Legislature:
Category:
Reset
Active:

statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija u allura jekk kienx hemm tibdil fix-xogħol li jidħol hemm minħabba l-monti tal-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward il-prodott dikjarat imdaħħal fil-Pitlklija.

monti tal-bdiewa — bdiewa li ma baqgħux jarmaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm f'Diċembru 2011 bdiewa li jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u jekk hemmx applikazzjonijiet ta' aktar bdiewa li jridu jibdew jarmaw? Jista' jgħid jekk kienx hemm bdiewa li bdew jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u għal xi raġuni jew oħra ma baqgħux? X'kienu r-raġunijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li f’ Dicembru li għadda kien hemm 38 bdiewa u raħħala jarmaw fis-suq tal-bdiewa. Mill-grupp oriġinali li kienu jarmaw fis-suq, kien hemm numru ta’ bdiewa li ma baqgħux jarmaw għal ruġunijiet varji. Kien hemm bdiewa li għal raġunijet personali waqfu minn rajhom filwaqt li oħrajn kien instab li kisru r-regolamenti u ttieħdilhom il permess li jarmaw. Fl-stess perjodu kien hemm numru ta’ applikazzijonijiet minn bdiewa li urew ix-xewqa li jarmaw f’dan is-suq liema applikazzjonijiet qed ikunu pproċessati.
Leg 11 PQ #32303 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal facilitator

Question

Jista' l-Minsitru jara l-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat għal facilitator imma s'issa għadha bla risposta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-applikazzjoni daħlet għand l-Istatementing Moderating Panel f’Jannar 2012 u ser tiġi proċessata matul din is-sena skolastika.

Residenza San Vinċenz de Paul — talba għal sodda partikolari

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31354, filwaqt li l-familja japprezzaw dak kolli li l-istaff jagħmel, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li hija x-xewqa tal-pazjent li jkollu sodda kif kellu d-dar mogħtija b'self mill-Community Chest Fund li kienet bir-remote control?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-assessments li saru mit-terapisti li jieħdu ħsieb il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, fl-opinjoni tagħhom, din il-persuna m’hijiex sejjer tibbenifika minn electrical bed (remote control bed). Kif intqal f’risposta preċedenti, qegħda tittieħed kull miżura possibbli sabiex il-persuna tkun komda u tingħata l-kura bl-aħjar mod fl-interess tagħha. M’hemm l-ebda oġġezzjoni jekk il-familjari iridu jagħmlu talba mall-Community Chest Fund għal sodda.

informazzjoni dwar suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm attentati ta’ suwiċidju fl-2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? X’etajiet kellhom il-persuni li ppruvaw jagħmlu dawn l-attentati ta’ suwiċidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31850.

Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali — care orders

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30589, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkmandazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Istandards fil-Ħarsien Soċjali rigward il-care orders?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ir-rwol tad-Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali huwa dak ta’ regolatur. Saħansitra d-dipartiment jisma’ l-oġġezzjonijiet tal-ġenituri skont l-Att dwar Tfal u Żgħażagħ. Huwa l-Bord Konsultattiv dwar it-Tfal u ż-Żgħażagħ li jagħmel rakkmandazzjonijet fuq kull każ ta’ care order.

talba għal home help

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet li jiżdiedu s-sigħat tal-home help peress li l-qagħda tagħha marret għall-agħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz tal-Home Help reġa ra l-każ imsemmi fit-23 ta’ Frar 2012 u approva żieda ta’ siegħa fil-ġimgħa.

applikazzjoni għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tefgħet l-applikazzjoni tagħha għand l-Uffiċċju tas-Sigurtà Soċjali imma s'issa għadha ma kellha l-ebda dħul?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba tal-persuna konċernata ġiet mistħarrġa u se tirċievi risposta bil-miktub mid-dipartiment.

