Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32500 u 32175 u cioè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31417, issa li l-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata kif imsemmi fir-risposta għadda, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Enforcement Directorate dwar dan il-każ?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-applikazzjoni tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament sabiex jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa peress li ilu aktar minn sena fuq il-waiting list u li għandu 85 sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applika biex jidħol fid-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa fil-15 ta’ Marzu 2011 u ġie approvat mill-Bord tal-Ammissjoni. B’hekk l-imsemmi anzjan qiegħed fuq il-lista ta’ stennija għad-Dar tal-Anzjani tal-Mtarfa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala is-C-Checks fuq l-ajruplani tal-Air Malta u li qabel kienu jsiru Malta issa qegħdin isiru barra minn Malta? Kemm qegħdin jiġu jiswew dawn is-C-Checks issa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Università ta' Malta — informazzjoni dwar l-għalliema
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' għalliema full-time fl-Università fis-sena akkademika preżenti? Kemm minn dawn huma assenjati b'doveri fil-Junior College fuq bażi full-time jew part-time? Kemm mill-għalliema tal-Università fis-sena akkademika preżenti huma part-time fl-Università u fil-Junior College separatament? Kemm mill-istaff akkademiku tal-Università għandhom joint post ma' xi entità oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li, għad li l-pazjenti rikoverati l-Isptar Zammit Clapp qed iħallsu, dawn huma sprovisti minn mediċini u servizzi oħra bħal TV u tabib matul il-lejl fost servizzi bażiċi oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħal Djar għall-Anzjani oħra tal-Gvern, residenti fir-Residenza għall-Anzjani Sptar Zammit Clapp huma ntitolati għall-mediċini skont l-Iskema tal-Ispizjar tal-Għażla Tiegħek. Id-Dipartiment jipprovdi ħrieqi u consumables oħra skont il-ħtieġa tar-resident. Is-servizz tat-tabib jiġi pprovdut f`kaz ta` emerġenza mit-tabib taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Lokalità. Is-servizz ta’ TV qiegħed fil-proċess li jiġi nstallat fir-Residenza Sptar Zammit Clapp wara li ħarġet il-call for quotes rispettiva.
Ħamrun — Triq id-Duluri - ilment dwar is-sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u x'għandha ppjanat li jsir fir-rigward tad-drenaġġ li qed jispiċċa fil-btieħi u s-sistemi tad-drenaġġ ta' residenti fi Triq id-Duluri kantuniera ma' Triq Indri Cilia, l-Ħamrun? Tapprezza l-korporazzjoni li dan l-inkonvinjent ilu għaddej mill-1996 meta nbniet it-triq mill-ġdid?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kienet irċeviet ilment biss mingħand residenza waħda ġo Triq id-Duluri, Hamrun. Mill-investigazzjonijiet li saru fuq is-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni u anke ta’ din id-dar, jirriżulta li s-sistema tad-drenaġġ ta’ din id-dar qegħdha installata wisq fil-fond u bi ftit wisq pendil għal ġol-main ta’ KSI bil-konsegwenza li jista’ jiġi drenaġġ b’lura meta jkun hemm il-main ta’ barra mimli iżjed min-normal għal xi raġuni, bħal per eżempju meta illegalment jidħol ħafna ilma fis-sistema tad-drenaġġ waqt xi maltempata. Il-Korporazzjoni kienet irrakkomandat lis-sid ta’ din id-dar biex jinstalla ‘Non-Return Valve’ mas-sufun, pero jidher li s-sid ma ħax dan il-parir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx rotta li tmur direttament mill-Ħamrun għall-Isptar Mater Dei u x'inhi l-frekwenza fil-ħin tal-viżitaturi tal-istpar filgħaxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament hemm żewġ rotot li jipprovdu servizz bejn il-Ħamrun u l-Isptar Mater Dei li huma:
· Rotta 122 li tgħaddi mill-inħawi tal-Mile End u l-Knisja tal-Kunċizzjoni u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
· Rotta 123 li tgħaddi minn Triq il-Kbira San Ġużepp u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
Ħamrun — Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali - rilokazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Ħamrun, li mhux aċċessibli għall-persuni b'diżabilità, jiġi trasferit fil-binja l-ġdida tal-kunsill lokali fi Triq il-Duka ta' Edinburgh?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-binja l-ġdida tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun fi Triq id-Duka ta’ Edinburgh, ma tissodisfax ir-rekwiżiti kollha, inkluż l-ispazju meħtieġ, biex uffiċċju distrettwali ikun jista’ jiffunzjona fl-intier kollu tiegħu u jagħti s-servizzi lill-pubbliku. Bħalissa qegħdin isiru sforzi min-naħa tal-Ministeru sabiex jinstab lok adekwat w aċċessibli għall-pubbliku fiċ-ċentru tal-Ħamrun.
servizz ta' speech therapist għat-tfal fl-iskejjel
Question
Tista' l-Ministru tgħid f'kemm-il skola primarja jiġi provdut is-servizz ta' speech therapist? Għaliex tfal minn skola jkollhom imorru fi skejjel oħra flok ma t-terrapista jżur it-tfal li għandhom bżonn ta' dan is-servizz?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fost l-ex ħaddiem tat-Tarzna, kemm-il pensjonant kien ikkommuta parti mill-pensjoni tiegħu?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda pensjoni li titħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jkollha parti minnha li tiġi kkomutata.
