Legislature:
Category:
Reset
Active:

self employed u SMEs — miżuri biex titnaqqas il-burokrazija

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'miżuri ħa l-gvern, partikolarment dawk leġislattivi, biex itaffi l-piż tal-burokrazija fuq (a) min hu self-employed u (b) għandu small and medium enterprises?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-Management Efficiency Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lesta eżerċizzju u bħalissa qed jiġi implimentat biex titnaqqas il-burokkrazija in ġenerali fuq in-negozji, inklużi s-self employed u l-SMEs. Sa l-aħħar ta' din is-sena, il-miri li l-Gvern ikkommetta ruħu li jagħmel ser jiġu milħuqa.

Tiswijiet ta' sistemi tad-drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31857, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport sar għal tiswijiet ta' esiġenzi simili matul l-2010 u 2011 separatament? Jista' jgħid f'kemm minnhom saret il-manutenzjoni meħtieġa fl-istess jum li sar ir-rapport? Jista' jinfurmani bis-sitwazzjoni għall-ħsarat rapportati dwar l-ilma ukoll?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rċeviet 2,381 rapport ta’ blockage fis-sistema tad-drenaġġ fl-2010 u 2,094 fl-2011. Ħafna minn dawn ir-rapporti jiġu ndirizzati dakinhar stess li l-korporazzjoni tirċievi r-rapport. Dwar problemi tal-ilma, għalkemm il-korporazzjoni tagħmel l-almu tagħha biex tagħmel it-tiswijiet neċessarji fi żmien 24 siegħa minn meta tirċievi r-rapport, mhux dejjem hu l-każ li jirnexxielha.

Sub contractor li jagħmlu tiswijiet tad-drenaġġ

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31857, jista' l-Ministru jinforma jekk kienx hemm xi sub contractor biex jagħmlu x-xogħlijiet imsemmija? Jista' jinforma ukoll bl-istess informazzjoni għall-ħsarat rapportati dwar id-distribuzzjoni tal-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-każ ta’ blockage fis-sistema tad-drenaġġ fi Triq Ferdinand Inglott Attard il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma solviet il-problema bin-nies tagħha stess u ma wżat l-ebda sub-contractor. Fil-każ ta’ ħsarat fis-sistema tal-ilma in generali l-korporazzjoni għandha numru ta’ sub-contractors li jitħallsu biex jagħmlu tiswijiet taħt is-superviżjoni tat-team leaders tal-Korporazzjoni.

Dipartiment tas-Servizz Soċjali — Applikazzjonijiet għall-Għajnuna Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-Għajnuna Soċjali li għadhom pendenti quddiem id-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali? Kemm ilhom pendenti kull waħda minn dawn l-applikazzjonijiet? Għaliex hemm persuni li jdumu jistennew ix-xhur biex jirċievu risposta dwar jekk humiex intitolati jew le għall-Għajnuna Soċjali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidħlu kuljum b’mod kostanti kemm talbiet ġodda għall-Għajnuna Soċjali kif ukoll rapporti ta’ tibdil fiċ-ċirkostanzi li jaffettwaw id-dritt ta’ persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali. Peress li s-sistema tad-dħul ta’ dawn it-talbiet għadha waħda manwali, d-dipartiment mhux f’posizzjoni li jagħti l-informazzjoni mitluba dwar kull talba individwali. Dawn it-talbiet kollha jiġu pproċessati u jitqassmu għax-xogħol kuljum. Hija regola generali li fejn jkun hemm l-informazzjoni kollha dwar il-każ li l-Għajnuna Soċjali tinħareġ fi żmien qasir, sa massimu ta’ erba’ ġimgħat wara d-data tat-talba. Fejn ikun hemm nuqqas ta’ informazzjoni d-Dipartiment jibda l-proċess biex tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex tkun tista’ tiġi determinata kemm id-dritt għal Għajnuna kif ukoll ir-rata dovuta. Dan il-proċess jista’ jieħu fit-tul iżda tajjeb jingħad li d-Dipartiment jagħmel minn kollox biex l-informazzjoni tinġabar fi żmien qasir. Jiena nfurmat mid-Dipartiment li n-numru ta’ talbiet pendenti huwa wieħed normali u ma jidhirx li hemm xi numru ta’ talbiet li ilhom pendenti ix-xhur kif qed jingħad. Jekk l-Onor Interpellant għandu informazzjoni dwar xi każi partikolari d-Dipartiment jkun jista’ jispjega l-proċess f’dawn il-każi partikolari.

Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħet s’issa l-Kummissjoni Nazzjonali tal-Familja minn meta ġiet komposta wara li kienet ilha għal diversi snin mhux tiffunzjona?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-Kumissjoni Nazzjonali tal-Familja ltaqat darba minn meta giet komposta.

Proċess biex persuna tuża l-Avukat tat-Tfal

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 29008, jista’ l-Ministru jgħid x’irid wieħed jagħmel biex jagħmel użu mill-Avukat tat-Tfal?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Kif jirriżulta minn diversi liġijiet l-Avukat tat-Tfal jitqabbad mill-Qorti. Il-Leġislazzjoni Sussidjarja 12.20 intitolata ‘Regolamenti dwar il-Qorti Civili (Sezzjoni tal-Familja), il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili u il-Qorti tal-Maġistrati (Ghawdex) (Gurisdizzjoni Superjuri) (Sezzjoni tal-Familja)’ fir-regolament 3 tipprovdi għall-ħatra ta’ esperti fosthom medjaturi u avukati tat-tfal. Bis-saħħa ta’ dan l-Avviż Legali, insibu istanzi fejn l-avukat tat-tfal jista' jinħatar kemm fuq talba ta’ xi parti jew tal-medjatur kif ukoll meta l-Qorti meta tħoss il-ħtieġa. F’dan ir-rigward issir riferenza ghar-Regolament 4 (3) tal-istess Avviż Legali li jitratta l-awtorizazzjoni sabiex jinbdew proċeduri għal separazzjoni personali jew għal divorzju fejn kemm jekk il-Qorti thoss li hekk hemm bżonn jew minn jeddha jew fuq talba tal-medjatur jew ta’ xi wieħed mill-konjugi tista’ taħtar avukat tat-tfal biex jirrapreżenta l-interessi tat-tfal tal-partijiet li jkunu taħt l-età. Ir-Regolament 7 (2) jitratta l-kawżi ta’ firda personali u divorzju u jipprovdi li l-Qorti għandha tgħaddi biex taħtar avukat tat-tfal meta fil-fehma tagħha dan ikun meħtieġ fl-ahjar interess tat-tfal tal-konjugi li jkunu taħt l-età. Ir-Regolament 10 (2) jitratta x’jiġri f’kawżi oħra u jipprovdi illi malli jingħalqu l-proċeduri bil-miktub, il-Qorti għandha tgħaddi biex taħtar avukat tat-tfal meta fil-fehma tagħha dan ikun meħtieġ fl-aħjar interess tat-tfal taħt l-età tal-konjugi.”

Transport Malta — enforcement section - allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal sabiex il-ħaddiema tal-enforcement section fi ħdan Transport Malta tnaqqsulhom diversi allowances li kellhom u baqgħu ma ngħatawx dawn l-allowances fil-paga li kellhom matul din is-sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma tnaqqsu l-ebda allowances li kienu ntitolati għalihom l-impjegati fid-Direttorat tal-Enforcement.