informazzjoni dwar konsum ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm users (mingħajr ma ningħata ismijiet) li jikkunsmaw ilma li jeċċedi 40,000 m3 fis-sena? Jista' jikkonferma li f’dan il-każ dawn iħallsu rata preferenzjali ta' €1.75 kull m3 minflok €2.10 għal kull m3 għal min jikkonsma 168m3 jew anqas? Il-gvern għandu stimi ta’ kemm hemm ilma li qed jiġi pumped bla ħlas mill-boreholesu dan f’termini ta’ m3? Dan jgħodd ukoll għall-konsum tal-elettriku? Jekk iva, l-impjanti tar-reverse osmosis jibbenefikaw minn dawn ir-rati sussidjati?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li iva, l-impjanti tar-reverse osmosis flimkien mal-konsum kollu tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jibbenefikaw mir-rata baxxa ta’ dawk li jikkonsmaw aktar minn 5 miljun unit għalhiex il-konsum tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jiġi aggregat biex jibbenefikaw mill-irħas rata li għandha l-Korporazzjoni Enemalta.

informazzjoni dwar ditta partikolari

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk u x’tip ta' xogħol tagħmel id-ditta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għall-Ministeru? Kemm ilha tagħmel dan ix-xogħol? Kif intgħażlet? Fi żmien iċ-CHOGM kemm tħallset? Kemm tħallset kull sena minn dak iż-żmien 'il hawn?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ditta msemmija tagħmel xogħol ta' Events Management. Fis-snin 2005 u 2006 tħallset Lm3,428 u Lm1,298 rispettivament għal xogħol konness maċ-CHOGM u fl-2008 tħallset €6,844. Dawn saru b'ordni diretta. Fl-2010 tħallset €2,950 wara ksib ta' quotations. L-aħħar żewġ pagamenti kienu għal xogħol fuq żewġ konferenzi oħra.

informazzjoni dwar konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jindika l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fuq kemm-il bord qed iservi bħalissa ta’ entitajiet li għandhom f’xi mod jew ieħor sehem tal-gvern kif ukoll xi konsulenzi li jista’ qed jipprovdi lill-Ministeru u/jew xi entitajiet governattivi u/jew parastatali wkoll? X’inhu l-ħlas flimkien ma' benefiċċji oħrajn f’kull każ partikolari u b’seħħ minn meta bdew dawn il-ħatriet individwalment? Għandu xi arranġamenti kuntrattwali f’xi każijiet partikolari?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Imsida — Misraħ il-Barrieri - ilment rigward razzett

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti varji li daħluli mingħand għadd ta' residenti fl-inħawi dwar razzett li ilu fi stat ta' abbandun fin-naħa ta' fuq tat-tarf ta' Misraħ il-Barrieri, l-Imsida li apparti milli qed iservi ta' eye sore, qed jieħu spazju kważi ta' nofs it-triq hekk kif ġiet żviluppata peress u li ninsab infurmat li dan is-sit m'għandu l-ebda valur storiku jew arkitettoniku?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern se jieħu l-passi meħtieġa biex kemm jista’ jkun malajr tara x’inhu l-aħjar mod li tista’ tiddisponi minn din il-proprjetà u fl-istess ħin ikun jista’ jitneħħa l-inkonvenjent li qed jinħoloq bil-parti li qed tisporġi fit-triq.

energy performance certificates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu s’issa energy performance certificates xahar b’xahar f’din l-aħħar sena a) għal dwellings; u b) għal non dwellings? Jista' jgħid ukoll kemm daħħal flus il-gvern mis-sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn iċ-ċertifikati s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, ninfurmah li min din is-sistema ta’ registrazzjoni il-Gvern daħħal tnejn u ghoxrin elf u tmien mitt Euro (€22,800) matul dan l-istess perjodu fuq total ta’ 304 ċertifikat maħruġ.

