Legislature:
Category:
Reset
Active:

MEPA — inizjattivi ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema inizjattivi ta' restawr ittieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, matul l-aħħar snin? F'dawk li huma skemi, bħal dik tar-restawr tal-gallariji, jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li s'issa bbenefikaw minn din l-iskema? Minn liema bliet/irħula kienu ġejjin dawk li bbenefikaw, u kemm kienet in-nefqa f'sussidji li saret s'issa?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA matul dawn l-aħħar snin nidhiet l-iskema għar-restawr tal-gallariji tradizzjonali tal-injam 8 darbiet. B'kollox ibbenefikaw 1028 applikant u l-ispiża totali tammonta għal €957,838. L-aħħar skema li tnidhiet (2007) kienet tapplika għaż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana tal-lokalitajiet kollha u dawk il-binjiet skedati. It-tabella anessa tindika l-ammont ta’ benfiċjarji, l-ammont totali ta' fondi u l-lokalitajiet fejn kienet tapplika kull skema. Barra minn hekk, matul din is-sena, il-MEPA, flimkien mal-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u mal-Ministru tat-Turizmu, Ambjent u Kultura, nidhiet ukoll l-iskema 'Investi f' Darek' għal dawk il-binjiet li huma skedati bħala Grad 1 jew Grad 2 jew li qiegħdin fiz-Zona ta' Konservazzjoni Urbana. Din l-iskema għada kif tħabbret fis-sbatax ta' Frar 2012 u s'issa kienu sottomessi ammont żgħir ta' applikazzjonijiet li għadhom fil-proċess ta' validazzjoni. L-applikazzjonijiet għal din l-iskema jagħlqu fl-aħħar ta' Ġunju 2012. Apparti dawn l-iskemi, il-MEPA tipprovdi fondi għar-restawr mill-programm EIPP. Proġetti ta' restawr li bbenefikaw minn dan il-programm huma dawn: 1. Restawr tal-Fortizza ta Sant'Antnin il-Qala Għawdex li jammonta għal €55,900 2. Waterproofing f'Lascaris War Rooms il-Belt Valletta li jammonta għal €97,000 3. Xogħol ta' nterpretazzjoni Ambjentali fl-inħawi ta Ġebel Ciantar (limiti tas-Siggiewi) li jammonta għal €11,650 4. Xogħol ta' rijabilitazzjoni u restawr fl-inhawi ta’ Għar il-Kbir (limiti tas-Siġġiewi) li jammonta għal €11,650

binjiet storiċi qed jiġu restawrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema binjiet storiċi qed jiġu restawrati bħalissa, permezz ta' għajnuna mill-Awtorità ta' Malta tat-Turiżmu? F'liema lokalità jinsabu dawn il-binjiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — fortizzi storiċi reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-fortizzi storiċi li huma reġistrati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f'Malta u f'Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA ma żżomx reġistru ta' fortizzi, imma tiġbor inventarju għal fini ta' skedar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi il-fortizzi li s'issa ġew skedati mill-MEPA

xogħol partikulari fuq l-għases

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jsir xi xogħol partikolari fuq l-għases li hemm fis-7, il-11 u t-12 il-distrett elettorali, matul ix-xhur li ġejjin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ix-xogħol ta' manutenzjoni fl-Għases tal-Pulizija madwar Malta u Għawdex, huwa proċess li jsir kontinwament mit-Taqsima tas-Snajja tal-Korp skont kif u fejn ikun meħtieġ. Għar-rigward tal-Għases fid-Disttreti Elettorali msemmija mill-Onorevoli Interpellant, ninsab infurmat illi ser jitkomplew ix-xogħolijiet li qed isiru ġewwa l-Għases ta’ Ħaż Żebbuġ, il-Mellieħa u n-Naxxar, filwaqt li ser jibda x-xogħol fuq l-Għassa tar-Rabat. Ma’ dan ta’ min jgħid illi matul is-sena l-oħra saru wkoll diversi xogħolijiet fl-Għases ta’ Ħal Balzan, l-Imġarr u l-Għadira.