Żejtun — servizz tal-Arriva

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra tibdil speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu Żejtun fejn għandu x’jaqsam is-servizz tal-Arriva minħabba l-fatt li issa fiż-Żejtun m’għadx hemm venda u qed ikun hemm ħafna aktar nies jistennew fuq l-istages sabiex jirkbu, speċjalment fil-ħinijiet ta’ filgħodu? Jikkunsidra li jkun hemm servizz aktar frekwenti f’dawn il-ħinijiet anke minħabba l-fatt li xi drabi l-karozza tkun mimlija u ma jkunx hemm spazju għal min irid jitla’ miż-Żejtun?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament hemm ħames rotot li jipprovdu servizz lir-residenti taż-Żejtun li huma: · Rotot 81 u 84 li jipprovdu servizz lejn il-Belt Valletta u li bejniethom jipprovdu servizz ta’ 4 karozzi fis-siegħa · Rotta 135 li tipprovdi servizz lejn Ħal Għaxaq, l-Ajruport, Marsascala u Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 60 minuta · Rotta 206 li tipprovdi servizz lejn Marsaxlokk u Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 90 minuta · Rotta X5 li tgħaqqad lill-lokalita' taż-Żejtun ma’ Marsaskala, Għaxaq, Gudja, l-Ajruport ta’ Malta, Luqa, Marsa P&R u l-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta. Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta tistabbilixxi l-ħin li passiġġier għandu jdum jistenna fuq kull rotta, iżda huwa kompitu ta’ l-operatur li jara li jipprovdi skedi li huma adegwati għar-rekwisiti tal-passiġġiera u li jkun hemm xarabanks biżżejjed fuq kull rotta sabiex jinżamm il-ħin ta’ stennija stipulat mill-Awtorità. Madanakollu, minn moniteraġġ li għamlet Transport Malta ġie nnutat li f’ċertu ħinijiet, l-ammont ta' vjaġġi li saru fuq dawn ir-rotot ma’ laħqux mad-domanda ta’ passiġġieri. Għaldaqstant, Transport Malta nnotifikat lill-operatur tat-trasport b’ dan ir-riżultat bil-għan li l-operatur jieħu l-passi neċessarji, filwaqt li Transport Malta ser tkompli timmoniterja dawn ir-rotot.

Żona tal-Housing Estate ta' Ġebel San Martin — servizz tal-Arriva

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31844 u wara li jiena kkonfermajt mar-residenti taż-żona tal-Housing Estate ta’ Ġebel San Martin, ġie konfermat li l-ħtiġijiet ta’ din iż-żona huma ħafna aktar minn dak li hemm fil-preżent, jikkunsidra l-Ministru li jagħti s-servizz li dawn l-istess residenti kellhom qabel bdiet topera l-kumpannija Arriva li għal dawn ir-residenti s-servizz mar lura u mhux 'il quddiem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja ta’ din it-talba iżda preżentament mhux qed isiru tibdil fir-rotot sabiex jingħata ċans li s-servizz jistabbilizza ruħu. Infurmat ukoll li l-Awtorità qed tikkunsidra kull soluzzjoni sabiex jingħata servizz aħjar f’din iż-żona.

mediċini għal pazjenti bid-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'huma l-proċeduri li issa baqa' biex il-mediċini għall-pazjenti li jbatu bid-dimentia jkunu aċċessibli għall-użu tagħhom? Tħejja xi protokol għal dan ir-rigward u jekk huwa l-każ, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ €200,000 biex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċina li bħalissa qiegħda fil-Formularju tal-Gvern ser tibda tingħata għall-kura tad-dimenzja kif tiġi ntrodotta uffiċjalment r-riforma ta’ Skeda V, jiġifieri mis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. Applikazzjonijiet ta’ mediċini ġodda li mhux fil-Formularju għall-kura tad-dimenzja jibdew jiġu evalwati u kkunsidrati għall-inklużjoni fil-Formularju tal-Gvern.

strateġija nazzjonali tad-dimentia

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani fiex wasal il-pjan għall-istrateġija nazzjonali tad-dimentia? Kemm-il laqgħa saret dwar dan il-pjan matul l-2011 u bejn min u għal liema aspett tad-dimentia saru dawn il-laqgħat ? Kemm rapporti ġew konklużi sabiex jiġu attwati f'din l-istrategija u meta ġew konklużi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-pjan għall-Istrateġija Nazzjonali tad-Dimentia qiegħed fi stat avvanzat. Saret konsultazzjoni wiesgħa u se jitressaq quddiem il-kabinett.

