Legislature:
Category:
Reset
Active:

Problema ta' ilma f'residenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-awtorità kkonċernata sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma li dejjem dieħel fir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatmament?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-problema mhux tal-ilma, u mis-sample meħud mill-Laboratorju tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rriżulta li hemm possibiltà ta’ ilma kkontaminat. Nelfrattemp saret spezzjoni fis-sistema tad-drenaġġ u ma nstab xejn suspettuż. Sar kuntatt mal-konsumattriċi u sar appuntament għat-22 ta’ Novembru 2012.

Awtorità tad-Djar — Applikazzjoni għall-post alternattiv

Question

Jista' l-Ministru jara x'possibilità hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ġiet morija xi appartament mill-Awtorità tad-Djar u ma kenux tajbin għal ħtiġijiet tagħha, tiġi mogħtija post tal-gvern minħabba l-kundizzjoni tagħha?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’anqas minn għaxar xhur l-Awtorità tad-Djar diġà offriet lil din l-applikanta tlett postijiet fl-Imgarr, Attard u M’Scala liema postijiet ġew rifjutati mill-applikanti. Fl-opinjoni tal-Awtorità tad-Djar dawn il-postijiet kollha kienu addattati għal ħtieġijiet ta’ din il-familja. Fil-preżent l-Awtorità tad-Djar għandha 327 applikanti li jixtiequ jbiddlu.
Leg 11 PQ #38193 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — minuti tal-laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif il-minuti tal-kunsilli lokali jkunu jirrispettaw dak li fil-fatt ikun ġara fil-laqgħa u mhux mod ieħor? Billi l-minuti mhux xi ħaġa ta' maġġoranza jew minoranza, iżda każ ta' rappurtar fattwali ta' dak li jkun ġara, kif jista' jiġi assigurat li tali minuti jkunu korretti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Artiklu (9) tal-Ordni Permanenti 14A fi Skeda Sitta tal-Liġi dwar Kunsilli Lokali jippermetti “r-rekordjar jew reġistrazzjoni oħra ta’ proċedimenti għall-iskop uniku li jiġi faċilitat l-abbozzar tal-Minuti. Dawk ir-reġistrazzjonijiet kollha jistgħu jitħassru wara li l-Minuti tal-laqgħa relattiva ġew approvati.” Dan l-irrekordjar fil-fatt jintuża minn xi kunsilli lokali bl-iskop li jassiguraw li l-Minuti jkunu korretti.

Żviluppi fuq is-Selmun Palace Hotel

Question

Jista' l-MInistru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-aħħar żviluppi li qed iseħħu dwar is-Selmun Palace Hotel? Billi din hi binja pjuttost kbira li jekk titħalla traskurata jsirilha ħafna ħsara, x'passi qed jittieħdu biex tali ħsara tkun kemm jista' jkun limitata? Billi din l-istess lukanda għandha wkoll annessa magħha t-torri ta' Selmun, jista' l-Ministru jagħti tagħrif jekk hux qed tingħata xi forma ta' protezzjoni partikulari lil dan l-istess torri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Dliela - ħsarat fil-basements minħabba triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37727 u jgħid x'passi se jittieħdu biex it-triq li tinsab f'Ħaż-Żabbar u li tlestijiet bosta snin ilu, meta tagħmel ix-xita, fil-flats li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jidħol ħafna ilma b'konsegwenza ta' ħsarat fil-basement minħabba xogħol ħażin li kien sar fi triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tinvestiga dan l-ilment biex tiġi stabbilita r-raġuni għalfejn qed jidħol l-ilma tax-xita ġewwa l-basements imsemmija.

Servizz ta' elettriku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema partijiet ta' Malta/Għawdex, għad m'għandhomx is-servizz tal-elettriku mwassal għand ir-residenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Salina — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif liema partijiet mix-xogħlijiet marbutin mal-iżvilupp li qed iseħħu fis-Salina huma lesti, jew kważi lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-partijiet diversi separati tal-proġett għaddejjin kontemporanjament, il-mira finali hija li kollox ikun lest lejn l-aħħar tas-sena 2013. Il parti mill-proġett li kien komplut tinkludi r-restawr tax-Ximenes Redoubt.
Leg 11 PQ #38198 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja ta' San Pawl il-Baħar — bidliet demografiċi wara l-estensjoni