Bord tal-Kera — kawżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' kawżi pendenti li hemm quddiem il-bord tal-kera?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qorti Ċivili ta’ Malta B’referenza għad-domanda tal-Onor. Membru in-numru ta’ rikorsi pendenti quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera huwa 462 Qorti ta’ Għawdex Quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera hemm 18-il rikors pendenti.
Leg 11 PQ #32539 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

San Pawl il-Baħar — skola primarja - xogħol infrastrutturali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol infrastrutturali li hemm il-ħsieb li jsir fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar skont ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30566?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol infrastrutturali fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar huwa mistenni li jibda fis-sajf li ġej.
Leg 11 PQ #32551 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Dipartiment tas-Soċjoloġija — kap tad-dipartiment u lecturers

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa l-Kap tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta' Malta u kemm ilu jokkupa din il-kariga? Tista' tgħid kemm hemm lecturers fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija u min huma? Kemm hemm minnhom full-time u kemm hemm minnhom part-time u x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull wieħed minnhom? Tista' tgħid liema huma l-korsijiet offruti minn dan id-Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32553 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Employment Aid Programme — Nies li pparteċipaw

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kemm nisa u rġiel maqsuma separatament bl-etajiet (age cohorts: 15-19, 20-24, 25-29, 30-34, 35-39, 40-44, 45-49, 50+) ġew ingaġġati f'din l-iskema mill-2009 sal-lum, kif ukoll tindika l-persentaġġ ħdejn kull age cohort ta' dawk li baqgħu jaħdmu? Tista' tgħid ukoll kemm flus ġew minfuqa ħdejn kull age cohort?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32554 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — personal action plans

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ jaħdmu fuq il-Person Action Plans fl-2010 u kemm minn dawn iddedikaw sigħat ta' xogħol fuq bażi annwali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati fil-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li kienu jaħdmu fuq Personal Action Plans fl-2010 kien ta’ 27. Dawn l-impjegati flimkien iddedikaw 49,229 siegħa ta’ xogħol fis-sena msemmija.
Leg 11 PQ #32555 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — Work trial scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm mit-377 parteċipant li ħadu sehem fil-Work Trail Scheme fl-2010 huma rreġistrati bħala li qed jaħdmu sal-lum, maqsuma bejn irġiel u nisa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mit-377 parteċipant li ħadu sehem fil-Work Trial Scheme fl-2010, fl-aħħar ta’ Frar 2012 kien hemm 82 raġel u 89 mara, total ta’ 171, persuna li kienu qed jaħdmu.
Leg 11 PQ #32556 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — Training and Employment Exposure Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm mill-460 parteċipant fl-iskema TEES għadhom f'impjieg sal-lum, maqsuma bejn irġiel u nisa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-460 parteċipant li ħadu sehem fit-Training and Employment Exposure Scheme, fl-aħħar ta’ Frar 2012 kien hemm 152 raġel u 50 mara, total ta’ 202 persuni, li kienu qed jaħdmu.
Leg 11 PQ #32557 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — Mainstream Courses

Question

Tista’ l-Ministru tagħti statistika dettaljata dwar il-Mainstream Courses offruti mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fl-2010, billi tipprovdi informazzjoni dwar jekk il-parteċipanti (13,679 persuna) li attendew dawn il-korsijiet kenux impjegati jew ifittxu xogħol u maqsuma bejn irġiel u nisa, f’kategorija ta’ age cohorts (15-19, 20-24, 25-29, 30-34, 35-39, 40-44, 45-49, 50+)? (L-informazzjoni mitluba għandha jekk jista’ jkun tingħata f’termini ta’ unique persons)

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32558 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: KARMENU VELLA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ETC — Training and Framework

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hux se tagħmel xi forma ta' studju biex tara l-effettività tal-flus maħruġa taħt din l-iskema fuq il-produttività tal-ħaddiema li bbenefikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Managing Authority fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru diġà bdiet tagħmel evalwazzjoni tal-iskemi finanzjati permezz tal-ESF u l-ERDF. Fost dawk li skemi li ġew evalwati insibu it-Training Aid Framework (TAF). L-ETC ħadet sehem f’dawn l-evalwazzjonijiet billi għaddiet l-informazzjoni dwar dawk il-kumpaniji li applikaw u bbenefikaw mill-iskema. Peress illi evalwazzjoni diġà qed issir mill- Managing Authority , il-Korporazzjoni ma tħossx il-ħtieġa li tagħmel evalwazzjoni oħra meta tqis li l-informazzjoni li ħa tinġabar permezz tal-MA ħa tiġi mgħotija lil ETC. Madankollu tajjeb li ngħidu li l-ETC kontinwament tirċievi informazzjoni u kummenti mingħand il-klijenti tagħha fejn dawn isostnu kemm it-taħriġ mogħti lil ħaddiema tagħhom permezz ta’ din l-iskema huwa ta’ benefiċċju. L-utilità u l-bżonn ta’ skema bħat-TAF jista’ ukoll jiġi mkejjel min-numru ta’ applikazzjonijiet kontinwi li jaslu għand il-Korporazzjoni. Sa mil-bidu ta’ din l-iskema (Frar 2009), l-Korporazzjoni rċeviet ‘il fuq minn 3,500 applikazzjoni.

