Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment li sidien tad-dgħajjes li b’riżultat ta’ ftehim milħuq bejn Transpor Malta u Sandy Yacht Marina Limited (Ta’ Xbiex Moorings) qedx jiġu charged mooring fees qawwija ħafna u sproporzjonati żżejjed f’mod li qed iċaħħadhom mid-dritt li jkomplu jgawdu d-delizju tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-mistoqsijiet parlamentari 32002 u 32451.
Mingħajr ebda preġudizzju għall-ftehim milħuq bejn Transport Malta u Sandy Yacht Marina Limited li inti wegibt għalih fil-mistoqsija parlamentari 32002, jista' l-Ministra jara li tingħata kunsiderazzjoni separata lis-sidien tad-dgħajjes iż-żgħar li ġew milqutin minn dan l-arrangament billi jsir arranġament alternattiv over and above li jkun jista' jakkomoda t-talbiet tagħhom f’parametri ferm aktar affordable u raġonevoli?
Fosthom hemm min qed jissuġġerixxi dan li gej :
Li jingħataw post alternattiv fejn jistgħu jibqgħu jgawdu d-delizzju tagħhom bħal perezempju lejn in-naħa tal-Msida – ovvjament kontra ħlas xieraq u adegwat;
Dan speċjalment meta jingħad li hemm għadd ta' postijiet vakanti fl-inħawi, speċjalment quddiem il-Busy Bee, Msida fejn hemm allegatament saħansitra nies li anke għadhom jħallsu l-miżata tal-irmiġġ fuq dgħajjes li kellhom u li ma għadx għandhom fil-pussess tagħhom u dan fuq proprjetà tal-gvern; u
Li jiġi investigat jekk hux minnu li kien hemm irmiġġi li saħansitra nbiegħu minn individwi għal somom li jeċċedu l-€2000 u ġieli aktar?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta hija konxja tal-bżonnijiet tas-sidien ta’ dgħajjes żgħar li kienu jirmiġġjaw fiż-żona li ngħatat b’konċessjoni lil Sandy Yacht Marina Limited. F’dan ir-rigward qegħda fil-proċess li tipprovdi żoni alternattivi ta’ rmiġġ kemm ġewwa Ta’ Xbiex kif ukoll fl-Imsida. Madankollu, dan il-proċess jieħu ftit taż-żmien minħabba li x-xogħlijet neċessarji jistgħu jsiru biss wara sejħa għall-offerti u li għandha toħorġ fil-ġranet li ġejjin.
Bħala parti minn dan l-eżerċizzju l-awtorità qed tistabilixxi l-użu tal-irmiġġi u l-pontoons li għandha f’diversi bajjiet. Fejn jinstab li persuna li għandha permess ta’ rmiġġ imma m’ għadhiex sid ta’ dgħajsa l-irmiġġ se jiġi allokat lil sidien ta’ dgħajjes oħrajn. L-awtorità ġieli waslulha rapporti li allegaw li xi persuni biegħu l-irmiġġi tagħhom iżda dan qatt ma ġie ppruvat fil-fatt.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32060 u jgħid kemm applikaw għall-medical lab scientists mal-Isptar Mater Dei wara s-sejħa li saret f’Jannar 2012? Meta mistennija jsiru l-interviews? Kemm mistennija jimtlew postijiet battala?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sejħa li għaliha qed issir referenza hija għal medical laboratory technologists fil-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, u li għal din is-sejħa ntlaqgħu 21 applikazzjoni.
Ġie kkonfermat illi sar xogħol preparattiv sabiex ikunu jistgħu jsiru l-
interviews
. Il-postijiet battala jimtlew skont l-esġenzi tas-Servizz Pubbliku u skont kif approvat mill-Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
MCAST — studenti Għawdxin li ma rċevewx iċ-ċertifikat
Question
Fir-rigward tal-gradwazzjoni tal-istudenti Għawdxin fl-ICT fl-MCAST li saret fis-7 ta' Frar 2012, tista' l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li allegatament minkejja li kellhom jaqsmu lejn Malta għal din iċ-ċerimonja f’temp mqalleb ħafna, baqgħu mingħajr ċertifkat? X’wassal lill-Kap tal-MCAST biex jgħidilhom jieħdu ftit paċenzja – fil-ħin li kienu qed jitqassmu ċ-ċertifikati – għax iċ-ċertifikat kienu se jirċevuh aktar tard? Għalfejn kienu l-istudenti Għawdxin biss li ma ngħatawx ċertifikat meta l-korsijiet huma ekwivalenti għall-oħrajn simili? X’inhi r-raġuni li sat-28 ta' Frar 2012 meta saret din il-mistoqsija ċ-ċertifikat kienu għadhom ma rċevewhx?Meta se jirċevuh?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32565.
