Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tindif ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaddfu widien f'Malta u f'Ghawdex u kemm fadal li għad jridu jitnaddfu biex kollha jkunu jistgħu jilqgħu l-ilma tax-xita?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32259, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li t-tindif tal-wieden m’hihiex proġett fejn wieħed jgħid li xi ħaġa hija lesta u jista’ jitfaħħa wara spallejh; dan huwa process kontinwu fejn il-pjan ta’ xogħol iddettat mill-bżonn u l-urġenza u mhux skont pjan ċikliku. Għaldaqstant ċertu widien isiru kull sena u oħrajn inqas regolari għax ma jkunx hemm dak il-bżonn. Ninsab konvint li l-Onorevoli Interpellant jifhem li l- widien li l-izjed jkollhom bżonn ta’ tindif huma dawk fejn fihom jakkumula ħafna materjal li jinġarr mal-ilma, u għaldaqstant dawn jitnaddfu kull sena. Fost dawn il-widien wiehed jista’ jsemmi Wied il-Kbir, Wied is-Sewda, Wied Ħesri, Wied il-Luq, Wied tal-Isqof, Wied Qannotta, Wied Għajn Rihana u Wied Qlejgħa. Kif wieħed jista’ jifhem dawn il-widien maġġuri jigu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistghu jilqghu fihom volum akbar ta’ ilma, fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar f’postijiet bħal Ħal Qormi, il-Marsa u Burmarrad. Tajjeb li ngħid li d-deċiżżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom u wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tigi protetta l-ekologija u l-biodiversita’ tal-istess widien Dwar il-widien li tnaddfu f’Ghawdex, nistiedejn lill-Ononervoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.

Riservwar tal-ilma fid-djar

Question

Jista' l-Ministru jghid jekk il-binjiet li telgħu bejn 2005 u 2011 kollha għandhomx reservior għall-ilma u jekk hemmx raġuni għal dawk li ma għandhomx dan ir-reservior?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Kapitlu 10, Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Artiklu 97 (n) (viii): “Kull dar għandu wkoll ikollha bir miżmum fi stat tajjeb, tal-kapaċit à mill-inqas ta’ tliet metri kubi, għal kull ħames metri kwadri tal-wiċċ tal-art ta’ kull karma ta’ dik id-dar”. Meta l-Awtorita` ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ permess ta’ żvilupp għal dar tinkludi kundizzjoni fil-permess li l-iżvilupp irid jinkludi ġiebja skont kif rikjest f’din il-liġi

Nitrati fl-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' x'qed jikkawża n-nitrati fl-ilma f'Malta u Għawdex? Hemm xi strateġija biex tikkontrolla dan? Bħala gvern x'qed jagħmel biex jkun qed jmexxi eżempju tajjeb għal dawk affettwati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 15664, 25134 u 13938.

ARMS Ltd — kont

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31391, peress li għadda ż-żmien minn meta l-Ministru qal li l-ARMS Ltd kienet se tikkomunika mal-klijent u għadu ħadd ma kkuntatjah, jista' l-Ministru jara l-każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kuntatt mal-konsumatur diġà sar fl-aħħar ta’ Jannar. Stħarriġ ulterjuri huwa meħtieġ sabiex jissolva l-każ. Għaldaqstant, il-konsumatur għandu jerġa jiġi kkuntattjat min-naħa ta’ ARMS Ltd. aktar 'il quddiem.
Leg 11 PQ #32301 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

programm Leonardo Da Vinci — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-fondi Ewropej mill-programm Leonardo Da Vinci għas-snin 2010 u 2011 ġewx mitlufa minn Malta jew jekk ingħatawx? F'każ li dawn ingħataw, jista' l-Ministru jgħid meta l-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li huma intitolati għal dawn il-fondi se jkunu qed jirċievu dak dovut lillhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-2010 il-Fondi Leonardo da Vinci ma ingħatawx. Fl-2011, il-fondi ngħataw u kull applikant li kien eliġibbli li jirċievi l-Fondi Ewropej mill-Leonardo Da Vinci ngħatawlu.

talba għal trasferiment

Question

Jista' l-Minsitru jara l-każ tal-anzjana, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għalkemm għamlet ittra bil-miktub biex tiġi trasferita mill-dar tal-anzjani fejn qiegħda għar-Residenza San Vinċenz de Paul, xi sena ilu xorta waħda għadha fejn hi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mir-relocation report li sar sabiex din il-pazjenta tiġi trasferita għal San Vinċenz, irriżulta (mill-parir tal-Community Home Advisory Committee (CHAC)) li l-anzjana li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha l-kura u l-attenzjoni kollha meħtieġa. L-applikazzjoni ta’ din l-anzjana ġgiet imqiegħda fil-lista ta’ stennija għal San Vinċenz de Paul.