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk issa, wara li ġiet estiża l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar, din l-iskola hux mistennija li tkun takkomoda l-bidliet demografiċi li seħħew, u li qed iseħħu f'San Pawl il-Baħar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta saret l-estensjoni din kienet ippjanata fuq il-popolazzjoni kurrenti u l-bżonnijiet li indikat l-iskola. S’issa ma waslet l-ebda talba għal aktar spazju. Id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi jibqa’ jistudja l-bidliet demografiċi f’din l-iskola u jieħu l-passi neċessarji.
Leg 11 PQ #38199 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

skejjel tal-gvern — ħarġiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk il-ministeru jinsistix mal-iskejjel primarji tal-gvern biex dawn l-istess skejjel jorganizzaw ħarġiet kulturali lejn il-bosta monumenti/tempji storiċi li għandna f'pajjiżna għaliex m'għandix dubju li l-parti l-kbira tal-Maltin li għandhom ċertu età qatt ma żaru dawn il-postijiet, u għalhekk it-tfal tagħna għandhom jingħataw opportunità li jagħmlu dawn iż-żjarat f'età żgħira, biex b'hekk ikunu jistgħu jibdew, minn kmieni jħobbu dawn il-postijiet, u japprezzawhom iktar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel jistgħu jagħżlu biex jagħmlu żewġ zjarat għal kull klassi f’term skolastiku. L-iskejjel jagħżlu ħarġiet edukattivi marbutin mal-kurrikulu nazzjonali u dawn jinkludu postijiet storiċi.

garanziji finanzjarji

Question

B'referenzija għall-mistoqsija parlamentari 38144 u cioè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur tal-garanziji finanzjarji li l-gvern għandu llum biex jagħmel tajjeb għal self li għandhom korpoazzjonijiet, fondazzjonijiet, awtoritajiet , korpi u organizzazzjonijiet oħra parastatali? Jista' jagħti d-data ta' meta ngħatat kull garanzija u d-data ta' meta l-gvern mistenni li jinħall minnhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — fond konsolidat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kapitali tal-gvern mill-fond konsolidat f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta mill-fond konsolidat għall-istess oqsma ta' investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kollha ta' fondi Ewropej f'Għawdex kull sena mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid kemm flus tħallsu s'issa minn din in-nefqa? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, per eżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal u jgħid x'inhuma l-proġetti f'kull każ u jagħti n-numru ta' referenza ta' kull proġett? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta ta' fondi Ewropej għall-istess oqsma ta' investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #38204 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — proġetti, programmi u miżuri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm proġetti, programmi u miżuri oħra ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea li qed jitwettqu f'Għawdex bħalissa? Jista' jgħid kemm huwa maħsub li jintefqu u jitħallsu fondi Ewropej f'Għawdex mil-lum sal-aħħar tal-2015? Jista' jagħti l-istess tagħrif għal Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi sabiex tiġi ikkompilata din l-informazzjoni, tirrikjedi ħafna xogħol. Għaldaqstant, naħseb li jkun aktar għaqli li dan l-impenn jintuża fuq xogħol aktar produttiv. Madankollu, jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni partikulari jista’ jagħmel dan bil-libertà kollha u tingħatalu l-informazzjoni li hemm bżonn.

Wasteserv — flus minn skart riċiklabbli

Question

Jista' l-Ministru responsabbli mill-Wasteserv jgħid kemm għandom jieħdu flus iż-żewġ kumpaniji tal-iskart riċiklabbli u għal kemm żmien dawn l-istess flus ilhom dovuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Wasteserv għaddiet il-flus kollha dovuti skond il-kontijiet li nħarġu u ġew maqbula maż-żewg kumpaniji tal-iskart riċiklabbli. Nieħu l-opportunità biex niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dettalji kummerċjali huma ta’ natura sensittiva.

Sptar St. Philips — Operational Costs

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37149 u jgħid kemm hu stmat li se jitilgħu l-operational costs għat-tħaddim ta' dan l-off site hospital ta' St. Philips (meta wieħed jeskludi l-consumables)?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

xogħlijiet fi blokk ta' appartamenti

Question

Fid-dawl ta’ diversi rapporti inklużi uħud fil-media lokali li għad hemm għadd ta’ xogħlijiet li baqgħalhom isiru fil-blokk ta' li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, hekk kif mressqin mill-inkwilini nfushom, jista' l-Ministru jindika meta l-Awtorità tad-Djar se tiżgura flimkien mad-dipartimenti l-oħra kkonċernati, li dan ix-xogħol isir mingħajr aktar dewmien u inkonvenjent għar-residenti?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar kitbet ittra lis-sid ta’ wieħed mill-appartamenti fil-5 t’Ottubru, 2012, sabiex joħroġ is-sehem tal-ispejjeż skont l-Att dwar il-Kondominju, Kap 398. F’każ li ma jonorax l-obbligi tiegħu, il-każ jgħaddi lis-Sezzjoni Legali.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jara li jinħareġ il-kont tad-dawl u l-ilma tal-familja li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li ilu ma jinħareġ kont?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ngħatat lill-ARMS Ltd li min-naħa tagħha se tikkomunika direttament mal-klijent.

