Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tripoli u Benghazi — Maltese Visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma kemm iddum sabiex tinħareġ Maltese Visa, meta l-Ambaxxati Maltin fi Tripli u f'Benghazi japplikaw, meta hemm ħtieġa li nies fil-qasam tan-negozju jżuru pajjiana fuq natura kummerċjali?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull meta kien hemm il-ħtieġa li negozjanti Libjani jżuru pajjiżna fuq natura kummerċjali u għal perjodu ta' iżjed min tliet xhur, lil dawn l- inħarġitilhom visa tat-tip "D", jiġifieri National Visa, u din għal dħul multiplu. Dan it-tip ta' visa tinħareġ fi żmien ta' bejn tlett u ħames t'ijiem.

talbiet għal Maltese Visas

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm jinħarġu Maltese Visas fil-ġimgħa meta jsiru talbiet minn ambaxxati mhux fl-Unjoni Ewropeja? Kemm idumu sabiex jinħarġu tali visas? Jista' jagħti din l-istatistika sa minn Ottubru 2011 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Waqt li ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-informazzjoni mitluba,ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-visa tat-tip "D", jiġifieri National Visa u li tingħata għal perjodu ta' iżjed minn tliet xhur, tinħareġ fi żmien ta' bejn tlett u ħames t'ijiem.

visas miċħuda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk huwiex minnhu li fil-każ tal-Ambaxxata Maltija f’Tripli u Benghazi, wara li applikazzjoni għal visa tiġi miċħuda, il-flus tal-applikazzjoni ma jiġux rifonduti? Jista' jivverifika dan u għaldaqstant jipprovdi kemm-il visa ġiet miċħuda u għal liema raġuni, minn Jannar 2012 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Kodiċi dwar il-Viżi, l-flus tal- applikazzjoni għall-viża qatt ma jiġu rifonduti jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Għaldaqstant dan ma jiġrix biss fl-Ambaxxati jew Konsolati Maltin fi Tripli u Benghazi imma f'kull ambaxxata u konsulat ta' Stati li huma membri tax- Schengen. Nikkonferma wkoll li kull applikant huwa konxju ta'dan peress li fuq kull formola ta' applikazzjoni, l-applikant huwa nfurmat b'dan cioe li l-ħlas għall-viża ma tingħatax lura jekk l-applikazzjoni tiegħu tiġi miċħuda. Bejn Jannar 2012 sal-lum, ġew pproċessati mat-3,925 l-applikazzjoni, kif ser jingħad: BENGHAZI - 742 l-applikazzjoni li minnhom ġew miċħuda 23 l-applikazzjoni; u fi TRIPLI - 3,183 l-applikazzjoni li minnhom ġew miċħuda 229 l-applikazzjoni. Ir-raġunijiet taċ-ċaħda kienu li l-applikanti ma kienux pprovdu ġustifikazzjoni għall- finijiet u l-kodizzjonijiet tas-soġġorn previst.

applikazzjonijiet għall-professorat

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-professorat (associate u full) minn Marzu 2008 sal-lum u kemm minnhom ingħataw il-professorat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bejn Marzu 2008 u Marzu 2011 kien hemm 61 applikazzjoni. S’issa ngħataw il-professorat (Associate u Full) 18. L-applikazzjonijiet tal-2012 jagħlqu fl-aħħar ta’ Marzu 2012.

promozzjoni minn associate għal full-time professor

Question

Tista' l-Ministru telenka l-kriterji li bihom ġie promoss minn associate għal full-time professor l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta ntefgħet it-tali applikazzjoni u meta ngħatat? X'inhuma l-kriterji sabiex applikant jingħata promozzjoni għall-professorat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant kien appuntat full-time Professor mill-Kunsill tal-Università fit-23 ta’ Settembru 2006. Il-Kunsill għandu l-poter li jippromwovi professuri. Il-President tal-Kunsill ta’ dak iż-żmien, li issa hu l-Kanċillier, kien waqqaf sottokumitat tal-Kunsill, magħmul mis-Sur Paul A. Attard, is-Sur Godfrey Grima u s-Sur Francis Borg, illi fost affarjiet oħra, irrikomanda li din il-persuna tiġi offrut professorat. Il-Kunsill tal-Università unanimament qabel ma’ dan. Wieħed irid ifakkar ukoll li l-istess persuna kienet inħatret Associate Professor fis-17 ta’ Novembru 1992.

Correctional officers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32428 b'mod partikolari għal dawk li huma correctional officers, jista' l-Ministru jgħid xi kwalifiki u/jew merti wieħed/waħda għandu jkollu biex jiġi impjegat/impjegata?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar ingaġġ, barra l-kondotta tal-Pulizija, l-applikanti kienu mitluba jipproduċu l-iSchool leaving Certificate. Infurmat ukoll illi biex l-applikant jiġi mpjegat ried itemm b’suċċess kors ta’ taħriġ.

Correctional Officers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32428 fejn ġie indikat li fil-31 ta' Jannar 2012, kien hemm b'kollox 136 correctional officers, a) jista' l-Ministru jgħid jekk dawn humiex kollha attwalment qed jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin; b) jekk m'humiex kollha qed jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, jista' jgħid kemm minn dawn mhux qed jaħdmu hemm u allura fejn qegħdin jaħdmu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B'referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32428, ninsab infurmat illi mill-Correctional Officer impjegati mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hemm 6 fil-Forensic Unit, 5 is-SATU, 2 il-Caritas, u 1 qiegħed bil-career break.