Jista' l-Ministru jara x'sar mill-applikazzjoni ta' koppja miżżewwġa, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li applikaw mal-Awtorità tad-Djar?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tas-Sinjuri msemmija daħlet għand l-Awtorità tad-Djar fid-9 ta’ Frar 2012 u għadha fil-fażi inizjali. Bhħlissa, qed issir ir-riċerka sabiex jiġu stabbiliti x-xogħlijiet neċessarji, kif ukoll tinġabar informazzjoni dwar l-assi u d-dħul tal-applikanti biex b’hekk jiġi deċiż jekk l-applikanti jikkwalifikawx taħt il-kundizzjonijiet tal-iskema u kemm huwa l-persentaġġ tal-għajnuna li jikkwalifikaw għalih.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li kellu jidher quddiem il-bord għall-għajnuna soċjali u għalkemm ċempel u ġew it-tobba jarawh id-dar, irċieva karta li se jaqgħtuh għax ma attendiex mingħajr ma avża, liema avviż huwa żbaljat? Jista' l-Ministru jara l-każ u jinħareġ iċ-ċekk għax dan jinsab bla dħul?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li l-persuna ikkonċernata se tiġi infurmata permezz ta’ ittra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet fl-għelieqi tal-Wilġa ġewwa Ħal Għaxaq? Hemm permess għall-bini? Jekk iva, x'inhu l-permess?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Pjan Lokali approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jidentifika ż-żona Tal-Wilġa ġewwa Ħal Għaxaq bħala sit riservat għall-Faċilitajiet Edukattivi għal żewġ skejjel skond il-policy SMGH 06. M'hemm l-ebda permess maħruġ però l-Awtorita' għandha l-applikazzjoni (PA 6738/06) għall-bini ta' kulleġġi mill-Komunità tad-Dumnikani u mill-Komunita tal-Qalb ta' Ġesù. Din l-applikazzjoni għadha qed tiġi pproċessata.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31798 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, fejn din qed titlob li tbiddel id-dar għal post ieħor li ma jkunx isfel?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet allokata l-fond fejn toqgħod nhar il-25 ta’ Jannar, 2010. Għaldaqstant l-Awtorità tad-Djar ma tistax tikkunsidra t-talba tagħha għat-tpartit peress li għadhom m’għaddewx tliet snin mid-data tal-kuntratt.
ċens fuq proprjetà li kienet tal-knisja u saret tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jindaga fuq każ partikolari ta' inkwilin li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, dwar ċens fuq proprjetà li kienet tal-Knisja, liema ċens kien jitħallas fuqu €46.60 fis-sena u liema ċens ħames snin ilu meta l-inkwilin mar iħallas sab li sar €174.75 u dan minħabba li l-proprjetà għaddiet f'idejn il-Gvern mill-Knisja mingħajr l-ebda notifika bil-miktub jew verbalment, iżda ġiet ippubblikata biss fil-Gazzetta tal-Gvern, meta mhux kulħadd jixtri jew jaqra din il-gazzetta?
Peress li minħabba dan il-każ partikolari, l-inkwilin sabiex jifdi dan iċ-ċens se jkollu jħallas is-somma ta' mhux anqas minn €17,000, jaħseb il-Ministru li din is-somma hija ġusta? Jista' l-Ministru jara li dan l-inkwilin jiġi kkuntattjat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi iċ-ċens dovut fuq il-proprjetà tal-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament ma ġiex rivedut għas-sempliċi raġuni li l- proprjetà għaddiet għand il-Gvern imma għax hekk hemm stipulat fil-Kuntratt oriġinali. Fil-fatt, din il- proprjetà għaddiet għand il-Gvern bħala parti mill-Ftehim tal-1991 ta’ bejn is-Santa Sede u l-Istat ta’ Malta, waqt li iċ-ċens ġie rivedut b’ effett mid-9 ta’ Lulju 2011, jiġifieri f’ għeluq il-25 sena bil-bidu taċ-ċens, peress li fil-kuntratt tal-1976, hemm imniżżel li ċ-ċens temporanju huwa rivedibbli kull 25 sena u din ir-reviżjoni hija bażata fuq il-minimum wage standard paragunata ma’ ta’ dakinhar tal-kuntratt.