djar tal-anzjani — standards ta' iġene

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk wara l-ħruġ tal-liċenzji meħtieġa jsirux spezzjonijiet biex jiġi żgurat li ċerti standards jinżammu fid-djar privati tal-anzjani u dan f’mod relattiv għall-ħlasijiet li jkunu qegħdin isiru għas-servizzi residenzjali u oħrajn offruti? Jista' jinvestiga ilment li wasalli li minkejja l-ilmenti ta’ bosta residenti anzjani fid-dar li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġewwa l-Imsida d-diriġenti tad-dar baqgħu jinsistu li jżommu kelb kbir fl-istess dar tal-anzjani, b’inkonvenjent għal ħafna minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li wara l-ħruġ ta’ liċenzji għall-ftuħ ta’ residenzi għall-anzjani, jibqgħu jsiru spezzjonijiet annwali għal skop tat-tiġdid tal-liċenzji. Isiru ukoll spezzjonijiet mhux avżati u spezzjonijiet biex jiġu investigati lmenti. Dawn l-ispezzjonijiet isiru biex jiġi żgurat li ċerti standards jinżammu fid-djar tal-anzjani mill-lat ta’ kura tas-saħħa. Id-dipartiment bl-ebda mod ma jikkontrolla il-ħlasijiet li jkunu qegħdin isiru għas-servizzi residenzjali u oħrajn offruti. L-ilment illi d-diriġenti ta’ residenza fl-Imsida qed iżommu kelb ġewwa r-residenza diġa ġie investigat. Kien aċċertat illi tali kelb ma kienex qed jikkawża problemi ta’ iġjene fid-dar. Ir-residenti u l-ħaddiema ukoll qalu illi l-kelb kien mans u qatt ma wera sinjali ta’ aggressivita’. Ħafna mill-anzjani ikkummentaw illi tali kelb ma kienx idejjaqhom. Id-dirigenti tal-post qablu mal-ispettorat illi jagħmlu xatba mar-reception desk u illi il-kelb jinżamm maqful wara d-desk mingħajr ma jkun jista joħroġ fil-lobby area. Din ix-xatba qeghda fil-proċess li tiġi installata. Ta’ min jgħid li l-pet therapy hija prattika wżata ħafna barra minn Malta. Residenzi tal-anzjani għandhom kemm jista’ jkun jixbħu l-ambjent tad-dar u m’hemm xejn ħażin li jkun hemm kelb la darba dan ikun mans u ikkurat.

Allowance lil anzjani il jagħlqu 80 sena

Question

Fir-rigward tal-benefiċċju speċjali li jingħata f’forma ta' allowance lil min jagħlaq it-80 sena, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fis-sena li jagħlaq it-80 sena jiħux l-ammont sħiħ imwiegħed fil-budget jew biss parti proporzjonali għax-xhur tas-sena li fiha jkun għalaq it-80 sena, billi allegatament kien hemm min ingħata €50 biss?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li kif infurmajt din il-kamra fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37440, dawk l-anzjani li laħqu l-eta’ ta’ 80 matul is-sena kurrenti qegħdin jieħdu somma pro-rata ta’ €300 li tkopri mid-data li fiha jilħqu 80 sal-aħħar tas-sena. Inżid ukoll illi kull anzjan li matul is-sena kurrenti irċieva jew ser jirċievi is-somma ta’ €300 jew parti minnha, f’Jannar tas-sena d-dieħla jirċievi l-ammont sħiħ.
Leg 11 PQ #37802 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Community Work Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta ġiet introdotta l-Community Work Scheme? Tista' tgħid meta ttieħdet id-deċiżjoni li din flok tapplika biss għal dawk li ilhom ħames snin jirreġistraw issa ġiet estiża għal dawk ilhom sitt xhur jew aktar jirreġistraw? Kemm kien hemm nies li nkitbu f'din l-iskema s'issa? Kemm inqagħtu nies mir-reġistru tal-qagħad minn dak iż-żmein 'l hawn? Ġew deployed xi uħud mill-applikanti u jekk iva, kemm u fejn? Tista' tagħti dettalji tal-age groups ta' dawk li s'issa applikaw taħt din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.