Tribunali tar-Reġjuni — impjegati bi ħlas ta' self employed

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex ċerti impjegati tat-Tribunali ta' ċertu reġjuni dan l-aħħar tħallsu ta' self-employed meta dawn l-istess impjegati m'humiex registrati bħala self-employed mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Jista' jgħid meta dawn l-impjegati se jiġu impjegati mar-reġjun u ġaladarba dan isir, jista' l-Ministru jiggarantixxi li s-salarju tagħhom isir dejjem u fil-ħin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bis-saħħa ta’ l-Art. 25 tar-Regolamenti dwar il-Kumitati Reġjonali permezz tal-Avviż Legali Nru 320/ 2011, illi “Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-artikolu 110(6) tal-Kostituzzjoni, il-Kumitat jista’ jaħtar lil dawk l-impjegati l-oħra hekk kif il-Kumitat jidhirlu meħtieġa għall-qadi effiċjenti tal-funzjonijiet tal-Kumitat, b’dan illi l-Kumitat ma jistax jimpjega mingħajr l-approvazzjoni tad-Direttur.” Għalhekk id-Dipartiment Għall-Gvern Lokali ħareġ Memo 7/2012 illi jistipola il-kriterji tal-ingaġġi ta’ nies mal-Kumitati Reġjonali. Id-Dipartiment huwa infurmat li l-impjegati kollha li taw is-servizzi tagħhom lill-Kumitati Konġunti rċevew is-salarju tagħhom kemm tax-xahar ta’ Jannar kif ukoll ta' Frar 2012, mill-Kumitat Reġjonali rispettiv tagħhom. Minn informazzjoni li għandu d-Dipartiment, jirriżulta illi xi Kumitati Reġjonali assorbew nies illi sa issa kienu, jew impjegati mal-Kumitati Konġunti preċedenti, jew ma' kumpaniji illi jipprovdu servizzi lill-Kumitati Konġunti, jew ħaddiema fuq bażi ta’ ‘ self employed’ mal-Kumitati Konġunti, jew inkella ġew issekondati minn xi Kunsill Lokali. Intant ninfurmak li garanzija tas-salarju tista’ tingħata biss mill-Kumitat Reġjonali. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali dejjem esiġa li s-salarji dovuti jitħallsu fil-ħin. Jekk impjegat hu self employed jew le, kull Kumitat Reġjonali għandu jara li jimxi skont il-liġi.
Leg 11 PQ #32460 Sitting 456 2012-03-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32025 dwar talba lill-Kummissjoni Ewropea biex tirraporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali t'Għawdex, u b'mod partikolari dwar l-inugwaljanza fil-livelli ta' żvilupp soċjali u ekonomiku bejn Għawdex u Malta kif imniżżel fid-Dikjarazzjoni dwar Għawdex annessa mat-Trattat ta’ Sħubija, jista’ l-Prim Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tal-gvern jekk il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax li tevalwa t-talba li jagħmel il-gvern? Jista’ jgħid jekk din it-talba da parti tal-gvern tfissirx li l-gvern aċċetta li Malta mhijiex se tidħol taħt Objectiv One għall-Programm Baġitarju tal-EU għal 2014-2020? Jista' l-Prim Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' statistika dwar Għawdex li għandu jintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-gvern jifhem li ġaladarba ssir it-talba minn Malta, l-kummissjoni għandha l-obbligu li tevalwa din it-talba. Din it-talba ser ssir mingħajr preġudizzju għall-eliġibiltà ta’ Malta taħt il-Politika ta’ Koeżjoni, bil-għan li jiggarantixxi l-għajnuna li ħaqqha Malta għall-perjodu 2014-2020. Ta’ min jinnota li dan is-suġġett ser jifforma parti minn ftehim globali fuq il-Baġit tal-UE għal perjodu 2014-2020 u li huwa mistenni li jintlaħaq sa l-aħħar ta’ l-2012. Nixtieq ukoll niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l- Objective One ma baqax jeżisti wara 2006 u ġie sostitwit bl-għan ta’ konverġenza. Rigward ir-rapport li qed jiġi mħejji mill-gvern, ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-istatistika ġiet kompjuta forma ta’ rapport, liema abozz qiegħed jiġi eżaminat. Dan ir-rapport se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif jitlesta.

ħaddiema fis-settur tas-saħħa u xogħol soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-saħħa u xogħol soċjali f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32456.

ħaddiema fis-settur tal-Edukazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tal-Edukazzjoni f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32456.

ħaddiema fis-settur tal-lukandi u ristoranti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tal-lukandi u ristoranti f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32456.

taxxa tal-VAT — ħlasijiet ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2011 kemm kien in-numru ta' kumpaniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar il-ħlasijiet ta' arretrati dovuti fil-każ ta' taxxa tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li kien hemm 100 persuna reġistrata li għamlu proposti ta’ ħlasijiet ta’ arretrati ta’ VAT li ġew aċċettati mid-Dipartiment tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.

taxxa tal-Income — ħlasijiet ta' arretrati dovuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-2011 kemm kien in-numru ta' kumpaniji jew persuni li ffirmaw ftehim dwar il-ħlasijiet ta' arretrati dovuti fil-każ ta' taxxa tal-Income?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32479.