Footballer li weġġa' waqt partita

Question

B'referenza għall-footballer li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, ta' nazzjonalità Indjana imma li trabba f'pajjiżna mit-tfulija, li ttieħed l-isptar bl-ambulanza wara li weġġa' u sofra concussion waqt partita tat-tielet diviżjoni tal-BOV league tal-Malta Football Association (Mdina K vs Marsaskala), jista' l-Ministru jara jekk dan iż-żagħżugħ - in vista tat-trobbija tiegħu f'Malta miċ-ċkunija tant li jitkellem b'Malti perfett u jqis ruħu bħala Malti, jistax jiġi eżonerat milli jħallas il-kont li ntbagħat lilu mill-Isptar Mater Dei tal-kura li rċieva fis-sigħat ta' wara l-partita de quo sa ma telaq mill-Isptar dakinhar stess?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant inħariġlu kont li jammonta għal €691.74. Għalkemm hu għadu joqgħod mall-ġenituri tiegħu, la għandu 'l fuq minn 18-il sena jiġi indipendenti minnhom. Biex l-ammont dovut ikun jista’ jiġi kkanċellat, il-pazjent irid ikun jaħdem u jħallas il-bolla hawn Malta. Biex dan ikun jista’ jiġi kkonfermat, il-pazjent ikun irid jipprezenta l-aħħar payslip jew inkella jkun jattendi ġo istituzzjoni edukattiva tal-Gvern bħall-MCAST/Universita eċċ. F’dan il-każ tkun trid tiġi ppreżentata ittra minn din l-istituzzjoni fejn tkun ikkonfermata l-attendenza tal-pazjent. Jekk din il-persuna la taħdem u lanqas taddendi ġo xi stituzzjoni edukattiva tal-Gvern, l-ammont dovut ikun irid jiġi mħallas.
Leg 11 PQ #32599 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Gżira/Sliema — Noah's Ark

Question

Tista' l-Ministru tivverifika jekk l-iskola Noah's Ark Gżira/Sliema għandhiex il-permessi kollha biex topera skola, tospita in-numru ġust ta' tfal, għandhiex il-faċilitajiet ta' żvog u rikreazzjoni kif suppost waqt il-break? Hemm xi ħadd kwalifikat għall-PE u hemm biżżejjed post fil-bitħa għall-attivitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Noah's Ark Gżira/Sliema mhux irreġistrat mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol, la bħala skola, la bħala kindergarten u l-anqas bħala childcare centre. L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jgħaddi iktar informazzjoni dwar dan l-istabbiliment biex tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Sptar Mater Dei — Pyschiatric Unit - Television

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fejn jieklu u jkunu l-pazjenti tal-Pyschiatric Unit fl-Isptar Mater Dei ilhom ġimgħa mingħajr television? Jista' jara li dawn il-pazjenti jkollhom dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-television tal-pazjenti tal-Psychiatric Unit fl-isptar Mater Dei ma jistax jiġi rranġat għax mhux aktar possibli li jinstabu l-ispare parts għalih. Għaldaqstant tqiegħed television ieħor minnufih.

Liċenzja għal Security

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Avviz Legali 66 tal-2012 li ħareġ fid-9 ta' Frar 2012 hux se jerġa' jinbidel? Dan għaliex securities u bouncers qed japplikaw għal din il-liċenzja ġdida u qegħdin jiġu infurmati mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija li l-ewwel iridu jagħmlu kors ieħor, meta l-avviz legali msemmi jgħid ċar u tond li min jissottometti l-applikazzjoni qabel il-31 ta' Marzu 2012 m'għandux għalfejn jagħmel kors ieħor? Jista' l-Ministru jgħid jekk hiex se tgħola l-ħlas tal-liċenzja meta kulħadd jaf x'miżerja ta' pagi għandhom dawn l-impjegati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Mhuwiex maħsub li se jkun hemm xi emendi għall-Avviż Legali 66 tal-2012. Ninsab infurmat illi fil-fatt dawk il-persuni li ser japplikaw għal-liċenzji fil-kategoriji l-ġodda skont Regolament 3 tal-istess Avviż Legali mhux qed ikunu mitluba jagħmlu kors ieħor. Fir-rigward tal-prezz tal-liċenzji, nixtieq ninforma lill-Onovervoli Interpelant illi ma hemm l-ebda ħsieb illi dan jogħla.

