Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta' Għawdex
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ Għawdex? Jekk hemm, min fassal u min jaġġorna din il-politika? Meta tfasslet u meta ġiet aġġornata? Min hu responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha? Kemm hemm fondi ivvotatati għal din il-politika għas-sena 2012? Taħt liema vot baġitarju qegħdin? X’inhuma l-punti ewlenin ta’ din il-politika? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għal din il-politika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tat il-Ministru t’Għawdex fil-mistoqsija parlamentari numru 32660.
Inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri — vetturi tat-trasport pubbliku
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32310, jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li t-toroq li jinsabu fl-inħawi tal-Qasam tad-Djar ta' Binja Ħesri huma wesgħin aktar min-normal u allura m'hemmx problema ta' aċċess għall-vetturi tat-trasport pubbliku? Jista' jara jekk hux possibbli li Transport Malta testendi s-servizz tat-trasport pubbliku f'dawn l-inħawi ukoll minħabba li residenti qed isibuha diffiċli li jimxu sal-pjazza tas-Siġġiewi peress li hemm distanza twila?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li Transport Malta għamlet stħarriġ fl-inħawi imsemmija sabiex tevalwa l-possibbiltà li r-rotta tiġi estiża fl-inħawi tal-Qasam ta’ Djar ta’ Binja Ħesri. Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li hemm possibbiltà li r-rotta tgħaddi kemm jista' jkun viċin il-Qasam tad-Djar ta’ Binja Ħesri. Din is-soluzzjoni se tiġi diskussa mal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.
għajnuna lill-ġenituri ta' tfal li huma milk protein intollerant
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jagħtix għajnuna lill-ġenituri li għandhom tfal li huma milk protein intollerant bħal fil-każ ta' intolleranza għal-lactoseperess li dawn il-ġenituri ukoll iridu ta' kuljum jixtru sostitut li jiswa aktar minn ħalib normal?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-Formularju tal-Gvern hemm numru ta’ formuli speċjalizzati ta’ ħalib tat-trab għat-trabi tat-twelid u tfal, li dawn jistgħu jingħataw f’każijiet ta’ kundizzjoniet kroniċi li jinstabu fuq il-lista ta’ kundizzjonijet ta’ Skeda V, li se tiġi emendata uffiċjalment kif tidħol fis-seħħ r-riforma tal-istess Skeda, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sitwazzjoni dwar applikazzjonii għall-housing mitlub mill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni qiegħda proċessata flimkien ma’ applikazzjonijiet oħra għall-akkomodazzjoni alternattiva u qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni ta' qtugħ fis-servizz tad-dawl, nhar il-Ġimgħa, 2 ta' Marzu 2012 għal sagħtejn u s-Sibt 3 ta' Marzu 2012 għal għaxar sigħat sħaħ fl-Industrial Estate ta' Ħal Far? Jidhirlu l-Ministru li dan il-qtugħ fis-servizz tad-dawl qed iħalli impatt fuq l-industrija li topera minn hemmhekk? Jista' l-Ministru jgħid jekk ikkalkulax kemm sewa dan l-impatt? Jekk iva kemm? Jekk le, għaliex ma ġiex ikkalkulat? X'qed jagħmel il-gvern biex jassigura li dawn is-sitwazzjonijiet ma jkunux ripetuti f'area bħal din fejn l-effett jista' jkun li jitnaffar l-investiment?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi is-servizz tad-dawl fl-inħawi ta’ Ħal Far u ż-Żurrieq ġie maqtugħ il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu fit-20:15 minħabba cable fault. Il-konsumaturi kollha ngħataw id-dawl sat-23:04 fit-2 ta’ Marzu. Fil-ġurnata ta’ wara, t-3 ta’ Marzu kien hemm vultaġġ baxx fejn dan ġie rrapurtat fit-08:00 u wara nvestigazzjoni nstabet terminazzjoni tal-linja tal-11kV bil-ħsara u għalhekk affetwat parti minn Ħal Far, Żurrieq u l-Qrendi. Id-dawl gie maqtugħ minħabba li riedu jsibu l-ħsara u t-tiswijiet li tlestew sal-18:10. Għaxar substations fl-Industrial Estate ta’ Hal Far ġew affetwati u l-load li ttieħdet minn dawn is-substations meta ġew mixgħula kienet ta’ 500KW. Ma ttieħdux kalkoli tal-flus fuq l-impatt ta’ dawn il-ħsarat. Il-ħin biex tissewwa t-tieni ħsara kien itwal minn normali peress li kien hemm żewġ ħsarat separati fuq l-istess network u għalhekk id-dawl seta’ jingħata biss meta l-ħsarat kollha tlestew.
