Legislature:
Category:
Reset
Active:

Informazzjoni dwar il-Good Cause Funds

Question

Jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra fuq liema kriterji jintgħażlu dawk li jibbenefikaw mill-Good Causes Fund, f'liema prijorità jitqiesu dawn il-kriterji, min jiddeċiedi dwar min għandu jibbenifika jekk ikun hemm talbiet minn entitajiet differenti li għandhom l-istess bżonnijiet? Tingħata preferenza lil dawk l-entitajiet li qatt ma jkunu bbenefikaw sakemm it-talbiet tagħhom ikunu eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti? Liema huma dawk l-entitajiet li bbenifikaw sabiex jirrendu bini aċċessibbli għall-persuni b'diżabiltà f'dawn l-aħħar tliet snin? Liema huma dawk l-entitajiet li ġew rifjutati li jingħataw fondi biex jirrendu l-bini tagħhom aċċessibbli għall-persuni b'diżabiltà f'dawn l-aħħar tliet snin? Għaliex ġew rifjutati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interperllant li l-Fond tal-Lotteriji gћall-Kawżi Ġusti huwa regolat minn Sezzjoni 50 tal-Lotteries and Other Games Act (2001). Il-Fond huwa amministrat minn Kumitat maħtur skont din il-Ligi, liema Kumitat jevalwa l-applikazzjonijiet kollha. Priorità ewlenija tal-Kumitat hija li jżomm bilanċ bejn il-kategoriji differenti ta’ proġetti ta’ natura soċjali, filantropika, edukattiva, reliġjuża, kulturali u sportiva. Tingħata wkoll priorità lil progetti li jkollhom impatt akbar fuq il-komunità wiesa’. Ebda proġett ma’ jista’ jiġi megħjun aktar minn darba, għalkemm il-Kumitat għandu d-diskrezzjoni li jikkunsidra, skont id-disponibbiltà ta’ fondi u proġetti differenti minn għaqda li tkun diġà bbenefikat. Il-lista’ ta’ proġetti li jirrendu bini aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità li ġew approvati u rifjutati qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Is-sena li għaddiet, il-Fond alloka €505,875 għal proġetti soċjali.

Transport Malta — kumpaniji li ngħataw xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha ta' toroq u xogħlijiet oħra li ngħataw minn Transport Malta lil kumpaniji li isimhom qed jintbagħtu separatament mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti l-valur li kien stmat li se jkun ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallas finalment? F' kull każ, jista' l-Ministru jispeċifika jekk kenitx tender jew direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

kumpaniji li ngħataw xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista kollha ta' toroq u xogħlijiet oħra li ngħataw lil kumpaniji li isimhom qed jintbagħtu separatament mill-2003 sal-lum? Jista' jagħti l-valur li kien stmat li se jkun ix-xogħol u kemm fil-fatt tħallas finalment? F' kull każ, jista' l-Ministru jispeċifika jekk kenitx tender jew direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevol Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 32364,

apparat mediku li għandu l-VAT

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tal-apparat mediku li għandu l-VAT fuqu u b'kemm hija r-rata?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-apparat mediku dejjem kellu rata ta’ 18% VAT fuqu ħlief l-apparat mediku għal użu esklussiv ta’ persuni b’disabilita’ li għandu rata mnaqqsa ta’ 5%.