Ċentru Ħidma Soċjali — Taqsima għall-Għomja - regolamenti ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar daħlux xi regolamenti ġodda fit-tmexxija taċ-Ċentru Ħidma Soċjali - Taqsima għall-Għomja? Jekk iva, jista' l-Ministru jispeċifika x'regolamenti ġodda daħlu u għaliex? Jekk le, jista' jgħid għaliex il-klijenti qed jiġu ssikkati fl-attività tagħhom hemmhekk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għanijiet taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum huma li l-persuni li jattendu, ikollhom ħajja aħjar kif ukoll jibbenifikaw minn taħriġ li jgħinhom sabiex ikunu aktar indipendenti matul ħajjithom. Għaldaqstant qed jiġu strutturati il-programmi li jsiru matul il-ħinijiet fiċ-Ċentru. Il-klijenti taċ-Ċentru Ħidma Soċjali - Taqsima għall-Għomja qed jigu inkoraġġati wkoll biex jieħdu sehem f’dawn il programmi li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalihom. Għaldaqstant ma daħlu l-ebda tip ta’ restrizzjonijiet, anzi il-klijenti qed ikollhom iktar ċans li jieħdu sehem f’attivitajiet bħal pottery classes u ħruġ inklussiv fil-komunità.

Manikata — rotta 47

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Manikata, rotta numru 47 ġie mwaqqaf? Jista' l-Ministru jieħu passi biex isiru alternattivi ta’ trasport pubbliku mill-Manikata peress li f’din is-sitwazzjoni kważi impossibbli biex it-tfal jaslu l-iskola fil-ħin? Jista’ jgħid meta din is-sitwazzjoni se tirranġa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-passiġġieri tal-Manikata għandhom servizz permezz tar-Rotot 101 u 102 li bejniethom għandhom frekwenza ta’ kull 30 minuta. Permezz ta’ dawn ir-rotot, l-passiġġieri jistgħu faċilment jibdlu r-rotot billi: · Jieqfu l-Imġarr u minn hemm għandhom l-possibilitajiet li jirkbu - Rotta 23 lejn il-Belt Valletta via tas-Sliema li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta - Rotta 44 lejn il-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta - Rotta 244 lejn l-isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 60 minuta · Jieqfu l-Mellieħa u minn hemm għandhom diversi possibilitajiet ta’ rotot fosthom: - Rotta 41 lejn il-Belt Valletta via Mosta u B’ Kara bi frekwenza ta’ kull 30 minuta - Rotta X1 lejn l-isptar Mater Dei u l-Ajruport ta’ Malta bi frekwenza ta’ kull 60 minuta - Rotta X6 lejn il-Belt Valletta via l-Ħamrun bi frekwenza ta’ kull 60 minuta - Rotta 221 lejn Buġibba bi frekwenza ta’ kull 20 minuta - Rotta 222 lejn San Ġiljan u tas-Sliema bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.

San Pawl il-Baħar — traffiku ddevjat minn toroq differenti

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk Transport Malta jistgħux jikkunsidraw li meta Mosta Road San Pawl il-Baħar tingħalaq għal xogħlijiet jew xi attività oħra, it-traffiku lejn il-Belt jiġi ddevjat minn Triq Parades u t-traffiku fid-direzzjoni l-oħra minn Triq San Ġorġ? B’dan l-arrangament, tista’ Triq San Ġwann Battista tibqa' kollha one-way?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.

Sliema — Savoy - xelter fil-bus terminus

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi sabiex Transport Malta tibni xelter fil-bus terminus tas-Savoy, Sliema peress li kelli ħafna ilmenti minn residenti tal-lokal u n-nuqqas ta’dan is-servizz huwa inkovenjent serju, partikolament għall-anzjani ta’dan il-lokal?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi Transport Malta hija konxja ta’ dawn l-ilmenti u huwa ppjanat li dan il-bus shelter se jitwaħħal aktar tard din is-sena wara li jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa.

xogħol ta' service providers

Question

B'referenza għall-korsijiet tal-IT li kienu/għadhom jingħataw mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li kumpaniji li jagħmlu x-xogħol ta' service providers jiġux ikkunsidrati għall-għotja ta’ kuntratt kif jingħata lill-individwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-taħriġ kollu li tagħmel l-ETC jingħata minn instructors li jiġi magħżula permezz ta’ sejħat għal tender. Għaldaqstant dan it-taħriġ qed jingħata diġà min-nies li huma fuq bażi ta’ self-employed. L-ETC ma tagħmilx distinzjoni bejn jekk minn qed joffri t-taħriġ hix kumpanija jew individwu.