Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — sodod mhux okkupati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat li fihom is-sodod tal-Isptar Mater Dei ma kenux okkupati matul l-aħħar sena? Kemm minn dawn is-sigħat kienu ta' sodod f'single rooms?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Każijiet ta' ittapjar tat-telefown

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx investigati xi każijiet rigward ittapjar tat-telefown bħal każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ġieli kellha rapporti dwar ittapjar ta' telefonati, però l-eżitu ta' dawn l-investigazzjonijiet kien wieħed negattiv.

Qasam tad-diżabilità — akkreditazzjoni u benchmarking għas-servizz tal-NGOs

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema awtorità hija responsabbli mill-akkreditazzjoni u benchmarking tas-servizz u korsijiet mogħtija mill-għaqdiet u NGOs li joperaw fil-qasam tad-diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

tindif ta' bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema bajjiet u xtut qed jitnaddfu minn xi dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, minn meta beda jsir dan ix-xogħol, kemm hija n-nefqa għal kull lokalità u jekk il-kunsill lokali huwiex qiegħed jintalab iħallas għall-istess xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn April 2009 ir-reponsabbiltà għat-tindif tal-bajjiet u xtut, esklużi dawk il-partijiet mogħtija bħala konċessjoni, qiegħda f’idejn id-Direttorat għat-Tindif. Għalkemm dan ix-xogħol isir b’mod kontinwu matul is-sena, il-qofol tal-operat huwa matul ix-xhur tas-sajf. Ninfurmaħ ukoll li n-nefqa hija kollha fuq il-Gvern Ċentrali u ma ssir l-ebda talba għal ħlas lill-Kunsilli Lokali.

tindif tal-bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa’ ta’ kull kunsill lokali f’dawn l-aħħar ħames snin għat-tindif tal-bajjiet/xtut u jekk ix-xogħol huwiex isir minn ħaddiema tal-gvern jew kuntrattur privat ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onorevoli Interpellant permezz ta’ Memo 12/2012 li nħareġ mill-istess Dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun ippreżentata fil-Parlament.

trasferiment causa mortis

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ir-revenue mit-trasferiment causa mortis għas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-revenue mit-trasferiment causa mortis għas-snin 2009, 2010 u 2011 kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

taxxa miġbura mill qliegħ kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabret taxxa ta' Qliegħ Kapitali, capital gains final withholding bir-rata ta' 12 % u taxxa ta' Qliegħ Kapitali provisorja bir-rata ta' 7% fis sena 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li t-taxxa ta’ Qliegħ Kapitali miġbura matul is-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 kien kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Benefiċċju soċjali u drittijiet ta' ħaddiema li jsiru ommijiet permezz ta' adozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu l-benefiċċji soċjali u drittijiet ta' ħaddiema li jsiru ommijiet permezz ta' adozzjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li jsiru ommijiet permezz ta’ addozzjoni għandhom l-istess drittijiet taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap 318) daqs ommijiet oħra, bl-unika differenza hi li ma għandomx dritt għall-Benefiċċju għal Maternità.

