiż xogħol ieħor li għandu jiġi trasferit għal Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma għandi xejn x’inżid mar-rispsota li tajt f’mistoqsija Parlamentari numru 37933.

skejjel — ħin għall-physical education

Question

Peress li qed jasluli ilmenti li f'xi skejjel primarji statali tnaqqas il-ħin għall-physical education (PE), tista' l-Ministru tgħid fl-iskejjel primarji statali kollha ta' Malta u Għawdex kemm hemm ħin iddedikat, klassi bi klassi għall-PE kull ġimgħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-direzzjoni hija li l-għalliem tal-klassi fil-primarja għandu jagħti minimu ta’ żewġ lezzjonijiet ta’ 30 minuta l-waħda fil-ġimgħa. Il-‘Peripatetic Teacher’ tal-PE normalment jagħti lezzjoni waħda ta’ 45 minuta fil-ġimgħa. Ma’ dawn wieħed għandu jqis ukoll l-attivitajiet sportivi regolari li qed jiġu organizzati mill-iSport Promotion Unit.

korporazzjonijiet, fondazzjonijiet u awtoritajiet — Garanziji finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa tal-garanziji finanzjarji li l-gvern għandu llum biex jagħmlu tajjeb għal self li għandhom korporazzjonijiet, fondazzjonijiet, awtoritajiet u kopri u organizzazzjonijiet oħra parastatali? Jista' jagħti dan it-tagħrif kull entità għaliha? Jista' jagħti d-data ta' meta ngħatat kulll garanzija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — nefqa kapitali - investiment produttiv, infrastruttura, u soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-Gvern f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment bħal per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Salini — salt pans u huts - proġett ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-salt pans u l-huts tas-Salini li bħalissa għaddej proġett ta' restawr b'fondi tal-Unjoni Ewropea humiex proprjetà privata jew humiex qed jiġi mikrija lil xi individwu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li s-salt pans u l-huts tas-Salini huma proprjetà tal-Gvern u ma hemm ebda kirja lil xi individwu.

Parlament il-Ġdid u t-Teatru miftuħ — bini skont il-pjanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bini tal-Parlament il-Ġdid u t-Teatru miftuħ humiex qegħdin jinbnew 100% skont il-pjanti approvati? Jekk le, għaliex l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħarġitx Stop and Enforcement Notice u waqqfet ix-xogħlijiet?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #38173 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Fontana - Triq San Martin - rranġar ta' triq

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamenti 36439 u minkejja l-assigurazzjonijiet li ngħataw mill-Prim Ministru nnisfsu, is-sitwazzjoni għadha tippersisti b'inkonvenjent kbir għar-residenti ta' Triq San Martin, Fontana, Għawdex, tista' l-Ministru tara li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata minnufih?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fit-Triq San Martin, Fontana ma hemmx problemi minħabba l-ilma tax-xita. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħda tirreferi għat-trejqa li tiġi wara l-proprjetajiet tat-Triq San Martin ninsab infurmata li ttieħdet l-azzjoni neċessarja u ma jirriżultax li hemm problemi f'dan il-post.

Mellieħa — Triq Borg Olivier - Parking Bay

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-parking bay riservat għall-persuna b'diżabilità kif inhu f'Borg Olivier Street, Mellieħa eżatt f'kantuniera faċċata tal-HSBC għandhux jitneħħa u jitpoġġa f'post ieħor iktar sigur u aktar minħabba li fejn qiegħed huwa ta' periklu għal min qed jaqsam u anke għall-istess flow tat-traffiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Parkeġġ Riservat għall-Persuni B'Diżabbilta` li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari ġie approvat fis-sena 1997 fil-post imsemmi minħabba li dil-parti biss tat-triq hija għall-wita fejn seta' jiġi mplementat tali post ta' parkeġġ billi hija diffiċli ħafna għall-persuni b'diżabbilta' li jaċċessaw vettura meta din tkun f'telgħa jew f'niżla bħal fi Triq Borg Olivier.

Kuntratt finali tal-garaxx

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37515, jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jakkwista din l-art u jitħallsu s-sidien oriġinali?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jieħu azzjoni biex b’mod sistematiku, jakkwista siti fejn illum hemm housing estates mibnija. Peress li dan l-eżerċizzju jirrikjedi ħafna fondi u xogħol biex isir, dan il-proċess ser jieħu numru konsiderevoli ta’ snin. Għalhekk ma jistax jingħad fiċ-ċert meta l-art li fuqha hemm mibni l-garaxx li d-dettalji tiegħu ngħataw separatament, se jiġi akkwistat.

talba għa mediċina b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-gvern mhux qed jipprovdi b’xejn lil persuna d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament il-mediċina li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jaf il-Ministru li l-persuna indikata m’għandiex il-mezz finanzjarji biex tagħmel tali trattament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-mediċini Peg-interferon alfa u Ribavirin mhumiex fil-formularju tal-Gvern jiġifieri mhumiex fil-lista ta’ mediċini li l-Gvern jagħti b’xejn.