Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala t-tmien coordinators li hemm fil-Korporazzjoni Enemalta, sebgħa huma fi skala ħamsa u wieħed hi fi skala sebgħa meta dawn għandhom l-istess grad ta' responsabbiltajiet u riedu l-istess livell akkademiku għal kull coordinator?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-present il-Korporazzjoni Enemalta m’għandha lil ħadd fi skala sebgħa bin-nomenklatura ta’ coordinator.
Forzi Armati ta' Malta — Explosive Ordinance Disposal Unit
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'kienet ir-raġuni li waslet biex ittieħdet id-deċiżjoni li l-Explosive Ordinance Disposal Unit tal-Forzi Armati ta' Malta ġiet trasferita minn Manoel Island għall-Mosta? Jista' jgħid għalfejn din it-taqsima li ilha għal snin twal stazzjonata ħdejn żona marittima minħabba n-natura tax-xogħol tagħha ttieħdet f'żona 'l bogħod mill-kosta jew mill-bażi marittima tal-Forzi Armati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Explosives Ordinance Disposal Unit tal-FAM, jew aħjar l-EOD, IED & Divers Platoon jifformaw parti mil-Ammunition & Explosives, Storage & Disposal Squadron (AESD Sqn) tal-FAM, liema ‘Squadron’ kienet u għadha stazzjonata ġewwa l-Forti tal-Mosta. Il-membri tal-Platoon iwettqu xogħolijiet primarjament fuq l-art ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ tfittxija għal splussiv, conventional munitions disposal (CMD), ‘improvized explosive devices’ (IED), ‘bomb threats’, kif ukoll xogħol relatat ma’ ‘diving’ fil-bahar.
l-EOD, IED & Divers Platoon kienu stazzjonati ‘Manoel Island’ iżda ż-żona tagħmel parti mill-proġett ta’ żvilupp ta’ Manoel Island u għaldaqstant dan il-post ma jistax jibqa’ jintuża.
Tajjeb wieħed isemmi illi sabiex ikun f’pożizzjoni li jlaħħaq mal-kosta kollha ta’ Malta u Għawdex il-
platoon
huwa mgħammar b’RHIB (dinghy fuq trailer) li kapaċi jitniżżel fil-baħar fi żmien qasir minn ħafna lokazzjonijiet matul il-kosta.
Barra minn dan, fis-sit tal-Mosta saru modifikazzjonijiet u dan għamlu tajjeb biex jilqa' fih lil dan il-
unit
.
Forzi Armati ta' Malta — EOD - kundizzjonijiet tal-faċilitajiet tal-post fejn jaħdmu
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li l-Forzi Armati ta' Malta ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet tal-post minn fejn qed ikollhom joperaw il-membri tal-EOD tal-Forzi Armati għaliex dawn huma kundizzjonijiet degredanti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-rispota 32516. Infurmat li l-kundizzjonijiet tal-faċilitajiet li joperaw minnhom l-EOD, IED u d-‘Divers Platoon’ mill-Mosta huma faċilitajiet li għadhom kemm ġew irranġati flimkien mal-faċilitajiet li jagħmlu użu minnhom is-suldati stazzjonati hemmhekk.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx feasability study fuq il-proposta ta' Sargas wara li din il-kumpanija għamlet preżentazzjoni pubblika f'Novembru tas-sena l-oħra fejn uriet li kienet lesta li tibni impjant għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li juża t-teknoloġija Carbon Capture Storage? Jista' jagħti rapport tal-eżitu ta' dan l-istadju ta' fattibilità jekk fil-fatt sarx?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ikkummisjona lill-KPMG biex tagħmel studju dwar din il-proposta. Dan l-istudju għadu għaddej.