Għawdex — Sptar Ġenerali - manutenzjoni u tiswija fuq aparat u magni
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'manutenzjoni u tiswija saret fuq magni u apparat tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex f'dawn l-aħħar sentejn? X'magna jew apparat hu? F'liema dipartiment, x'kienet is-sena tal-manifattura, tip ta' manutenzjoni jew tiswija saret, min għamilha u kemm swiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li attendew kors l-MCAST f'Għawdex li imbagħad marru kors l-MCAST Malta f'dawn l-aħħar ħames snin? Tista' tgħid x'korsijiet kienu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Din l-istatistika ma tinżammx mill-MCAST għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għadhom ma nbdewx proċeduri kriminali fil-konfront tal-uffiċċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li allegatament sawwat pajżan nhar it-18 ta’ Settembru 2011 f’Naxxar Road, San Ġwann?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-inċident li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie nvestigat kemm minnaħa tal-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, kif ukoll minnaħa tat-Taqsima tal-Affarijiet Interni tal-Korp. Jirriżulta li l-uffiċjal tal-Pulizija nvolut uża dik il-forza minima u neċessarja sabiex ikun jista’ jesegwixxi l-arrest tal-persuna li kienet għadha kif kisret id-disposizzjonijiet tal-Att dwar l-Iskart, kif ukoll naqset li tagħti l-partikolarijiet tagħha lill-uffiċjal tal-Pulizija. Dan tikkonfermah il-persuna pajżana stess kif ukoll xhieda oħra okkulari li kienu preżenti waqt dan l-inċident. Għalhekk ma jirriżultax li hemm lok sabiex jinbdew proċeduri kif imsemmi mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xtiebi li qed jitwaħħlu ġewwa diversi lokalitajiet ġewwa Ħal Safi humiex qed jiġu mħallsa mill-Kunsill ta' Ħal Safi jew mill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid min qed jagħmel tajjeb għal pagi tal-istess ħaddiema?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitolob lill-Onorevoli Interpellant jiċċara għal liema xtiebi qed jirreferi sabiex inkun nista’ nagħtih tweġiba.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-diversi xtiebi mwaħħla madwar Ħal Safi humiex koperti bil-permessi relattivi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorità għandha bżonn iktar dettalji biex tkun tista’ twieġeb aħjar din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32413 u 32242 u jgħid x'inhu n-numru ta' units ta' social housing f'Malta u f'Għawdex?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern irid juża r-riżorsi kollha li għandu għad-disposizzjoni tiegħu sabiex jiġbor l-informazzjoni dwar proprjetajiet residenzjali li għandu fi ħdanu. Sabiex tinġabar din l-informazzjoni jirrikjedi ħafna ħin u riżorsi, speċjalment meta tikkonsidra li hemm mijiet ta’ blokok ta’ appartamenti.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32412 u 32245 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32510 u 32251 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32417 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u mistoqisja parlamentari 32244 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġew riferuti lilu u jgħid kemm twieldu tfal lill-ommijiet ta' sittax-il sena u taħt dik l-età fis-sena 2011? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin l-ommijiet f'kull każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-sena 2011 twieldu 32 tarbija lill-ommijiet ta’ 16-il sena u inqas. It-tabella t’ hawn taħt turi minn liema lokalitajiet kienu ġejjin l-ommijiet.
Region
Births
North
4
North Harbour
6
South East
4
South Harbour
14
West
2
Gozo
2
Total
32
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-korsijiet tas-snajja mogħtija mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se jiġu privatizzati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-taħriġ kollu li tagħmel l-ETC jingħata minn instructors li jiġu magħżula permezz ta’ sejħat għal tender. Għaldaqstant dan it-taħriġ qed jingħata diġà minn nies li huma fuq bażi ta self-employed.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ġew devoluti lill-għaqdiet non-governattivi f'din il-leġislatura? Għal liema skop ingħataw u kemm ġew mitluba jħallsu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi peress li l-prassi tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern hi li joħroġ devoluzzjonijiet lill-Kunsilli Lokali biss, dan id-dipartiment ma għandu l-ebda statistika li tissodisfa din it-talba.