Trosopt eye drops

Question

Billi huwa mifhum li hemm numru ta' persuni li ma jaqblux magħhom l-eye drops Azopt, jista' l-Minsitru jindika meta ġew ordnati l-eye drops li kienu jingħataw qabel – Trosopt – u meta mistennija tasal il-konsenja f’pajjiżna għad-distribuzzjoni normali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li saret ordni fil-21 ta’ Dicembru 2011. Din l-ordni waslet u l-prodott qiegħed in stock.

Enemalat — kwestjoni dwar disturbance allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' flus (f'Ewro) li ngħata lill-inġinier Għawdxi mal-Korporazzjoni Enemalta bi ħlas għall-disturbance allowance b'lura peress li s-superjur tiegħu kienet qed tieħu din l-allowance u huwa ma kienx qed jingħata din id-disturbance allowance? Jista' jikkonferma jekk dan kienx out of court settlement u jekk hux minnu li dan is-settlement ġie awtorizzat mic-chief human resources innifsu? Jista' jgħid skont fuq liema kodiċi ta' etika mexa l-management tal-korporazzjoni meta ħallas dan l-out of court settlement?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qatt ma provdiet ħlas għall-disturbance allowance lill-inġinier Għawdxi b’lura peress li s-superjur tiegħu kienet qed tieħu l-istess allowance. Il-Korporazzjoni Enemalta provdiet ħlas ta’ on call allowance lill-inġieniera Għawdxin. Dan għamlitu skont is-sentenza tal-Qorti, fil-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) moghtija mill-Magistrat, Dr. Anthony Ellul fis-seduta ta’ l-24 ta’ Lulju, 2009 fejn il-qorti iddecidiet li l-Korporazzjoni Enemalta ghandha thallas l-On Call allowance skont ir-rati ta’ hlas hekk kif stipulat fil-Ftehim Kollettiv, bl-ispejjes b’kollox. Il-Korporazzjoni Enemalta appellat din is-sentenza, izda l-Qorti ta’ l-Appell fis-seduta tas-16 ta’ Marzu 2010 ikonfermat is-sentenza.

Enemalta — sejħa għal chief human resources officer

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riklam li deher fil-gazzetti u r-rekwiżiti li ntalbu għall-pożizzjoni ta' chief human resources officer mal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex minnu li ċ-chief human resources officer li għadu jservi f'din il-kariga għandux degree jew ċertifikati tal-O levels u A levels? Jekk ghandu, jista' jgħid x'Masters u Mil-liema università ġiet mogħtija? Rigward din il-Masters jista' jgħid jekk id-dipartiment tal-MQRIC fiż-żmien li saret din il-call kienx jirrikonoxxi din il-masters?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

obbligi rigward pay slips

Question

Jista' l-Minsitru jikkonferma jekk hemmx obbligu bil-liġi li employer għandu jagħti pay slip lill-impjegati tiegħu u dan peress li xi żmien ilu l-Labour Office infurmaw lil xi nies li m'hemm ebda obbligu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm obbligu taħt il-Final Settlement Rules, li pagatur li jħallas emolumenti għandu jagħti lill-payee li jkun qed jirċievi dawk l-emolumenti, dikjarazzjoni li turi fost ohrajn l-ammont gross u l-ammont ta’ taxxa mnaqqsa. Però m'hemm l-ebda obbligu taħt l-Att Dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg fuq l- employer li, meta jkun qed iħallas il-pagi lill-impjegati tiegħu, jagħti payslip .