Rigward il-punt imqajjem mill-Onorevoli Membru dwar il-publikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern, qed nassumi li qed jirreferi għar-reviżjoni taċ-ċens u din ma tkunx ippublikata fl-ebda gazzetta lanqas fil-gazzetta tal-Gvern Il-proprjetà għaddiet mingħand il-Knisja għal għand il-Gvern, fl-1991 u dan il-fatt kien ilu magħruf miċ-ċenswalist minn meta xtara l- proprjetà tant li kien ilu jħallas iċ-ċens għand il-Gvern sa mill-1995 u ma kellux għalfejn jaqraha fuq l-ebda gazzetta.
Kif spjegat, dan il-każ ma hu partikolari xejn, anzi huwa ir-regola li iċ-ċens jiġi rivedut skond ma jkun stipulat fil-Kuntratt oriġinali. Dwar l-ammont dovut għall-fidi taċ-ċens, li fil-fatt huwa €14,698 u mhux €17,000 dan huwa maħdum skont il-parametri tal-iskema għall-fidi taċ-ċnus temporanji tal-2002.
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2010 sal-lum, kemm u liema ġibjuni ġew imsewwija u mnaddfa fiż-Żejtun u fil-limiti taż-Żejtun? Kemm huwa stmat li hemm ġibjuni fl-istess inħawi u kemm minnhom qed jiffunzjonaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li fil-limiti taż-Żejtun hemm erba’ ġibjuni mikxufin li kienu nbnew biex jirċievu ilma tax-xita mit-toroq ta’ madwarhom.
Għalkemm dawn il-ġwiebi mhumiex responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru. Dan il-Ministeru ħa l-inizjattiva biex jara li dawn jinżammu fi stat tajjeb għall-benefiċju tal-bdiewa.
Mis-sena 2010 sal-lum, ġew imnaddfa tliet ġibjuni, wieħed fiż-żona magħrufa bħala San Klement, ieħor fiż-żona magħrufa San Niklaw, u ieħor fi Triq Tal-Barrani. L-ewwel wieħed, barra li kien imnaddaf, ġie wkoll imsewwi
Fil-preżent, tlieta minn dawn il-ġibjuni qed jirċievu ilma tax-xita fihom. Id-Dipartiment qed jieħu l-passi biex jiżdied l-ilma tax-xita li jmur fil-ġibjun li hemm f’ Tal-Barrani.
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija dwar il-ġwiebi li mhumiex mikxufin lill-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li huwa responsabbili Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali — audited accounts
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tat-tliet aġenziji li jagħmlu parti mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali mis-sena 2008 sal-aħħar accounts li ġew awditjati?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dokumenti mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rabat — Djar ta' Għeriexen - lift li mhux qed jintuża
Question
Jikkonferma l-Ministru li lift fi blokk 4 u 5 fil-qasam tad Djar ta' Għeriexem ir-Rabat ilu lest aktar minn sena iżda r-residenti ma tħallewhx jużawh? Ma jħossx il-Ministru li huma x'inhuma ċ-ċirkustanzi dan mhux trattament sewwa lir-residenti li għandhom bżonn jużaw dan il-lift? Jekk fl-affermattiv jista' jara li jawtorizza immedjatament li dan il-lift jitħalla jintuża mir-residenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-lift ilu numru ta’ xhur lest izda sa llum ir-rezidenti ta’ dawn iż-żewġ blokki qeghdin jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom illi jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-lift kif għamlu reżidenti ta’ blokki oħra. Għaldaqstant ma jistax jitwettaq il-handover. Sakemm isir dan il-handover, l-awtorità hija obbligata bil-liġi illi iżżommu mitfi.