B'referenza għall-intervista rapportata fil-ġurnal New Europe tas-26 ta' Frar - 3 ta' Marzu ma' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fejn fost l-oħrajn qal, "what is happening in Malta is that there is a whole illegal enterprise going on there with the full support of the politicians who are being bribed by these tuna fisherman," jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jordna investigazzjoni sabiex tkun verifikata l-allegazzjoni jekk hux se jfittex lill-persuna għal-libell?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq parir legali, se jibdew proċeduri f’kawża ta’ libell li se ssir barra minn Malta.
Apparat ta' Vide Telemetry għal nies li jbatu bl-epilepsija
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm apparat ġdid tal-video telemetry għal nies li jbatu bl-epilepsija li ilu snin li nxtara imma qatt ma ntuża? Kemm ġie jiswa dan l-apparat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-ammont ta' studenti attwalment fid-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Università ta' Malta? Tista' tgħid kemm iggradwaw studenti mid-Dipartiment tas-Soċjoloġija f'kull sena fl-aħħar ħames snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għandhiex pjanijiet/studji ta' kif mistenni jiżviluppa s-suq tax-xogħol f'Malta sas-sena 2020 u għaldaqstant x'miżuri se jkunu qed jittieħdu biex joħorġu aktar nies jaħdmu, filwaqt li ma tinħoloqx ebda skarsezza ta' ħaddiema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ tuża diversi modi biex kontinwament issegwi l-andament tas-suq tax-xogħol f’Malta. Dan tagħmlu billi tiġbor informazzjoni mingħand minn iħaddem dwar in-nies li jimpjegaw u b’hekk tkun taf in-numru ta’ nies jaħdmu f’kull settur tal-ekonomija. Informazzjoni oħra li tuża l-ETC għal dan il-għan hija l-istatistika li joħroġ l-NSO mill-Labour Force Survey. Barra minn hekk, l-ETC tiġbor detalji ta’ positijiet battala mingħand min iħaddem u b’hekk tkun taf dwar il-ħtieġa ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol. Din l-informazzjoni l-ETC tużagħha biex tiggwida u tgħin lil min qiegħed ifittex ix-xogħol biex jimla dawn il-postijiiet battala.
Il-mira tal-Gvern hi li sas-sena 2020, ir-rata ta’ mpjiegi f’Malta titla’ għal 62.9% għal dawk bejn l-20 u l-64 sena. Il-Gvern juża numru ta’ policies biex Malta tilħaq din iċ-ċifra. Il-miżuri li qed jieħdu d-diversi entitajiet governattivi huma mniżżla fil-Pjan Nazżjonali ta’ Riforma. B’żieda ma’ dawn il-Gvern iħabbar numru ta’ miżuri ġodda fid-diskorsi tal-baġit.
L-ETC qiegħda tikkontribwixxi biex ikun hawn aktar ħaddiema fis-suq tax-xogħol billi tiggwida u tgħin lil min qiegħed ifittex ix-xogħol biex dan isib xogħol. Hija toffri ħafna korsijiet ta’ taħriġ f’oqsma differenti biex il-ħiliet ta’ dawk li qed jaħdmu jew qed ifittxu x-xogħol jitjiebu. Hija toffri skemi ta’ esperjenza ta’ xogħol jew xogħol fil-komunita’ biex tintegra lil dawk li qed ifittxu mpjieg, speċjalment dawk li għandhom xi żvantaġġ fis-suq tax-xogħol. Permezz tal-Employment Aid Programme, l-ETC tipprovdi wkoll sussidju fuq il-paga lil min iħaddem jekk dawn jimpjegaw persuni żvantaġġjati. U bis-saħħa tat-Training Aid Framework, l-ETC tgħin lil min iħaddem biex iħarreġ lill-ħaddiema tiegħu billi tissussidjalu parti mill-ispejjez tat-taħriġ. Bħalissa, l-ETC għaddejja b’kampanja ta’ pubbliċita’ biex tħajjar aktar nisa joħorġu jaħdmu billi tippromwovi tqassim aħjar tax-xogħol tad-dar bejn ir-raġel u l-mara, u billi tħajjar employers biex jadottaw prattiċi ta’ xogħol li jippermettu li persuni jlaħħqu kemm max-xogħol kif ukoll mal-ħajja.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jressaq quddiem il-Kamra liġi li tirregola l-IVF? X'għandu f'moħħu l-gvern li jkun fiha in linea ġenerali din l-liġi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W534 u għar-risposta relattiva, peress li dawn it-tfal se jingħataw għalliema li daqt se toħroġ bil-maternity leave u peress li dawn it-tfal għandu jkollhom għalliema fissa sal-aħħar tas-sena u mhux għalliema proviżorji li jinbidlu ta' spiss għaliex dan ikollu effett detrimentali fuq dawn it-tfal, tista' l-Ministru tara li tinstab soluzzjoni permanenti li twassal lil dawn i-tfal sal-aħħar tas-sena akkademika b'serħan il-moħħ u anke stabbilità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tfal mhumiex se jkollhom l-għalliema li dalwaqt toħroġ bil-maternity leave; il-pjan hu li l-klassi jkollha l-għalliem li jibqa’ sal-aħħar tas-sena skolastika.