informazzjoni dwar il-premises tal-ex Malta Shipbuilding

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31301, jista' l-Ministru jpoġġi r-rapport tal-perit li qal li l-baċir ma tiġrilux ħsara jekk idum mimli bl-ilma? Min hu dan il-perit? Dan il-perit kien xi darba involut f'iddisinjar u bini ta' xi baċir? Jaf il-Ministru li l-art tal-baċir diġà kienet bil-konkos u nfaqa' u qed jidher il-ħadid u jekk is-sitwazzjoni bid-deċiżjoni li ttieħdet hux se tkompli tiggrava l-ħsara? Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-vapuri li rabtu mal-mollijiet 1, 2, 3, 4, 5, 6 u fil-baċir? Kemm ħallsu dawn il-vapuri għall-irmiġġ? Jista' jagħti informazzjoni dwar il-blat li jitqatta' minn hemmhekk? Għal liema proġetti se jintuża l-blat li tqatta'? Liema kumpanija privata għamlet u qed tagħmel dan ix-xogħol u x'makkinarju użat? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati statutorji tal-krejnijiet li qed jintużaw? Min huma l-impjegati u x'pagi għandhom? Jista' jqiegħed il-balance sheet tal-aħħar sena finanzjarja tax-xogħol li sar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ebda ħin ma ntqal li r-rapport tal-perit ta xi parir li l-baċir mhu ser jiġrilu l-ebda ħsara jekk jitħalla mimli bl-ilma. Ir-rapport tal-perit jgħid li jekk il-baċir jimtela’ bl-ilma il-parti li tkun taħt l-ilma, u għalhekk li ma tkunx qed tara arja, tibbenifika billi titnaqqsilha id-deterjorazzjoni li normalment tiġri meta l-konkos ikun kontinwament espost għall-ilma u l-arja, bħal meta l-baċir jimtela’ u jerġa’ jitbattal. Pero’ il-perit qal ukoll li dik il-parti li tissejjaħ il-waterline, se tkun qed tiddeterjora b’rata aktar mgħaġġla minħabba l-elementi tal-arja u l-ilma. Il-baċir jista’ wkoll ibagħti minn ingress ta’ ilma wara l-faċċati tiegħu (wara l-liner) minħabba danni fix-xquq ta’ bejn il-faċċati. Minkejja dan jidher li l-baċir kien diġa’ jbagħti minn ingress ta’ ilma minn wara l-istruttura tiegħu (li ġej b’mod kontinwu mill-blat) u għalhekk ċertu ħsara kienet diġa’ qegħda ssir anke’ waqt li kien qed jitħalla vojt. Mhuwiex minnu li l-art tal-bacir kellha xi hsara jew li xi parti minnha kellha l-ħadid jidher. Id-deċiżjoni li l-baċir għandu jimtela’ bl-ilma u jitħalla mimli għal żmien temporanju ittieħdet fuq bażi kummerċjali biex ikun jista’ jingħata servizz lil numru ta’ vapuri li jitolbu rmiġġ fis-sit tal-Ex Malta Shipbuilding. Permezz tal-baċir il-tul tal-mollijiet żdiet b’580 metru. Dan huwa ta’ benefiċċju kummerċjali u għalhekk huwa aħjar milli l-baċir kien jitħalla vojt u mingħajr użu ta’ xejn kif kien sa ftit żmien ilu. Illum jirmiġġaw tal-anqas żewg vapuri kbar fuq kull naħa tal-baċir u dan ifisser aktar dħul għall-kumpanija Governattiva, Ricasoli Tank Cleaning Ltd, li qegħda topera dan il-baċir flimkien ma’ numru ta’ mollijiet ohra fis-sit tal–Marsa. Kieku l-baċir tħalla vojt, xorta waħda riedet issirlu manutenzjoni wara xi snin minħabba l-element tax-xemx u l-ilma li kontinwament ġej minn ġol-blat. Minkejja li l-baċir jinsab mimli bl-ilma, xejn ma jwaqqaf milli l-baċir jerġa’ jitbattal mill-ilma u ssirlu spezzjoni kull tant żmien biex wieħed jara jekk saritx xi ħsara, u jekk ikun il-każ, kemm din hija serja u saħansittra ssir l-manutenzjoni neċessarja. L-informazzjoni mitluba rigward il-vapuri li rabtu mal-mollijiet li għalihom hi responsabbli l-kumpanija Ricasoli Tank Cleaning Ltd titqies ta’ natura kummerċjali u għall-benefiċċju tas-sidien ta’ dawn l-istess vapuri mhix se tingħata fuq bażi ndividwali iżda tista’ tingħata fuq bażi globali. Id-dħul mill-irmiġġ mal-mollijiet numru 3, 4 u 5 li ghalihom hija responsabbli din il-kumpanija, kif ukoll fil-baċir minn mindu dan imtela bl-ilma, jammonta għal €539,938. Il-mollijiet numru 1 u 2 huma responsabbilta’ ta’ Transport Malta, filwaqt li l-moll numru 6 huwa responsabbilta’ tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Ta’ min jiċċara li ma tqatta’ u mhu qed jitqatta l-ebda blat mis-sit tal-Marsa. Il-proġett li għalih qed tirreferi l-mistoqsija parlamentari huwa dak tal-GHRC fejn qed jinġieb blat kbir biex jitqatta’ fil-sit tal-Marsa in konnessjoni mal-proġett ta’ bieb il-Belt. Il-kumpanija privata li qed tagħmel dan ix-xoghol hija subcontractor tal-GHRC, imqabbda mill-korporazzjoni biex tqatta’ dan il-blat permezz ta’ makkinarju li nġieb mill-istess kumpanija. Dettalji dwar il-proġett għandhom jintalbu mingħand il-korporazzjoni GHRC. Il-krejnijiet li qed jintużaw minn din il-kumpanija ġew ċertifikati minnha stess u għalhekk kopja taċ-ċertifikati għandha tintalab ukoll mingħand il-GHRC. L-istess jgħodd għal-lista tal-impjegati, il-pagi tagħhom kif ukoll il- balance sheet tax-xogħol li sar fuq dan il-proġett.

