Pensjoni tas-servizz
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32561, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Tenut kont li l-Kummissjoni Ewropea sabet li l-liġi lokali li permezz tagħha l-gvern inaqqas mill-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali (two-thirds pension) lil dawk il-pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-Servizz (service pension) tmur kontra l-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u tenut kont li l-gvern fil-budget tal-2007 kien diġà parzjalment ipprova jitratta din il-kwestjoni billi beda jinjora €465 mill-pensjoni tas-servizz meta jigi biex jikkalkula l-pensjoni tat-two-thirds, tenut kont li issa l-Kummissjoni Ewropea qalet lill-gvern biex ibiddel il-liġi nostrana biex il-pensjonanti li jircievu l-pensjoni tas-servizz ma jkollhomx tnaqqis mill-pensjoni tat-two-thirds u fin-nuqqas jiġi intavolati proċeduri kontra Malta quddiem l-ECJ, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħmel kif ġie indikat lilu mill-Kummissjoni Ewropea jew inkella hux se jibqa' ma jbiddilx il-liġi nostrana u jiġġieled dik il-pozizzjoni quddiem l-ECJ? Għaliex? Kemm hemm service pensioners f'pajjizna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lil Onor Interpllant li l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni Ewropeja bażikament qed tgħid li r-rata tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali ta’ Malta m’għandhiex tkun ikkalkulata billi jiġi kkunsidrat xi pensjoni oħra li ġejjin minn skemi tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri oħra.
Kif ġie spjegat fl-istqarrija maħruġa għall-Istampa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fis-27 ta’ Frar, 2012 (PR 0447), l-Gvern jsostni li Malta qegħda tapplika korrettament ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-koordinament tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali.
Fl-opinjoni preliminari tal-Gvern mhemmx ksur tal-Liġi tal-Kommunità għar-raġunijiet msemmija fl-istqarrija stess, cioè li :
i. Is-sitwazzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward ma tistax tkun mqabbla ma’ sitwazzjonijiet oħra trattati fir-rigward tal-moviment ħieles ta’ ħaddiema peress li fil-maġġoranza tal-każi ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni tas-servizzi inglizi f’Malta, dawn qatt ma telqu minn Malta u għalhekk qatt ma kkontribwew għal skema tas-sigurtà soċjali Ingliza . Infatti d-dritt tagħhom għal din il-pensjoni akkwistawaha permezz tax-xogħol tagħhom fis-servizz Ingliz hawn Malta biss; u/jew
ii. Ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar il-ko-ordinament tal-iskemi tas-sigurtà soċjali qatt ma kienu ntenzjonati li jirregolaw is-sitwazzjonijiet storiċi u kostituzzjonali tal-gzejjer Maltin taħt ir-Renju Unit fis-sekli preċedenti u wisq qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni. Anzi l-istess Regoli jirrikonoxxu, li sitwazzjonijiet storiċi m’għandhomx ikunu affettwati bl-istess Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja ;
iii. Ir-Regoli ta’ l-Unjoni Ewropeja dwar is-Sigurtà Soċjali jistabilixxu sistema ta’ ko-ordinament ta’ l-iskemi tas-Sigurta’ Soċjali u li fil-każ inkwistjoni l-istess Renju Unit ma jirrikonnoxix dawn l-iskemi partikolari bħala skemi tas-sigurtà soċjali. Għalhekk Malta m’għandhiex tiġi obbligata tinjora d-dikjarazzjoni tar-Renju Unit f’dan ir-rigward. Aħna nħossu li kieku l-Pajjiżi Membri ta’ l-Unjoni Ewropeja jibdew jinjoraw d-dikjarazzjonijiet ta’ Pajjiż Membru ieħor dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskemi tagħhom dan idagħajjef l-istess Regoli ta’ l-Unjoni dwar il-ko-ordinament ;
iv. Il-Kummissjoni ma tistax tistenna li Malta kellha ddaħħal l-iskemi tagħha fl-Annex IX, Taqsima D tar-Regolament 1408/71 jew Annex IX tar-Regolament 883/2004 biex tkun eżentata mill-obbligu msemmi fl-Opinjoni Raġunata tagħha u dan minħabba li Stat Membru jista’ jagħmel din l-entratura fl-Annessi msemmija sakemm ir-rati tal-pensjonijiet fl-iskemi tas-sigurtà soċjali ma jkunux jiddependu mit-tul ta’ l-assigurazzjoni tal-persuna. Fil-każ ta’ Malta, r-rata tal-pensjoni li titħallas tiddependi mill-perjodu ta’ kontribuzzjoni tal-persuna kkonċernata u għalhekk Malta ma setgħetx tagħmel entratura fl-Annessi msemmija.
Minkejja l-argumenti li qed jissemmew fl-Istqarrija Uffiċċjali, Malta qed tistudja fid-dettal l-Opinjoni Raġunata tal-Kummissjoni u ser tipprezenta il-veduti finali tagħha lill-Kummissjoni Ewropeja fil-ġimgħat li ġejjin.
Statistika riċenti li tindika n-numru ta’ persuni li qed jirċievu l-pensjoni tas-servizz kemm minn Malta kif ukoll barra minn Malta hija din li ġejja:
2012
Tip ta' Pensjoni
Pensjonanti€
Pensjonijiet tas-Servizz Ingliż
970801,268
Gvern ta' Malta
10,73964,088,892
Skemi Oħrajn
1,0426,585,450
Totali
12,75171,475,610