Billi l-individwu li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament ġie trasferit minn Mtarfa Primary fejn kien ilu 20 sena għan-Naxxar Secondray, tista' l-Ministru tirrimedja bi traferiment lura għar-raġuni li dan l-individwu għandu problemi fiżiċi? Tista' tgħid meta dan se jirritorna lura għall-qagħdi ta' dmirijietu fl-Imtarfa Primary?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna kkonċernata, ġie trasferit temporanjament mill-Iskola Primarja tal-Imtarfa għall-Iskola Sekondarja tan-Naxxar proprju minħabba li fl-Iskola Primarja tal-Imtarfa hemm ħaddiema iżjed milli suppost għall-popolazzjoni tal-iskola, filwaqt li fl-Iskola Sekondarja tan-Naxxar, li bdiet tiffunzjona mis-sena skolastika kurrenti (2011-2012), hemm ħtieġa ta’ ħaddiema. Dan qed isir biex il-kulleġġ juża’ r-riżorsi umani bl-aħjar mezz. Skont ir-rekords tal-Kulleġġ, l-individwu kkonċernat qatt ma talab jew ippreżenta xi ċertifikat mediku biex ikun eżentat milli jagħmel ċertu xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tħallas Transport Malta fix-xahar għas-servizz tal-call centre li ngħata lill-Aviation Group? Jista' jgħid ukoll jekk l-impjegati f'dan il-call centre ġewx magħżula minn fost l-impjegati ta' Transport Malta stess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva u allura ta’ natura kunfidenzjali.
Għar-rigward tal-aġenti tal-Call Centre li qed jaqdu l-funzjonijiet tagħhom għan-nom ta' Transport Malta, ninsab infurmat li dawn ma ġewx magħżula minn fost l-impjegati ta’ Transport Malta.
Billi r-residenti fi Triq il-Ħobbejża Rabat ilhom żmien twil jirrapportaw l-ilment tagħhom għar-raġuni ta' nuqqas ta' pressa tal-ilma fir-residenzi tagħhom, jista' l-Ministru jara li jivestiga x'qed jikkawża dewmien kif ukoll jirrimedja b'soluzzjoni immedjatament? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taf li teżisti problema ta’ pressa baxxa tal-ilma f’parti minn Triq il-Ħobbejza fir-Rabat. Din hija kawżata minn mejn qadim tal-ħadid galvanizzat u din il-problema tissolva wara li jinbidel dan il-mejn. Fil-fatt, il-Korporazzjoni fasslet programm biex jinbidel dan il-mejn xi snin ilu u saħansitra ntgħażel kuntrattur biex iwettaq il-proġett. Madanakollu ma setax jinbeda x-xogħol meħtieġ qabel jinħareġ permess mill-MEPA, peress li din hija area sensitiva. Il-permess inħareġ madwar xahar ilu u issa qed isiru l-preparamenti biex jinbeda x-xogħol.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4070 tad-IX Leġislatura, tista' l-Ministru taġġornana x'ġara minn dak inhar sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Gvern huwa kommess li jassisti bl-aħjar mod possibbli kull dixxiplina sportiva rapprezentati f’Malta minn organizzazzjonijiet reġistrati mal-Kunsill Malti għall-iSport (KMS), inkluż dawk l-għaqdiet li jirrapprezentaw il-motorsport.
Minn dakinhar li l-Onorevoli Interpellant għamel il-Mistoqsija Parlamentari fl-1999, il-Gvern alloka art għall-Island Karting Club, trakka lill-Malta Drag Racing Association, trakka għall-Island Radio Model Car Club u Barriera fil-Mellieħa lill-Malta Motorsport Federation għall-użu ta’ off road motor sport. Il-valur kummerċjali ta’ dawn l-artijiet jammonta għal €1,164,200. Barra minhekk, fl-aħħar budget ġiet ivvotata s-somma ta’ €350,000 għall-bini ta’ korsa għall-karting biex fiha jkunu jistgħu jiġu prattikati wkoll id-dixxiplini tal-Mini Moto, Motards, Quad Bikes, Drifting u wkoll isir it-tuning tal-karozzi li jikkompetu fil-Hill Climbs.