Madankollu, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-pensjoni li titħallas lil ex-ħaddiema tat-Tarzna skont il-ftehim li kien intlaħaq dwar l-istrutturar li kien sar f’din l-azjenda, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-isptar tal-onkoloġija l-ġdid ikun fih service rooms fost is-sodod tiegħu biex l-aktar każijiet terminali jkollhom aktar privatezza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-ċentru il-ġdid tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkun mgħammar b’Palliative Care Ward speċjalizzata biex il-każijiet terminali kollha jkollhom il-privatezza tagħhom.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta’ ħaddiema li jagħtu servizz lis-Servizz Pubbliku u qegħdin impjegati fuq bażi ta’ sub-contract skont ix-xogħol li jwettqu u kif inhuma mqassma fid-diversi entitajiet, dipartimenti u awtoritajiet pubbliċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li meta l-Ministeru jagħti kuntratt, jidħol f’relazzjoni kummerċjali ma’ dik l-entità partikolari. Il-Ministeru ma jkollux informazzjoni dwar impjegati mal-kuntrattur fuq bażi ta’ sub-contract.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema self-employed reġistrati bħala carers, cooks, clerks, security officers u cleaners, u kemm huwa d-dħul medju dikjarat għal kull kategorija msemmija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Programm Operattiv I tal-Politika ta' Koeżjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti diġà approvati taħt Programm Operattiv I tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Fondi Strutturali - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-benefiċjarju f’kull proġett? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn il-proġetti diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew? Meta nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa, kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
Programm Operattiv I tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 — Fondi Strutturali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-iskemi ta’ għajnuna diġà approvati taħt Programm Operattiv I tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Fondi Strutturali - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-intermediate body taħt kull skema? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn l-iskemi diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta nbdew? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa, kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
Parks, pjazzez, ġonna u playing fields fil-konfini tal-Kunsilli Lokali
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' fejn u kemm hemm parks, pjazzez, ġonna u playing fields li jaqgħu fil-konfini ta' kull kunsill lokali f'Malta u Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ ġonna, playing fields, pjazez u parks fil-konfini tal-Kunsilli Lokali. Din il-lista teskludi dawk li huma responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali (e.g. il-Barrakka ta’ Fuq u dik ta’ Isfel), tinkludi biss il-pjazez li huma meqjusa bħala spazji rikreattivi (e.ż. Pjazza Balluta f’San Ġiljan jew Pjazza Paola f’Raħal Ġdid) u teskludi pjazez jew parti minn pjazez li huma parti mir-road network.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn persuni li għandhom art li fuqha mhemmx bini u li waqgħet għand il-joint office mhux qed ikunu permessi jifdu ċ-ċens u jixtru din l-art?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-Gvern, permezz tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern, huwa kommess li jagħmel l-aħjar użu mill-proprjetà tiegħu għall-ġid tal-poplu kollu. Għal dan il-għan, bħala regola, mhix il-policy tad-Dipartiment li jiddisponi minn art li fuqha m’hemmx bini u li qiegħda b’ titlu ta’ ċens temporanju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet impellenti biex dan isir.
Tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa l-operat ta' TVM2 lill-Public Broadcasting Services u jekk dan hux se jiġi ffinanzjat mill-Public Broadcasting Services, mill-EPSO jew inkella minn xi fond ieħor? Jekk se jingħataw fondi addizzjonali lill-Public Broadcasting Services, tista' tgħid kemm se jingħataw u mil-liema vot se jingħataw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-operat ta’ TVM2 se jkollu Fond ta’ €500,00 mill-Vot Item 5023 Media Education Broadcasting 2012.
Bħala stazzjon ta’ servizz ta’ xandir pubbliku se jkollu programmi li jibbenefikaw mill-fondi EPSO.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq is-Siġġiewi li tinsab bejn il-Qrendi u s-Siġġiewi, issa li spiċċat fi stat diżastrus u ta' perikolu għal min jużha, hiex se tingħata wiċċ tarmak?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din it-triq ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.