Għawdex — Dipartiment tal-Vat - kwestjoni dwar il-ħinijiet li l-uffiċċju jkun miftuħ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31726, jista' l-Ministru jgħid hux infurmat sewwa x’qiegħed jiġri peress li s-servizz provdut imsemmi mill-Ministru li qiegħed temporanjament jingħata minn skrivani tal-Inland Revenue f’Għawdex, kull meta l-iskrivana tal-VAT ma tkunx disponibbli mhux qed jingħata servizz tajjeb biżejjed għal diversi raġunijiet, fosthom għax il-bieb tad-Dipartiment tal-VAT ikun magħluq u t-telephone ma jirrispondih ħadd, kif ukoll minħabba li s-servizz temporarju provdut li jingħata mill-iskrivani tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'Għawdex mhux wieħed sħiħ u ekwivalenti għal dak li jingħata mill-iskrivana li taħdem mad-Dipartiment tal-VAT Ghawdex u anke minħabba li s-servizz li qed isir huwa biss ta’ timbru u xejn iktar għax min ikollu bżonn ta’ iktar minn timbru qed jintalab imur darb'oħra? Fiċ-ċirkostanzi jikkonsidra l-Ministru li sakemm timtela l-vakanza fl-uffiċċju tal-VAT f’Għawdex, jibgħat skrivan jew skrivana mid-Dipartiment tal-VAT ta' Malta misluf/a f’Għawdex, jew inkella l-iskravani fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ġewwa Għawdex li jipprovdu dan is-servizz temporarju għandhom jipprovdu dan is-servizz mill-uffiċċju tal-VAT u jagħmlu x-xogħol kollu li soltu jsir minn dan l-uffiċċju meta l-unika skrivana li taħdem bir-reduced hours ma tkunx tista' tattendi għax-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li b’mod immedjat d-Dipartiment tal-VAT inkariga spettur tal-VAT sabiex ikun jista’ jaqdi dmiru fl-uffiċju ta’ Għawdex fuq bażi part-time sabiex ikun jista’ jiġi ndirrizat dan in-nuqqas. Sadanittant, id-Dipartiment ser jibqa’ jagħmel l-almu tiegħu sabiex jara li l-vakanza li hemm timtela.

Air Malta — kera ta' kmamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm l-Air Malta qed tħallas kera għall-kmamar li jintużaw mil-loaders fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jgħid għala ma jintużawx il-kmamar vojta fit-terminal l-antik?