Għassa tal-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm hemm pulizija assenjati xogħol fl-għassa tal-Qawra? Xi gradi għandhom dawn il-pulizija? Kemm minnhom iservu fl-uffiċċju tal-istess għassa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33026.

persuni li għandhom performance agreement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru tal-Finanzi, li hemm f'pożizzjoni li jgawdu minn performance agreement? Min huma dawn il-persuni u x'kariga attwalment jokkupaw?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — sistema ġdida tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-gvern biex is-sistema tal-fossa tispiċċa mit-triq li d-dettalji dwarha qed jinbtagħtu separatament f'Ħaż-Żabbar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Bdil ta' skola

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31882, tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex din il-persuna tibda tmur fl-iskola oħra Ħal Far?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Mosta — roundabout b'central strip mhux iddentifikata

Question

Jista' l-Ministru jara li s-central strip li hemm inti u ħiereġ minn Mosta lejn Birkirkara fi Triq Valletta lejn il-Belt fir-roundabout ta' ħdejn ix-showroom tas-Subaru tkun imdawla u identifikata li hemm din is-central strip?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjonili hu responsabbli minn Transport Malta

kumpens għall-ħsara li ġarrbu l-bdiewa minħabba l-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se tingħata għajnuna lill-bdiewa u raħħala li ġarrbu ħsarat fil-maltemp ta' nhar l-14 ta' Frar 2012 u nies oħra li ġarrbu ħsarat kbar fis-settur tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżenetment għadha qiegħda tkun analizzata u evalwata l-informazzjoni miġbura.

għajnuniet meħdua mill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ittieħdu għajnuniet mill-bdiewa matul is-snin 2004/5/6/7/8/9/10/11 ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Infezzjonijiet tal-għajnejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011? Jista' jgħid jekk kienx hemm żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li jkunu qed jagħmlu visita jew inkella li qed ikunu ospitati fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'mekkaniżmu qed jintuża biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011 kienet ta’ 37 pazjent, waqt li fis-sena 2010 kien hemm 23 pazjent. Dan l-informazzjoni qed tinġabar mill-Hospital Activity Analysis Register. L-informazzjoni dwar iż-żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li kemm ikunu qed jagħmlu viżta jew inkella li qed jkunu ospitati fl-Isptar Mater Dei ma tistgħax tinġabar.

Pool ta' Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix pool ta' facilitators li jkunu jistgħu jibdlu lil dawk il-facilitators li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Teżisti ‘pool’ ta’ ‘On Call’ supply learning support assistants biex jibdlu lil dawk is-supply/learning support assistants li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol.

Servizz ta' facilitator

Question

Hija konxja l-Ministru tas-sistema kif taħdem illum u s-servizz tal-facilitators, fejn fost oħrajn meta xi drabi l-facilitator ikun assenti mix-xogħol tiegħu t-tfal jintbagħtu lura d-dar bil-konsegwenza li din l-esperjenza tkun trawmatika għat-tfal li għandhom bżonn dan is-servizz speċjalment fejn jidħlu it-tfal tal-kindergarden?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta learning support assistant tkun assenti, l-iskejjel għandhom is-servizz tal-on-call supply learning support assistant. Regolarment tinfetaħ sejħa għall-applikazzjonijiet biex il-pool tal-on-call supply learning support assistants dejjem tiġi msaħħa.

Residenza San Vinċenz de Paul — sala Patri Piju - ilment

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir peress li fis-sala Patri Piju fir-Residenza San Vinċenz de Paul, lill-pazjenti u lir-residenti ma jħalluhomx joqgħodu fil-kuritur tas-sala?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fis-swali l-ġodda, fosthom il-Blokka ta’ Padre Piju, hemm spazju ddedikat magħrufa bħala atria, fejn l-anzjani jistgħu jqattgħu ftit siegħat flimkien. F’dawn l-atria, l-anzjani jistgħu joqgħodu madwar mejda, flimkien mal-familjari tagħhom, u fl-istess ħin ma jkunux qegħdin idejqu Anzjani oħra li forsi jkunu jridu jistrieħu. Għalhekk, kemm jista’ jkun l-anzjani huma mħeġġa sabiex jużaw dawn l-atria minflok joqgħodu fil-kuritur.

Marsa — Triq San Pawl - ilmenti mir-residenti

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga ilmenti li ilhom pendenti s-snin ta' residenti ta' Triq San Pawl il-Marsa, li qed jilmentaw minn attivitajiet kummerċjali fl-istess triq tagħhom li jinkludu fost oħrajn nuqqasijiet bħal tniġġiż ta' ħsejjes, rwejjaħ ta' lostru, abra eċċ. u dan minkejja r-rapporti li ta' spiss saru lill-pulizija? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bħala regolatur tista' tieħu passi dwar dan flimkien mal-awtoritajiet kompetenti?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma jirriżultax li tul dawn l-aħħar 3 snin l-awtorità rregistrat x'ilment li jirrigwarda xi tip ta' żvillupp li jiġġenera l-inkonvenjenza imsemmija fl-Interpellanza. Barra minnhekk meta l-uffiċċjali tal-Awtorita' indagaw mal-Pulizija tal-Ħamrun rigward tali lmenti, dawn ġew infurmati li l-Pulizija tad-Distrett la qatt kellhom jew għad għandhom xi pendenzi dwar dan is-suġġett. Pero` minn spezzjoni li saret fi Triq San Pawl instab li garaxx partikolari qed jintuża bħala workshop ta' mastrudaxxa. Fuq dan is-sit kien inħareġ Avviż t'Infurzar xi żmien ilu peress li l-użu (ta' mastrudaxxa) huwa illegali. L-każ għadu pendenti u s-sid kien ordnat jagħlaq.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — kuntratti ta' konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32001 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt short u/jew medium/long term ta' konsulenti li ġew imqabbda mill-Ministeru tiegħu matul din il-leġislatura flimkien mad-dettalji sħaħ dwar in-natura tax-xogħol mogħti lilhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.