Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31619 u jgħid x'servizz qed jiġi offrut mill-Arriva lir-residenti li joqogħdu ġewwa Wied il-Għajn fiż-żona magħrufa bħala s-Siberja? Hemm il-ħsieb li dan is-servizz jiġi mtejjeb speċjalment fejn għandha x'taqsam il-frekwenza tas-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 31079, ninsab infurmat li kemm ir-rotta X5 li tmur il-Belt Valletta u li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta, kif ukoll ir-rotta 135 li tmur l-isptar Mater Dei u li għandha frekwenza ta’ kull 60 minuta jgħaddu qrib l-inħawi magħrufa bħala tas-Siberja, jiġifieri minn Triq Qaliet.
Infurmat ukoll li preżentament qed tiġi mistħarrġa l-possibbilta’ li s-servizz tat-trasport pubbliku offrut ikun imtejjeb għaż-żona msemmija.
Pubblikazzjoni tal-Politika Nazzjonali dwar is-saħħa sesswali
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 28584, jista' l-Ministru jgħid jekk il-politika nazzjonali dwar is-saħħa sesswali ġietx pubblikata jew le? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'ħidma qed issir biex din ma tibqax biss fuq il-karta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali għall-Gzejjer Maltin kienet varata f’Novembru 2010. .Kif kien ippjanat fil-Politika Nazzjonali, f’Novembru 2011 kienet imneddija l-istrateġija Nazzjonali li elenkat il-miżuri li jridu jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet tal Politika Nazzjonali. F’din l-istrateġija hemm numru ta’ miżuri li diġà qed jiġu mwettqa jew li hu pjannat li jiġu mwettqin fis-snin li ġejjin. Fl-estimi nazzjonali għal din is-sena hemm vot speċifiku li huwa ddedikat għall-implimentazzjoni ta’ miżuri minn din l-istrateġija.
Minn mindu ġiet imnedija l-istrateġija f’ Novembru tas-sena l-oħra dawn l-inizjattivi ġew jew qed jiġu implimentati:
Twaqqif ta’ Kumitat biex jissorvelja l-implimnetazzjoni.
Seminar ta’ tlett ijiem għat-taħriġ tal-professjonisti minn oqsma differenti.
Inizjattivi għall-promozzjoni tas-saħħa sesswali.
Bidu ta’ ricerka dwar l-attitudnijiet sesswali u il-prattiċi fl-adulti ( Frar 2012).
Preparazzjoni ta’ pakkett informattiv għal kull min jaħdem fil-qasam tal-midja.
Inħarġet
tender
li bħalissa qed tiġi evalwata biex jiġi imwaqqaf sit elettroniku interattiv fuq is-saħħa sesswali.
Inbdiet sistema ta sorveljanza ta’ infezzjonijiet bil-Chlanidya bil-parteċipazzjoni ta numru ta’ tobba tal-familja.
Wasal biex jiġi finalizzat ix-xogħol meħtieg biex il-klinika Ġenito-Urinarja li hemm fl-Isptar Sir Paul Boffa tiċċaqlaq lejn l-isptar Mater Dei
Qed jitfasslu pjanijiet biex isir aktar taħriġ għall-professjonisti.
Furjana — Triq l-Argotti - Xogħol fuq iż-żewġ binjiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32467, jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq iż-żewġ binjiet l-oħra fi Triq l-Argotti l-Furjana?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi x-xogħol fuq Block B huwa lest.