Response (FENECH, TONIO)

L-Air Malta hija entita kummerċjali , u informazzjoni bħal din ma’ tigix ippublikata minħabba kunfidenzjalita.

xiri ta' proprjetajiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-proprjetajiet li għandu l-gvern u li huma mikrija lil ċittadini Maltin fil-Fgura, Żejtun u Wied il-Għajn (senjatament il-housing estates) jistgħux jinxtraw mir-residenti rispettivi? Jekk iva, kif jiġi komputat il-prezz u x'inhuma l-kriterji? Kemm għandu postijiet minn dawn il-gvern fil-lokalitajiet imsemmija?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-oqsma tad-djar li hemm fil-lokalitajiet taż-Żejtun, Fgura u Wied il-Għajn, fil-parti l-kbira tagħhom huma kollha mibnija fuq art proprjetà tal-Gvern, u għaldaqstant, l-proprjetajiet li hemm mikrija jistgħu jinxtraw mir-residenti rispettivi wara li l-proprjetà tgħaddi f’idejn l-Awtorità tad-Djar. Madanakollu għad fadal partijiet żgħar li jinsabu fil-Fgura u Wied il-Għajn li huma mibnija fuq artijiet li l-akkwist tagħhom għadu mhux finalizzat u għaldaqstant il-proprjetajiet mibnija fuq dawn l-artijiet ma jistgħux jinxtraw għalissa. It-talbiet għax-xiri ta’ dawn ir-residenzi kif ukoll kif jiġi komputat il-prezz huma responsabbilità tal-Awtorità tad-Djar u għaldaqstant, nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jressaq il-kumplament tad-domanda tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

skejjel bla skrivana

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna skejjel f'Malta li huma bla skrivani jew assistenza klerikali kif suppost? Kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet u meta se jimtlew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li f’dan il-mument hemm skola waħda biss bla skrivana. Din il-vakanza ilha minn Diċembru 2011. Il-vakanza tiġi mimlija mid-Direttorat fil-futur qarib.

tfal li għandhom bżonn l-għajnuna biex jitgħallmu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna tfal bid-dyslexia, bid-dyscalculia u bid-dyspraxia separatament, li talbu għajnuna biex jitgħallmu u għadhom qed jistennew din l-għajnuna? Kemm ilhom jistennew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ġew identifikati 1,646 studenti li jbatu minn waħda jew iktar minn dawn il-kundizzjonjiet. Mhux possibli nagħtu statistika fuq it-tliet kundizzjonijiet separatament minħabba li huma relatati ħafna u spiss l- istudent jista’ jkollu żewġ jew tliet kundizzjonijiet fl-istess waqt. Sal-lum għandna 251 student li qegħdin jistennew biex jiġu assessjati mill-għalliema tal-SpLD, u dawn ġew riferuti fis-sena 2011 . Sadanittant, dawn it-251 student flimkien mal-istudenti l-oħra li mill-Yr 1 sal-Yr 4 ġew identifikati li għandhom ħiliet bażiċi permezz taċ-Checklist qed isirulhom programmi personalizzati ta’ appoġġ kemm ġol-klassi kif ukoll barra mill-klassi, fil-kuntest tal-Istrateġija għal-Litteriżmu. Din l-istrateġija tinkludi l-involviment l-għalliema tal-Complementary Education, tal-Literacy Support u tal-SpLD. Apparti dan minn Frar ta’ din is-sena beda programm intensiv ta’ appoġġ integrat fit-tagħlim tal-litteriżmu. Dan il-programm ilaqqa’ għalliema individwali tal-Year 4 ma’ grupp ta’ speċjalisti li juru fil-prattika u joffru appoġġ ta’ follow-up dwar kif jista’ jsir it-tagħlim differenzjat permezz tal-litteriżmu.

Access Disability Support Committee — talba għall-għajnuna lil studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Access Disability Support Committee għal għajnuna għal studenti għall-eżamijiet tas-SEC fit-tliet sessjonijiet tal-eżami li għaddew? Kemm ġew milqugħa minn dawn it-talbiet? Kemm hemm talbiet għas-sessjoni li jmiss u kemm minnhom ġew milqugħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ talbiet lill-Access-Disability Support Committee għal għajnuna għal studenti fl-eżamijiet tas-SEC fit-tliet sessjonijiet tal-eżami li għaddew kienu: Sena Numru ta’ Applikazzjonijiet Applikazzjonijiet milqugħa 2009 303 282 2010 350 338 2011 447 428 Għas-sessjoni tal-eżamijiet tas-SEC li jmiss f’Mejju 2012 hemm 520 talba minn studenti lill- Access-Disability Support Committee għal għajnuna. Dawn għadhom qed jiġu pproċessati.

