Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal jistennew li jkollhom is-servizz tal-facilitator sa Diċembru 2011? Allura kemm huwa il-persentaġġ globali tat-tfal li jattendu l-iskejjel tal-istat li għandhom il-facilitator magħhom? Tista' tgħid jekk dan il-persentaġġ huwiex rifless ukoll fl-iskejjel privati u tal-knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nuqqas ta' għalliema fil-qasam edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx nuqqas ta' għalliema fil-qasam edukattiv? F'liema suġġetti u kemm hemm studenti li qed jiġu affettwati minn dan in-nuqqas? Hemm sitwazzjonijiet għalkemm issa dħalna f'Marzu għadhom bla għalliema ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li hemm nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — budget għall-manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget li kull skola għandha biex tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa fuq l-istess skola u kif jiġi mqassam dan il-budget mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għal kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-budget li hu allokat għall-iskejjel ta’ Malta biex jagħmlu manutenzjoni ta’ natura minuri hu ta’ €322,114. Din is-somma teskludi l-ispejjeż ta’ xogħol ta’ natura maġġuri li jsir mill-Fondazzjoni għall-iskejjel t’Għada. Teskludi wkoll kull xogħol ta’ networking, maintenance fuq il-kompjuters u l-Interactive White Boards, maintenance ta’ alarm systems u CCTV systems u servizzi oħra li d-Direttorat iqis li għandu jġorr il-piż separat hu tal-ispiża involuta. Is-somma allokata tiġi determinata sew min-numru ta’ studenti li jkun hemm fl-iskola, kif ukoll mill-bżonnijiet partikolari tal-iskejjel jew ċentri, speċjalment dawk bl-istudenti bi bżonnijiet partikolari. Minbarra dan, skola tista’ tagħmel użu minn trasferiment ta’ fondi minn kont għal ieħor biex taġġusta s-somma li l-iskola tagħżel li talloka għall-manteniment meħtieġ. Id-Direttorat iżomm somma ta’ madwar €20,000 biex jalloka matul is-sena biex tintuża f’każ li f’xi skejjel titfaċċa xi problema mhux prevista. Is-sezzjoni responsabbli mis-Servizzi Tekniċi tgħin lill-iskejjel b’mod ġenerali b’sussidju f’forma ta’ providiment ta’ għodda, xogħol u spejjeż oħra li jinħarġu mid-Direttorat waqt li jkun qed isir xogħol ta’ manteniment fl-iskejjel. Hemm numru ta’ skejjel li jagħmlu użu minn dħul ta’ fondi meta faċilitajiet tal-iskola jinkrew bi ħlas lil għaqdiet jew kumpaniji. F’dan il-każ kull dħul jista’ jintuża skont deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola kkonċernata.

Aċċessibilità għat tfal b diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel kollha humiex aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali u jekk hemmx oħrajn li mhumiex? Jekk hemm li mhumiex, tista' tgħid liema huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel kollha tal-Istat huma aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali, minbarra l-iskola primarja tal-Pietà li l-aċċessibilità għaliha tasal sal-foyer u l-uffiċċini, iżda ma tilħaqx il-klassijiet. Infurmata li s’issa qatt ma kien hemm każi ta’ problemi ta’ aċċessibilità f’din l-iskola.