MCAST — studenti li ma ngħatawx iċ-ċertificat tal-ICT
Question
Tista' l-Ministru tispjega għaliex fil-gradwazzjoni li saret fis-7 ta' Frar li għadda l-istudenti Għawdxin kollha li segwew il-kors tal-ICT fi ħdan l-MCAST f'Għawdex ma ngħatawx iċ-ċertifikat/diploma lilhom dakinhar, imma kien se jintbagħat aktar tard? Għaliex ġara dan meta l-ġenituri kienu ġew mistienda għall-gradwazzjoni minn ħmistax qabel? Għaliex issa li kważi għadda xahar, iċ-ċertifikati/diploma għadhom ma ntbagħtux? Kif jista' jkun li ttieħed żball fl-ismijiet tal-istudenti kollha Għawdxin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ftit tal-ġimgħat ilu, l-MCAST tella’ għadd ta’ ċerimonji li fihom aktar minn 2,000 student irċevew ċertifikati wara li temmew b’suċċess korsijiet fil-livelli MQF 1 sa 4.
Kif jiġri kull sena, l-istudenti li jkunu se jirċievu ċ-ċertifikati jiġu infurmati meta se ssir il-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tagħhom 15-il ġurnata qabel. Fost il-korsijiet li tagħhom ingħataw iċ-ċertifikati, hemm dawk akkreditati minn istituzzjonijiet internazzjonali, bħal pereżempju l-BTEC-Edexcel. F’dawn il-każi, l-MCAST jirċievi ċ-ċertifikati stampati lesti mingħand dawn l-istituzzjonijiet li jkunu eżaminaw lill-istudenti. Jiġri li meta l-MCAST jivverifika dawn iċ-ċertifikati wieħed wieħed, kultant jinstabu xi ftit li jkollhom xi nuqqasijiet, bħal pereżempju żbalji ortografiċi. F’dawn il-każi iżolati, iċ-ċertifikati jintbagħtu lura barra minn Malta biex jerġgħu jiġu stampati. Dawn mhux dejjem jaslu lura fil-ħin biex jiġu preżentati fiċ-ċerimonja.
Madankollu, fiċ-ċerimonja, l-istudenti milquta xorta waħda jiġu mistiedna fuq il-palk biex jirċievu dak li jissejjaħ it-‘transcript’, dokument li wkoll jinħareġ mill-istituzzjonijiet internazzjonali konċernati, u li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar is-suġġetti kollha li jkunu studjaw matul il-kors bir-riżultati li jkunu ġabu fihom. Fil-fatt, meta l-istudenti jkunu qed ifittxu impjieg, ħafna drabi se jsibu li min iħaddem jippreferi jara t-‘transcript’ għaliex dan jagħti stampa ferm aktar ċara tal-prestazzjoni tal-istudenti waqt il-kors li jkunu għamlu, waqt li ċertifikat jindika biss l-isem tal-kors u l-grad finali.