Swieqi — Karozzi tal-linja għal Ta' Sliema u l-Università ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jara kif in-nies tas-Swieqi jista' jerġa' jkollhom servizz bejn is-Swieqi u Tas-Sliema, anke jekk din tkompli sal-Università/Imsida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament hemm żewġ rotot li jipprovdu servizz lejn il-Belt Valletta għar-residenti tas-Swieqi li huma r-Rotot 33 u 34. Dawn ir-rotot bejniethom jipprovdu servizz ta’ żewġ karozzi fis-siegħa. Infurmat ukoll li filwaqt li Transport Malta qed tikkunsidra din it-talba, preżentament mhux qed isiru tibdil fir-rotot sabiex jingħata ċans li s-servizz jistabbiliżża ruħu.

Pensjoni tas-servizz

Question

Tenut kont li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-liġi lokali li permezz tagħha l-Gvern inaqqas mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali (two-thirds pension) lil dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-Servizz (service pension) tmur kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u tenut kont li l-Gvern fil-budget tal-2007 kien diġà parzjalment ipprova jitratta din il-kwestjoni billi beda jinjora €465 mill-pensjoni tas-servizz meta jigi biex jikkalkula l-pensjoni tat-two-thirds, tenut kont li issa l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-Gvern biex ibiddel il-liġi nostrana biex il-pensjonanti li jircievu l-pensjoni tas-servizz ma jkollhomx tnaqqis mill-pensjoni tat-two-thirds u fin-nuqqas jiġi intavolati proċeduri kontra Malta quddiem l-ECJ, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel kif ġie indikat lilu mill-Kummissjoni Ewropea jew inkella hux se jibqa' ma jbiddilx il-liġi nostrana u jiġġieled dik il-pozizzjoni quddiem l-ECJ? Għaliex? Kemm hemm service pensioners f'pajjizna? ,

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabli mill-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja.

MEPA — applikazzjoni mhix proċessata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjonijiet bħal din, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilhom minn Mejju 2011 ma jiġu proċessati għalkemm kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-applikazzjonijiet jiġu proċessati Malta minflok Għawdex?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet kollha li jaqgħu fiż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana f'Għawdex, qed jinħadmu Malta. Fil-fatt diversi minn dawn l-appikazzjonijiet diġà tlesta l-proċess u ngħataw deċiżjoni. Rigward l-applikazzjoni in kwistjoni din qiegħda tiġi pproċessata u se titla’ għal deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Id-Direttorat għandu tħassib dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità għal kullħadd kif tirrikjedi l-liġi u fuq xogħlijiet li diġà saru mingħajr permess.

Persuna li tieħu pensjoni tal-wens

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li jieħu tal-wens u meta mar is-social service qalulu li ma jistax jieħu ż- żieda kollha tal-għoli tal-ħajja peress li qiegħed fuq relief u fil-fatt huwa jieħu tal-wens?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

kartuna roża

Question

Jista' l-Ministru jara li tinħareġ il-kartuna r-roża ta' anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament peress li dan ħalla kartuna biex iġibulu l-pilloli u issa infurmawh li tilfu il kartuna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru konċernat.

Servizz tad-Drenaġġ — ilmenti dwar ħruġ ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jara li xi ħadd imur fuq il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separament fejn qed joħroġ ħafna drenaġġ li minkejja li saru r-rapporti xorta waħda għadu ma mar ħadd?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar dan il-każ ħlief mid-Dipartiment tas-Sanità fit-13 ta’ Frar. Minnufih beda x-xogħol biex tissolva l-problema u d-drenaġġ twaqqaf milli joħroġ fit-triq dak in-nhar stess.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — kuntratti għall-ingaġġ ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.