Block A it-tender għal finishing huwa lest u se jiġi ppubblikat fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-kuntratt għall-istallazzjoni tal-lift ikopri t-tliet blokki u jibda fit-12 ta’ Marzu, 2012, u jagħlaq fit-18 ta’ Ġunju, 2012.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32475 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta u jara li meta jsir ir-restwar tal-Palazz fuq in-naħa ta' fuq ta' Triq il-Merkanti l-Belt, meta jsir l-iscaffolding, l-ispazju riservat għall-bejjiegħa tal-monti jiġi estiż 'il fuq minn Triq it-Teatru u mhux 'l isfel minn Triq l-Arċisqof?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor.Interpellant li ħadt nota tal-proposta tiegħu, iżda rrid ninfurmah ukoll li l-arranġamenti għadhom qed jiġu diskussi.
qasam tal-kura tal-anzjani — impjieg ta' social assistants
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32466 u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu impjegati social assistants fil-qasam tal-kura tal-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ingaġġ kollu mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità jsir skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll skont kif maqbul mal-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u l-Public Administrtion HR Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31964 u jgħid kemm-il pazjent bid-dementia se jingħata kura b'xejn matul din is-sena? Kemm huma vvutati flus għal dan il-għan? Jekk mhemmx biżżejjed flus ivvutati fuq liema kirterju se jintgħażlu l-pazjenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li kif kien imħabbar fid-Diskors tal-Budget 2012, hemm fondi ta’ mitejn elf Ewro (€200,000.00) sabiex jibdew jingħataw il-pilloli tad-dimenzja b’xejn. Mediċini li bħalissa qegħdin fil-Formularju tal-Gvern se jibdew jingħataw għall-kura tad-dimenzja.
Il-liġi li temenda l-iSkeda V tal-Att tas-Sigurtà Soċjali (AH 1/2012) għaddiet mill-Parlament fit-3 ta’ Frar 2012, u se tiġi fis-seħħ fis-27 ta’ Marzu.
F’dan l-istadju bikri mhuwiex possibli li wieħed ikun ċert kemm se jintnefqu flus.
Kull min għandu d-dimentia huwa intitolat għal xi forma ta’ mediċini li jinstabu fuq il-formolarju tal-gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31394 u jgħid kemm-il arloġġ hemm fuq il-bus stops f'pajjiżna? Fl-aħħar spezzjoni, kemm minnhom instabu in working order?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent hemm 34 arloġġ fuq diversi bus stops madwar Malta u Għawdex. Minn dawn l-arloġġi, 29 qed jiffunzjonaw tajjeb filwaqt li l-5 l-oħra qed issir manutenzjoni fuqhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-catchment tal-Health Centre ta' Ħal Qormi, jiġifieri Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ, hux jinkorpora lokalitajiet oħra? Veru li qed jintbagħtu nies għal servizzi f'din il-health centre minn lokalitajiet oħra? Jekk iva għaliex u x'impatt qed ikollu fuq s-servizzi li diġà jingħataw minn din il-health centre, jiġifieri fuq ir-residenti ta' Ħal Qormi, Siġġiewi u Ħaż Żebbuġ u fuq ir-riżorsi umani li jagħtu s-servizz? Jista' jgħid jekk ġiex studjat jekk jistgħux per eżempju jinħolqu waiting lists għas-servizzi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi jieħu ħsieb jagħti xi servizzi lil-lokalitajiet ta’ barra l-catchment area tiegħu. Dawn is-servizzi huma:
1.
Visti mit-tabib tal-familja fid-djar
Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, it-tabib imur ukoll jinvista n-nies ta’ Ħal-Luqa, Ħal-Kirkop, Hal-Safi, iż-Żurrieq, l-Imqabba u il-Qrendi li jaqgħu taħt il-
catchment area
tal-Furjana. Din il-miżura ittieħdet minn meta infetaħ iċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal-Qormi minħabba l-attivita’ baxxa u l-
catchment area
żgħira ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa ikkomparata ma’ dik tal-Furjana. Barra minn hekk huwa aktar prattikabli għax dawn l-irħula jinstabu aktar viċin Ħal-Qormi.
2. Visti tal-għajnejn (oftalmoloġija)
Minħabba li n-numru ta’ speċjalisti f’dan il-qasam huwa limitat, dan qiegħed jingħata minn tlett ċentri tas-saħħa biss, li wieħed minnhom hu dak ta’ Ħal-Qormi. Għalhekk pazjenti mil-
catchment area
ta’ Raħal Ġdid qed jattendu f’dan iċ-ċentru tas-saħħa.