Transport Malta — sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili

Question

Fid-dawl tas-sentenza tal-Prim' Awla Qorti Ċivili tat-8 ta' Marzu 2012 li sabet lil Transport Malta responsabbli tal-inċident stadali mertu tal-każ, jista' l-Ministru jgħid x'kienet r-raġuni li ma ġiet ppreżentata l-ebda nota tal-eċċezzjonijiet da parti ta' Transport Malta in difiża? Jista' jgħid x'passi se tieħu kontra l-uffiċċju legali inkarigat in vista ta' dan in-nuqqas? Jekk in-nuqqas mhux wieħed konsegwenza ta' nuqqas da parti tal-uffiċċju legali inkarigat, jista' jgħid min kienet il-persuna li ħadet n-notifika tal-att ġudizjarju u x'kienet r-raġuni li din waslet tard f 'idejn l-uffiċċju legali inkarigat?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Qorti tal-Familja — assistenti ġudizzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm assistenti ġudizzjarji fil-Qorti tal-Familja? Jista' jgħid kemm ilhom biex jinħatru oħrajn ġodda?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja f’Malta: Fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja hemm ħames (5) Assistenti Ġudizzjarju part-time u wieħed (1) Full-time jaħdmu fil-Qorti tal-Familja. Ma jirriżultax li fil-Qorti tal-Familja hemm il-ħtieġa li jinħatru aktar Assistenti Ġudizzjarji. Fil-Qorti ta’ Għawdex: Fil-Qorti ta’ Għawdex hemm Assistent Ġudizzjarju wieħed li mhux biss jisma’ xhieda tal-Qorti tal-Familja, iżda kull xhieda oħra li jiġi assenjat jieħu mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex), fid-diversi ġurisdizzjonijiet tagħha. Ma jirriżultax li fil-Qorti ta’ Għawdex hemm il-ħtieġa li jinħatru aktar Assistenti Ġudizzjarji.

MEPA — applikazzjoni withdrawn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew withdrawn minħabba li l-applikanti ma ssottomettewx l-informazzjoni tagħhom u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew riattivati wara deċiżjoni tal-awtorità stess?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

sentenza kontra l-Awtorità tas-Sanità

Question

Fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Ċivili Sede Superjuri kontra l-Awtorità tas-Sanità fit-28 ta' Lulju 2011 fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jitnbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk itteħdux xi passi dixxiplinarji kontra l-persuni involuti u kkundanati fl-istess sentenza mogħtija? Tħallas xi kumpens mill-awtorità jew mill-gvern minħabba din is-sentenza? Jekk iva kemm kien il-kumpens?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dan il-każ qiegħed jiġi appellat u għaldaqstant huwa prematur li jittieħdu passi abbażi tas-sentenza msemmija.

Sptar Mater Dei — Applikazzjonijiet għal medical lab scientists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm applikaw għall-medical lab scientists mal-Isptar Mater Dei wara s-sejħa li saret f’Jannar 2012? Meta mistennija jsiru l-interviews? Kemm mistennija jimtlew postijiet battala?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-sejħa li għaliha qed issir referenza hija għal Medical Laboratory Technologists fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita, u li għal din is-sejħa ntlaqgħu 21 applikazzjoni. Ġie kkonfermat illi sar xogħol preparattiv sabiex ikunu jistgħu jsiru l- interviews . Il-postijiet battala jimtlew skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku u skont kif approvat mill- Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.

applikazzjoni għal xogħol ġo residenza

Question

Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ tal-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li tefgħet applikazzjoni għand l-Awtorità tad-Djar u issa qed tistenna li jinbeda x-xogħol fir-residenza tagħha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu qed tiġi pproċessata. L-Awtorità tad-Djar qed tiġbor informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikant sabiex jiġi stabbilit jekk jikkwalifikax taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifika għalih.

Gozo Channel — impjegati biċ-ċertifikat

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li dawk kollha li jaħdmu mal-Gozo Channel bħall-baħħara u kaptani huma kollha biċ-ċertifikati li jistgħu jaħdmu mal-Gozo Channel?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema kollha impjegati mal-Gozo Channel abbord il-vapuri jissodisfaw ir-rekwiżiti kif stabbiliti mill-awtorita kompetenti.

Permess għall-parker

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31560, jista' l-Ministru issa jgħid x'inhi l-proċedura biex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, jagħmel permess għal parker?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-proċedura ta’ kif wieħed għandu japplika għal liċenza ta’ car park attendant, hija dettaljata fis-sub regolament 2 tar-regolament 65 tar-Regolamenti dwar il-Vetturi bil-Mutur (L.S 65.11). Minkejja dan, ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta m’hijiex tilqa’ applikazzjonijiet ġodda għal tali liċenzi, kemm minħabba li s-siti ta’ parkeġġ pubbliku huma kollha assenjati, kif ukoll għar-raġuni li Transport Malta u l-Ministeru jinsabu f’taħdidiet mar-rappreżentanti tal- car park attendants bil-għan li jiġi riformat dan is-settur.

Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li niżlet xita matul is-snin 2009/10 u 2011? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li nġabar minn dan l-ilma u kemm minn dan l-ilma tax-xita reġa' spiċċa l-baħar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23287, għat-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu ninfurmah li mhux possibbli li dan jitkejjel peress biex wieħed jasal għall figura ta’ kemm inġabar wieħed irid jikkonsidra kemm ir-riservi naturali u gibjuni li jappertjenu lil diversi entitajiet tal-gvern, kif ukoll il-fatt li ħafna ilma tax-xita jiġi maħżun fi bjar privati li dwarhom la hemm informazzjoni dwar numri u wisq anqas dawn kemm jesgħu.

Ħażna tal-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jinħażen l-ilma tax-xita li jinżel f'Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġbiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 23316, 22671 u 24535, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandi hemm 115-il ġibjun li b’kollox hu stmat li jesgħu madwar 173,360 metri kubi (madwar 38.5 miljun gallun) ta’ ilma.

Manutenzjoni tal-widien u ġibjuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saret manutenzjoni fuq widien u ġibjuni pubbliċi matul is-sena 2011? Liema kienu u kemm ġew jiswew kull proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 sar tindif fuq sittax-il wied. Dan ix-xogħol isir fl-istaġun xott, jiġifieri bejn l-aħħar ta’ Mejju u Settembru. Biex ikunu identifikati liema widien jkunu ser jitnaddfu, qabel ma’ jasal dan l-istaġun xott ikun beda programm ta’ ispezzjonijiet biex dawn jiġu identifikati u barraminhekk issir konsultazzjoni mal-MEPA biex tkun żġurata li fil-proċess tat-tindif ma ssirx ħsara lill-ekologija u l-biodiversità tal-istess widien. Ċertu widien prinċipali issirilhom tindif kull sena partikolarment biex partikolarment fejn hemm ilqugħ dawn iżommu aktar ilma kemm biex jitnaqqas ir-risku ta’ għargħar fit-toroq u rħula tagħna, kif ukoll sabiex l-ilma li jinżamm iservi kemm bħala ħażna għal bdiewa tagħna kif ukoll jagħti ċans li dawn l-ilmijiet jiskulaw u jfornu l-ilma tal-pjan. Dawn il-widien u l-ispiża għalihom kienu kif ġej: Wied iċ-Ċawsli €13,180 Wied il-Kbir €14,954 Wied is-Sewda €26,687 Wied Ħesri €18,563 Wied tal-Isqof €10,054 Wied Mofru €6,016 Wied Baqqiegħa €8,639 Wied Qlejgħa €63,988 Wied tal-Fiddien €1,935 Wied Liemu €3,438 Wied Qannotta €7,608 Wied Għajn Riħana €4,369 Wied ta’ Ċampra €4,206 Wied Incita €6,135 Wied Għajn Żejtuna €3,600 Il-Kanal tal-Ilma fejn il-korsa taż-żwiemel l-antika fil-Marsa €6,833 Għar-riward tal-ġibjuni, sar xogħol fuq sitta liema xogħol mhux biss kien jirrikjedi tindif iżda wkoll xogħol fuq l-istruttuta u kisi. Dawn il-ġibjuni li fuqhom sar xogħol matul is-sena li għaddiet flimkien ma l-ispiża għalihom kienu kif ġej Ġibjun fi Triq il-Wied tal-Imsida €9,089 Ġibjun f’Tal-Ħlas, Haz-Żebbug €2,147 Ġibjun f’Tal-Providenza, Siġġiewi €128 Ġibjun f’San Kelment, Żejtun €5,086 Żewg ġibjuni fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid €8,965 Ġibjun f’Ta’ Garnaw, Santa Luċija €2,261 Ġibjun f’Tas-Silġ, Marsaxlokk €4,418 Tliet ġibjuni f’Bir Miftuħ, Gudja €8,587