Dan minbarra wkoll assistenza diretta mingħand il-Gvern biex ikunu jistgħu isiru avvenimenti tal-Motor Sport bħal ma’ huma l-Valletta Grand Prix u l-Gozo Grand Sprint. Il-KMS alloka u ikkometta l-fondi neċessarji biex jiġu nstallati crash barriers fl-Imtaħleb fl-istess triq li tintuża għall-Hill Climbs biex din id-dixxiplina tkun tista’ tiħi prattikata f’aktar sigurta’. Il-KMS għadu qed jistenna konferma mingħand il-Kunsill Lokali Rabat biex tkun tista’ issir l-installazzjoni ta’ dawn il-crash barriers.
Mit-twaqqif tal-KMS fl-2003 sal-lum, l-għaqdiet rapprezentanti tad-diversi dixxiplini tal-motorsport irċevew xejn anqas minn €210,124 f’assistenza diretta mingħand l-istess KMS kif ukoll xejn anqas minn €454,846 f’sussidju fuq kirjiet ta’ faċilitajiet. Total ta’ €664,969 f’assistenza.
L-ASM sal-lum tagħmel użu minn art f’Ta’ Qali u skont it-Ta’ Qali Action Plan suppost li din il-faċilita’ għandha tiġi rilokata għal post ieħor. Għaldaqstant din l-art ma tistax tingħata b’titlu lill-istess għaqda. Il-KMS jinsab għaddej b’diskussjonijiet mal-MEPA kif ukoll mal-istess assoċċazzjoni biex il-faċilita’ tal-ASM tkun rilokata f' art biswit il-faċilita eżistenti u biex l-istess art tkun mgħoddija b’titlu lill-istess għaqda. Dan il-proċess jista’ jseħħ ladarba l-emendi fit-Ta’ Qali Action Plan ikunu approvatu u jidħlu fis-seħħ.
Jista' l-Ministru jara li tiġi investigata mid-Direttur tax-Xogħol jew il-persuna jew l-awtorità kompetenti dikjarazzjoni li saret minn individwu pubbliku li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament fejn instema' jgħid fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni li huwa jiddiskrimina bejn ħaddiema li jħaddnu twemmin differenti minn tiegħu anke, fejn jidħol il-ħlas dovut lilhom?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji mogħtija minnu ġew mgħoddija immedjatament lid-Dipartiment tax-Xogħol u Relazzjonijiet Industrijali sabiex jagħmel l-investigazzjoni.
Korporazzjoni Enemalta — kwestjoni dwar ħaddiema li kienu esposti għall-asbestos
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ilmenti minn eks-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta dwar ħsara li saritilhom minħabba l-użu tal-asbestos fuq il-post tax-xogħol? Kemm hemm minn dawn l-ilmenti? Jista’ jgħid jekk dawn il-każijiet humiex simili għal dawk il-madwar 400 każ li kien hemm fid-Drydocks? Kif qiegħda tilqa' dawn l-ilmenti l-korporazzjoni u x’inhuma l-pjanijiet tal-korporazzjoni biex issolvi dawn il-każijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Enemalta kellha lment wieħed mingħand eks-impjegat tal-Korporazzjoni dwar ħsara li saret minħabba l-użu tal-asbestos.
Dan il-każ kien qiegħed jiġi diskuss bejn l-avvukati taż-żewġ partijiet. Sad-data tal-lum, l-Enemalta qiegħda tistenna risposta minn naħa tal-avvukati li qed jirrappresenta lill-individwu.
Naxxar — Kunsill Lokali - investigazzjoni dwar infiq ta' flus
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq talba ta' numru ta' kunsilliera tan-Naxxar sabiex jiġi investigat infiq ta’ flus mill-fondi tal-kunsill, peress li din it-talba ġiet acknowledged fl-20 ta’ Dicembru, 2011 u s’issa għadu ma sar xejn dwar dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-monitoirng unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kkonkluda l-investigazzjoni tiegħu. Fil-jiem li ġejjin il-kunsilliera li ressqu l-ilment ser jiġu nfurmati b'dawn il-konklużjonijet kif ukoll se tingħata kopja ta' dawn lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk quddiem id-Dipartiment tax-Xogħol hemmx numru ta' impjegati fis-settur privat jilmentaw li ma ġewx imħallsa pagi tagħhom regolarment? Tista' tgħid kemm hemm minn dawn il-kumpaniji, min huma u x’passi qed jittieħdu f’dan il-konfront?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.