Frott u ħaxix għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabli biex jipprepara l-frott u l-ħaxix għat-tfal tal-iskejjel? Hija konxja il-Ministru li t-tuffieħ lit-tfal ta' tliet snin jingħatalhom bil-qoxra b'kollox u ċ-cherry tomatoes jingħata sħiħ? Ma taħsibx li b'dan il-mod tkun qed iżżid il-probabilità għall-periklu fejn tfal jistgħu jixirqu fil-frott u ħaxix li jkunu qed jieklu u minflok tkun esperjenza sabiħa kif għandha l-intenzjoni li tkun tkun esperjenza trawmatika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru jgħid min huwa responsabli għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat speċjalment fil-ħin meta t-tfal ikunu ħerġin u deħlin l-iskola? Jeżistu linji gwida li min huwa responsabli jrid isegwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabilità għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat hi tal-pulizija. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol jaħdem id f’id mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jistabillixxu l-ħinijiet u t-toroq madwar l-iskejjel li għandhom ikunu magħluqa għat-traffiku minn ftit qabel sa ftit wara li jkunu deħlin jew ħerġin it-tfal mill-iskejjel. Draft “Safe Routes to School” – Policy Guidance Document , li nħadmet b’kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, Transport Malta, il-Pulizija, il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tal-Intrapriżi żgħar. Il-Kapijiet tal-iskejjel huma nfurmati li teżisti din id- Draft Policy , u tintbagħtilhom meta jagħmlu talba għaliha.
Leg 11 PQ #32468 Sitting 458 2012-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tnaqqis mill-budget tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32044 u cioè: Billi l-gvern ġie mġiegħel inaqqas €40 miljun mill-budget tiegħu mill-Unjoni Ewropea, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bħala cost cutting u cost control method iddaħħlitx xi prassi min-naħa tiegħu li x-xogħol ta' konsultazzjoni mill-Ministeri jikseb qabel xejn l-approvazzjoni tiegħu jew tal-Kabinett?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li t-tnaqqis ta’ €40 miljun mill-budget sar mill-gvern fil-kuntest tal-aġġustamenti li qed isiru fil-budgets minn diversi Gvernijiet fl-Unjoni Ewropea. Dwar is-sustanza tal-mistoqsija, ma narax relazzjoni bejn tnaqqis fil- budget u l-konsultazzjoni jew nuqqas ta’ konsultazzjoni ndikat mill-Onorevoli Interpellant.

Kuntratt taċ-Chairman il-Ġdid tal-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman il-ġdid tal-Korporazzjoni Enemalta flimkien mad-dettalji sħaħ dwar il-pakkett finanzjarju u inċentivi oħrajn li ġew offruti lilu? Ir-rwol tiegħu hu wieħed eżekuttiv, jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #32525 Sitting 458 2012-03-20 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — Board of Governors - rwol eżekuttiv

Question

B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 32063, tista' l-Ministru tispjega kif il-Board of Governors tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi m'għandux rwol eżekuttiv meta dan fl-aħħar xhur ħa deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom u anke membri tal-bord stess kellhom il-funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board li f'Jannar li għadda għamel l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-deċizjonijiet eżekuttivi dwar żewġ persuni li kienu qed jaħdmu fuq proġetti tal-Unjoni Ewropea li l-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jipparteċipa fihom ġew rekkomandati mill-Board u esegwiti mid-Direttur Eżekuttiv. L-istess proċedura ġiet applikata għall- membri tal-bord li kellhom funzjoni ta' chairperson tal-interviewing board f'Jannar li għadda waqt l-intervisti lill-kandidati li applikaw biex jgħallmu fuq bażi ta' kuntratt definit. Ir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati u eżekwiti mid-Direttur Eżekuttiv.

Kuntratt ta' impjieg taċ-Chief Officer Enforcement ta' Transport Malta

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32112, billi għal raġunijiet li jafhom il-Ministru biss għażel li ma jpoġġix fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt tal-impjieg mitlub dwar iċ-Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta, jista' l-Ministru, mingħajr ma jsemmi ismijiet, jagħti d-dettalji sħaħ tas-salarju u l-pakkett kollu ta' remunerazzjoni u inċentivi oħrajn li l-uffiċċjal imsemmi jgawdi minnhom - dan meta wieħed iqis li Transport Malta mhix xi entità privata iżda waħda ffinanzjata minn fondi pubbliċi?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 30090, fejn tajt lill-Onor. Interpellant id-dettalji kollha li qed jitlob, ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata hija marbuta b'kuntratt li jiġġedded kull sena mal-Malta Freeport Corporation u assenjat biex jaqdi doveri ta' Chief Officer Enforcement ma' Transport Malta. Kuntrarju għall-impressjoni li qed tagħti l-oppożizzjoni, din il-persuna titħallas biss kif indikat fit-tweġiba li qed nirreferi għaliha kemm għall-pożizzjoni li tokkupa f'Transport Malta kif ukoll għall-pożizzjoni li tokkupa fil-Malta Freeport Corporation.