3. Tehid ta’ demm lill-pazjenti
Barra Ħal-Qormi, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ, pazjenti mill-
catchment area
tal-Furjana u B’Kara qiegħed jiġu offruti li jinqdew minn dan iċ-ċentru fejn l-attivita’ hi ferm anqas u għalhekk iż-żmien biex jinqdew il-pazjenti jkun qasir.
Dawn is-servizzi mhux qiegħed joħolqu impatt hażin fuq l-istaff jew iċ-ċittadini tas- Siġġiewi, Ħal-Qormi u Ħaż-Żebbuġ.
Dan l-arrangament qiegħed issir biex ma jkunx hemm
waiting lists
hu għalhekk il-pazjenti jinqdew aktar malajr għall-ħtieġijiet mediċi tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jġib l-infermiera għas-sala l-ġdida li se tinfetaħ fl-Isptar Karen Grech, in vista tan-nuqqas ta' infermiera li s-settur tas-saħħa għandu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li qed jiġu ngaġġati infermiera mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità mir-riżultati li ġew ippublikati mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-23 ta’ Frar 2012, wara sejħa għal infermiera. Parti mill-infermiera ingaġġati qed jiġu allokati għall-Isptar Karin Grech.
settur tas-saħħa — impjegati li se jitnaqsilhom l-overtime
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jitnaqqas l-overtime li jingħata lill-impjegati fis-settur tas-saħħa minħabba l-miżura tat-tnaqqis ta' €8.5 miljuni mill-vot tas-settur? Jekk iva, liema huma l-impjegati u l-oqsma milquta fis-settur tas-saħħa u b'kemm? Jekk iva, jista' jgħid jekk hux se jintroduċi xi sistema ta' xogħol ġdida biex isir ix-xogħol li kien isir minn impjegati waqt il-ħin tal-overtime?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li, kif rikjest mill-Public Service Management Code (Sezzjoni 3.2.1.) l-overtime għandu jiġi utilizzat biss b’mod eċċezzjonali u li perjodikament għandu jiġi revedut l-overtime li qed isir, bil-għan li jiġi ekonomizzat l-overtime u tiżdied il-produttività b’mezzi oħrajn. Biex jintlaħaq dan il-għan, il-Ministeru, b’mod regolari, jagħmel moniteraġġ tal-overtime li qed jiġi utilizzat u jieħu l-azzjoni meħtieġa sabiex issir ekonomija mill-overtime kif rikjest mill-istess Public Service Management Code, u anke sabiex tintlaħaq il-miżura tat-tnaqqis ta’ €8.5 miljun.
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhi s-sistema jew prassi ta’ ġbir tal-arloġġi temporanji tad-dawl li jintużaw mill-gabbani/stands tal-festi wara li tintemm il-festa konċernata? Liema huma l-proċeduri li l-Korporazzjoni Enemalta qed tuża meta taqla’ dawn l-arloġġi temporanji tad-dawl minn fuq il-high tension wires li jkunu mqabbdin magħhom għall-istess użu tal-istess sidien tal-gabbani? Jekk dawn l-arloġġi jinġabru mill-istess ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta, dawn fejn qed jittieħdu/jinżammu sakemm jiġu rtirati mill-istess sidien? Jista’ jgħid ukoll jekk jeżistix xi tip ta’ reġistru fejn jiġi ffirmat l-isem tal-individwu u jekk tiġix irreġistrata l-karta tal-identità tal-istess individwu li jiġbor dan l-arloġġ mill-Uffiċċju/Distrett ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess biex jitneħħa s-servizz temporanju li jintuża għall-gabbani/stands tal-festi jikkonsisti billi ssir appuntament mal-klijent fuq is-sit, fejn hemmhekk jinqara il-meter u jiġi skonnettjat minn mas-sistema tal-elettriku. Il-konsumatur jieħu l-kaxxa bil-meter u jiffirma fuq il-formola. Meta l-appuntament ma jinżammx, ġeneralment il-kaxxa bil-meter tinqala’ minn nies tal-Enemalta u tittieħed f’uffiċċju tad-distrett ikkonċernata. Meta l-konsumatur jiġi biex jieħu l-kaxxa jintalab juri l- I.D. card tiegħu u jiffirma l-formola.