Malli l-MCAST jirċievi lura ċ-ċertifikati korretti tal-istudenti involuti, dawn jingħataw lill-istudenti immedjatament. Fl-aħħarnett l-MCAST jiċħad li kienu biss studenti Għawdxin li ma ngħatawx iċ-ċertifikat u minflok ingħataw ‘transcript’.
MCAST — studenti li ma ngħatawx iċ-ċertificat tal-ICT
Question
Tista' l-Ministru tispjega għaliex fil-gradwazzjoni li saret fis-7 ta' Frar li għadda l-istudenti Għawdxin kollha li segwew il-kors tal-ICT fi ħdan l-MCAST f'Għawdex ma ngħatawx iċ-ċertifikat/diploma lilhom dakinhar imma kien se jintbagħat aktar tard? Għaliex ġara dan meta l-ġenituri kienu ġew mistienda għall-gradwazzjoni minn ħmistax qabel? Għaliex issa li kważi għadda xahar, iċ-ċertifikati/diploma għadhom ma ntbagħtux? Kif jista' jkun li ttieħed żball fl-ismijiet tal-istudenti kollha Għawdxin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm telqu għalliema tal-ICT mill-MCAST t'Għawdex? Dawn l-għalliema li telqu ġew sostitwiti b'għalliema oħra? Għaliex qed ikun hemm dan it-turnover?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar ħames snin, b’kollox irriżenjaw erba’ (4) għalliema tal-ICT mill-MCAST Għawdex.
Tnejn (2) irriżenjaw matul is-sena akkademika 2007/2008. Il-vakanzi li rriżultaw b’dawn iż-żewġ riżenji ġew mimlija fil-bidu tas-snin 2008/2009 u 2009/2010 rispettivament.
Iż-żewġ riżenji l-oħra ġraw matul l-2008/2009 u l-2010/2011 rispettivament. Dawn iż-żewġ għalliema qed jiġu sostitwiti b’
part-timers
.
Jidher li dan it-
turnover
qed ikun kagunat mill-fatt li l-pagi offruti mill-privat fis-settur tal-ICT huma ferm aħjar minn dawk tal-għalliema fl-MCAST.
Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena fl-aħħar ħames snin kemm telqu għalliema tal-ICT mill-MCAST t'Għawdex? Dawn l-għalliema li telqu ġew sostitwiti b'għalliema oħra? Għaliex qed ikun hemm dan it-turnover?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm applikanti u persuni li qed jipparteċipaw bħalissa għal kull programm u skema tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u tagħti l-informazzjoni skont il-lokalità tal-applikant, kemm nisa u kemm irġiel u l-etajiet rispettivi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għal Għawdex — kuntratti għas-servizz ta' skrivani
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul is-sena 2011 ma ngħatawx kuntratti mid-direttorati li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sabiex jingħata servizz ta' skrivani.
Peress li persentaġġ kbir mill-ispiza għall-proġett ta' Xatt ir-Risq u Dock 1 ġej minn fondi Ewropej, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol iridx jitlesta fi żmien partikolari? Jista' jgħid meta hu dan iż-żmien u x'jiġri jekk ix-xogħol ma jitlestiex f'dan iż-żmien miftiehem?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li x-xogħol f'Xatt ir-Risq huwa approvat li jitlesta sa Marzu 2012, filwaqt li dak fuq il-Baċir Numru 1 huwa approvat li jitlesta sa Awwissu 2012. Jekk ix-xogħol ma jitlestiex sa dak iż-żmien ikunu jridu jsiru diskussjonijiet għal estenzjoni taż-żmien. Madankollu qed isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex filwaqt li jintgħelbu d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, x-xogħol jitlesta fiż-żmien approvat.