Korporazzjoni Enemalta — diffikultajiet tekniċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu d-diffikultajiet tekniċi li wasslu lill-Korporazzjoni Enemalta biex taqa' lura fit-tħejjija tar-refinancing plan tagħha li kellu jitlesta sa tmiem is-sena li għaddiet? Ġie kkwantifkat kemm dan id-dewmien aggrava s-sitwazzjoni ħażina ferm aktar milli diġà kienet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tħejjija ta’ refinancing plan tinvolvi negozjati diffiċli u dettaljati mal-banek. Ir-refinancing plan jinvolvi ukoll tħejjija ta’ dokumenti legali kumplessi u komprensivi li l-Onorevoli Interpellant jista’ japprezza jinvolvu ħafna xogħol. Barra minn hekk dan ir-refinancing plan jinvolvi ukoll ammont kbir ta’ riċerki notarili biex jiġi assigurat korrettezza u trasparenza totali.

Korporazzjoni Enemalta — ħaddiema

Question

Mill-ewwel indikazzjoni preliminari li setgħet ħejjiet il-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jagħti figura indikattiva ta’ kemm: a) nies mistennija jiġu redundant minn mal-korporazzjoni; b) kemm mistennija jiġu redeployed ma' dipartimenti oħrajn tal-kumpanija; u c) kemm huwa ttamat li japplikaw għall-iskema voluntarja ta' irtirar kmieni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni Enemalta tagħmel redeployment tal-impjegati tagħha skont l-esiġenzi tal-istess Korporazzjoni. Ninsab infurmat ukoll illi l-Korporazzjoni mhix qed taħseb dwar redundancies tal-impjegati tagħha. L-iskemi ta’ rtirar jiġu mfassla fl-eventwalità li l-Koprorazzjoni tħoss il-bżonn ta’ tnaqqis tal- workforce tagħha.

nies arrestati relatati mad-drogi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati relatati mad-drogi? Kemm minn dawn jispiċċaw il-ħabs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra, kien hemm 16.6% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mad-droga. Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija, ninsab infurmat illi mill-każi relatati ma' droga, mill-Qorti kien hemm 79 persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs matul is-sena l-oħra,.

nies arrestati fuq offiżi relatati ma' kannabis

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-perċentwali ta' nies arrestati fuq offiżi relatati ma' kannabis? Kemm min dawn jispiċċaw il-ħabs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mit-total globali ta’ persuni arrestati mill-Pulizija matul is-sena l-oħra b’konnessjoni ma' droga, kien hemm 26% li kienu ġew arrestati fuq reati relatati mal-Cannabis. Għalkemm ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika dwar l-aħħar parti tal-mistosija ninsab infurmat illi mill-każijiet relatati mal-Cannabis deċizi mill-Qorti matul is-sena l-oħra, kien hemm 14-il persuna li ngħataw sentenza ta’ ħabs wara li kienu misjuba ħatja ta’ traffikar tal-Cannabis.

pussess jew traffikar ta' kannabis — nefqa totali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa totali fl-2010 u fl-2011 li tinkludi pulizija, qrati u ħabs fuq kawżi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi x-xogħol tal-Korp tal-Pulizija ma jinvolvix biss investigazzjonijiet dwar abbuż mill-Cannabis, lanqas ma hemm xi grupp ta’ Pulizija assenjati biss fuq investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet relatati mal-Cannabis. Barra minnhekk, minħabba n-natura tax-xogħol tal-Pulizija minnu nifsu u l-esiġenzi li jistgħu jinqalgħu minn ġurnata għall-oħra, huwa impossibbli li wieħed jikkwantifika bl-eżatt kemm qed tkun l-ispiża tal-Korp tal-Pulizija fuq kawzi relatati ma’pussess jew traffikar ta’ Cannabis. Għar-rigward tan-nefqa totali għall-perijodu msemmi li tirrigwardja l-ħabs fuq kawzi relatati ma' pussess jew traffikar ta' kannabis, ninsab infurmat illi mhux kull priġunier għandu l-istess bżonnijiet, għalhekk din l-istatistika ma tistax tkun eżatt. Fejn jidħol il-Qorti, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi — lakuna fil-liġi