San Ġwann — Triq S. Zarb - tibdil ta' kanen

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tagħmel ix-xogħol li kellu jsir tat-tibdil tal-kanen tal-ilma fi Triq S. Zarb f'San Ġwann kif ikkonfermaw lir-residenti li kien meħtieg li jsir?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma m’ għandhiex bżonn tibdel il-kanen tal-ilma fit-triq imsemmija. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni m’ għandha l-ebda rapporti ta’ problemi dwar ilma tax-xorb f’din it-triq. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ speċifiku, il-Korporazzjoni tkun tista’ tinvestiga dan.

San Ġwann — irranġar Ta' Triq Bellavista

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31101 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jara li jittieħdu passi urġenti biex tiġi rranġata Triq Bellavista San Ġwann, in-naħa ta’ fuq, billi ninsab infurmat li hemm partijiet fejn it-triq ċediet bil-kbir anke b’aktar minn pied?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, konxju dwar dan, kien applika għall-fondi mill-iskema tal-Public Private Partnership relatata mat-toroq fil-lokalitajiet, sabiex isir ix-xogħol meħtieġ. Dan kien se jippermetti lill-Kunsill Lokali jibbenefika minn €150,202 li jammontaw għal tletin fil-mija (30%) tal-ispejjeż fuq din it-triq. Madankollu l-Kunsill Lokali nforma lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali li mhux f’pożizzjoni li jiffinanzja l-kumplament tal-ispiża u allura ma jkunx jista’ jikkommetti ruħu għal dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #32409 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — impjegati self employed

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tagħha? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #32410 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — impjegati self employed

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tagħha? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pagamenti tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni, familji u negozji li matul s-sena l-oħra waqgħu lura fil-pagamenti dovuti għall-konsum tad-dawl u l-ilma? Kemm jammontaw f'ċifra totali ta' flus dawn il-pendenzi fil-kontijiet rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum tal-ilma tax-xorb li ttella' mill-ħażna tal-pjan matul l-2011? X'livelli ta' kwalità kellu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Leg 11 PQ #32438 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' studenti li matul is-sena l-oħra talbu għal learning support assistant matul l-2011? Kemm minn dawn l-istudenti ngħataw dan is-servizz u kemm le? F'liema suġġetti, f'kull każ? Jekk jirriżulta li kien hemm studenti li ma ngħatawx din l-assistenza, tista' tispjega ir-raġuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aperturi tal-injam

Question

Peress li matul l-aħħar snin, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kienet iddecidiet li l-aperturi u bibien tal-aluminium li kien hemm fil-Pjazza tal-Birgu u toroq oħra fl-istess lokalità kellhom jinbidlu f'oħrajn tal-injam, jista' l-Ministru allura jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ingħata permess li l-appartamenti u l-lukanda fix-xatt ta' Sant'Anglu jkunu kollha tal-aluminium ?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq iż-żewġ siti tal-appartamenti u l-lukanda fix-xatt tal-Birgu, tfassal Development Brief li jistabilixxi l-parametri ta' żvilupp aċċettabli f'din l-area. Il-filosofija mħaddna fid-disinn tal-blokka ġdida tal-appartamenti hija waħda li żvilupp ġdid għandu juża idjoma moderna filwaqt li jirrispetta l-grammatika tal-post. Għalhekk, fil-ponta tal-Birgu ġiet disinjata blokka moderna u ntużaw materjali "moderni" bħal ħadid u ħġieġ. Infurmat illi l-permess għall-appartamenti (PA 1043/00) kien ħareġ fit-30 ta’ Marzu 2000. Min-naħa l-oħra, il-lukanda fix-xatt tal-Birgu ġiet disinjata fuq stil barokk. Il-permess li ġie approvat fl-14 ta' Frar 2008 (PA 4262/01) jispeċifika li l-aperturi għandhom ikunu tal-injam.
Leg 11 PQ #32443 Sitting 455 2012-03-07 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kunsill Malti għall-Isport — Shooting simulator

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-Kunsill Malti għall-Isport xtrat shooting simulator ? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid meta nxtara, kemm inxtara, mingħand min inxtara u kif ġie deċiż mingħand min jinxtara' ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsill Malti għall-iSport ma xtarax shooting simulator iżda permezz tal-iskemi tiegħu assista lill-Federazzjoni għall-Isparar biex tixtri wieħed.