Programm Operattiv I tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea — Fond ta’ Koeżjoni
Question
Jista’ l- Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti diġà approvati taħt Programm Operattiv I tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Fond ta’ Koeżjoni - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-benefiċjarju f’kull proġett? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li se jibbenefika? Liema minn dawn il-proġetti diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew? Meta nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa, kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 — Foni Strutturali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti diġà approvati taħt Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Foni Strutturali - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-benefiċjarju f’kull proġett? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn il-proġetti diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew? Meta nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa u kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 — Fondi Strutturali
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-iskemi ta’ għajnuna diġà approvati taħt Programm Operattiv II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Fondi Strutturali - li minnhom se jibbenefika Għawdex? Min huwa l-intermediate body taħt kull skema? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn l-iskemi diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta nbdew? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa u kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
Programmi Operattivi I u II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 — Fondi Strutturali u Fond ta’ Koeżjoni
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi proġetti/skemi taħt il-Programmi Operattivi I u II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2013-2017 – Fondi Strutturali u Fond ta’ Koeżjoni – li huma proposti u li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Gvern li minnhom se jibbenefika Għawdex? Liema huma dawn il-proġetti/skemi? Kemm se jibbenefika f’kull każ? Meta mistennija li jiġu approvati mill-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Oneroveli Interpellant li d-diskussjonijiet dwar il-baġit u l-qafas leġislattiv għall-perjodu wara l-2013 għadhom għaddejjin.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32202, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni u jgħid kemm vetturi kummerċjali qasmu (a) minn Għawdex għal Malta u (b) minn Malta għal Għawdex bil-vapuri tal-Gozo Channel sena sena mill-2000 sas-sena 2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif separatament għaċ-Ċirkewwa u għal Sa Maison?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
MEPA — formula tal-NSO għal applikazzjoni ta' żvilupp
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32507 u jgħid x'inhi r-raġuni għala għal ċerta applikazzjonijiet għall-iżvilupp, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qed titlob li tiġi sottomessa ukoll il-formula tal-NSO?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija mitluba bil-liġi li tiġbor informazzjoni mitluba mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Din il-formola qiegħda tintalab fir-rigward ta' kull applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità mid-9 ta' Jannar 2012 'il quddiem.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32514 u 32248 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. Ninformha wkoll li rigward l-informazzjoni mitluba f’ l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 25309
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32513 u 32249 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-entitajiet pubbliċi li jagħmlu parti mid-dekasteru tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità huma l-Awtorità tas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Fondazzjoni Għas-Servizzi Mediċi (FMS).
Iċ-chairperson tal-OHSA għandha remunerazzjoni ta’ €13,976.00, filwaqt li l-kap eżekuttiv għandu remunerazzjoni ta’ €35,216, performance bonus sa’ 15 fil-mija, użu ta’ karozza u telephone ċellulari, health insurance, life insurance u expenses allowance.
Iċ-chairperson tal-FMS għandu remunerazzjoni ta’ €16,305, użu ta’ karozza u telephone ċellulari, u konnessjoni tal-internet. Il-kap eżekuttiv għandu remunerazzjoni ta’ €58,000.00, u l-użu ta’ karozza u telephone ċellulari. Il-Head Health Services għandu remunerazzjoni ta’ €40,575.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari. Il-financial controller għandu remunerazzjoni ta’ €42,000.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari. Il-Head Procurement and Contracts għandu remunerazzjoni ta’ €40,575.00, allowance għat-trasport u l-użu ta’ telephone ċellulari.