taħriġ lill-għalliema dwar id-dyslexia

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-erba' snin skolastiċi li għaddew kemm saru attivitajiet mal-għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji, skola bi skola biex l-għalliema jiġu mgħarrfa x'inhi d-dyslexia? Kemm ingħata taħriġ lill-għalliema biex ikunu jafu kif jgħinu studenti bid-dyslexia?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Statementing Board — talbiet għall-għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet quddiem l-istatementing board biex tfal jingħataw għajnuna huma u jitgħallmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ talbiet quddiem l-istatementing Board huwa kif ġej: 307 Skejjel tal-istat 232 Skejjel tal-Knisja 16 Skejjel f’Għawdex 58 Skejjel tal-Privat

għalliema mingħajr laptop

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel li għadhom mingħajr laptop?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sas-27 ta’ Frar kien hemm 52 għalliema mingħajr laptop (4 għalliema fil-Primarja, 11 għalliema peripatetic u 37 għalliema fis-sekondarja). Hemm ukoll Assistent Kap li għadha mingħajr laptop. Din qegħda fir-Resource Centre San Miguel. Bħalissa għaddej il-proċess biex jingħataw dawn il- laptops .

awtorità li tieħu ħsieb l-NGOS

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema awtorità hija responsabbli mill-akkreditazzjoni u benchmarking tas-servizzi u korsijiet mogħtija mill-għaqdiet u NGOs li joperaw fil-qasam tad-diżabiltà?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward akkreditazzjoni u benchmarking ta’ korsijiet, l-aħjar din il-mistoqsija tigi riferuta lill-Ministeru responsabbli mill-Kunsill Malti tal-Kwalifiċi. Rigward servizzi, skont Artiklu 22(f) tal-Ligi Opportunitajiet Indaqs, il-KNPD “tissorvelja l-għoti ta’ servizzi offruti mill-gvern jew l-agenziji tieghu jew minn kull persuna jew grupp ta’ persuni ohra, meta l-klijenti ta’ dawk is-servizzi jkunu persuni b’dizabilità”. F’dan ir-rigward, KNPD tinvestiga jekk tirċievi ilmenti rigward servizzi għal persuni b’diżabilità.

rapport biex tittejjeb l-effiċjenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartimenti u l-entitajiet ippreżentawx ir-rapport mitlub sabiex tiġi mtejba l-effiċjenza bi 2% kif kien ġie espress mill-istess Ministru? Jekk iva, liema kienu dawn id-dipartimenti li għamlu dan? Jista' jpoġġi kopja ta' dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

parks, pjazez, ġonna u playing fields

Question

Jista’ l-Ministru jgħid madwar il-pajjiż kollu, kemm hawn postijiet li jaqgħu taħt il-kategoriji: parks, pjazez, ġonna u playing fields?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru m’għandux reġistru ta’ dan it-tip ta’ kategoriji.
Leg 11 PQ #32393 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Education 22 — three year plan

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-three year plan għal dak li kien Education 22 u li l-Public Broadcasting Services ippreżenta lill-Ministeru tal-Edukazzjoni lejn nofs is-sena li għaddiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qatt ma kien ippreżentat three year plan għal E22 is-sena li għaddiet.
Leg 11 PQ #32394 Sitting 453 2012-03-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

TVM2 — informazzjoni dwar il-junior manager

Question

Tista’ l-Ministru tindika min hija l-persuna magħżula mill-Public Broadcasting Services biex tassumi r-rwol ta' junior manager ta' TVM2?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna magħżula biex tassumi r-rwol ta’ Junior Manager TVM 2 hija Ms Natalie Bonnici.

NGOs li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta’ organizazzjonijiet mhux governattivi li bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-gvern lil NGOs? Jista’ jgħid ukoll kemm kien l-ammont mogħti f’għajnuna lil kull organizzazzjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.