Question

Peress li fl-1996 Malta rratifikat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda kontra t-traffikar ta' drogi narkotiċi tal-1988 u l-Istat aċċetta li ssir distinzjoni bejn ikkultivar għall-użu personali u kkultivar għal traffikar, iżda fil-liġi Maltija kull kultivazzjoni hija meqjusa bħala traffikar, anke meta jkun ċar li dan sar għall-użu personali, jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu l-gvern jirranġa din il-lakuna fil-liġi?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-United Nations Convention against Illicit Traffic in Narcotic Drugs and Psychotropic Substances, Vienna, 1988’, ma timponi ebda obbligu fuq Stati Firmatarji sabiex issir distinzjoni bejn kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali u kultivazzjoni ta' droga għal skopijiet ta' traffikar. L-artikoli rilevanti li qed jigu riprodotti fit-test originali, jindikaw b'mod cjar li l-obbligu fuq Stati Firmatarji hu dak li l-kultivazzjoni ta' droga għall-użu personali ghandu jsir reat kriminali: "Article 3 1. Each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as criminal offences under its domestic law, when committed intentionally a)... ii) the cultivation of opium poppy, coca bush or cannabis plant for the purpose of the production of narcotic drugs contrary to the provisions of the 1961 Convention and the 1961 Convention as amended;...... 2. Subject to its constitutional principles and the basic concepts of its legal system, each Party shall adopt such measures as may be necessary to establish as a criminal offence under its domestic law, when committed intentionally, the possession, purchase or cultivation of narcotic drugs or psychotropic substances for personal consumption contrary to the provisions of the 1961 Convention, the 1961 Convention as amended or the 1971 Convention. Article 14 2. Each Party shall take appropriate measures to prevent illicit cultivation of and to eradicate plants containing narcotic or psychotropic substances, such as opium poppy, coca bush and cannabis plants, cultivated illicitly in its territory. The measures adopted shall respect fundamental human rights and shall take due account of traditional licit uses, where there is historic evidence of such use, as well as the protection of the environment."

gwerra kontra d-droga

Question

Jekk wieħed iqabbel il-figuri tal-ispejjeż totali tal-gwerra kontra d-droga f'dawn l-aħħar 30 sena kontra l-figuri ta' konsum ta' reati konnessi ma' drogi, jaħseb il-Ministru li din il-gwerra qed tirnexxi? Jista' jkun li għandna bżonn nevalwaw rapporti bħad-Drug Commission Report u nħarsu lejn stejjer ta' suċċess bħal tal-Portugal? Id-drug policies tagħna qegħdin jirnexxu jew qegħdin jistigmatizzaw u jkabbru l-problema ta' min juża jew jabbuża mid-drogi?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma hemmx dubju li f’dawn l-aħħar tletin sena, minkejja li l-importazzjoni, t-traffikar, il-pussess u l-konsum tagħha huma illegali, id-droga ħalliet għadd ta’ vittmi kemm fis-sens ta’ nies dipendenti minnha bil-konsegwenzi kollha li ġġib magħha d-dipendenza , kemm bħala vittmi ta’ reati kommessi minħabba d-droga, u kemm fl-imwiet traġiċi kawża ta’ overdose. Iżda meta wieħed jiġi biex jevalwa jekk “il-gwerra kontra d-droga’’ kellhiex suċċess jew le, irid iqis ukoll kemm kien ikun hemm aktar problemi soċjali u mwiet li kieku d-droga kienet disponibbli b’mod legali. L-esperjenza tal-alkoħol turina li sustanza (droga) legali taħsad ħajjiet iktar minn dawk is-sustanzi illegali, u toħloq diffikultajiet soċjali kbar ħafna. Madankollu, id-Drug Commission Report u l-esperjenza Portugiża ġiegħlu lil dawk li jaħdmu f’dan il-qasam f’diversi pajjiżi li jirriflettu fil-fond fuq il-kwistjoni tal-illegalità ta’ ċerti sustanzi. Jidher li f’Malta hawn kunsens favur id-dekriminilzzazzjoni ta’ ċerti sustanzi. B’dekriminilizzazjoni wieħed jifhem li waqt li s-sustanza tibqa’ illegali u reat, ma tkunx punibbli b’habs biex b’hekk min hu dipendenti minnha jintbagħat għall-kura u mhux il-ħabs.

kannabis medical-grade għal riċerka medika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jista' riċerkatur lokali jġib kannabis medical-grade għal riċerka medika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li biex issir riċerka medika, ir-riċerkatur għandu japplika għall-permess meħtieġ skont l-Avviż Legali 490 tal-2004 “Regolamenti tal-2004 dwar Provi Kliniċi” kif emendat b’Avviż Legali 248 tal-2007. Jekk il-permess għal prova klinika jinħareġ, ir-riċerkatur irid japplika lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika biex jinħarġulu il-permessi relattivi biex tkun tista’ tiddaħħal f’Malta l-ammont ta’ kannabis meħtieġ għall-iskop tar-riċerka. Biex jinħarġu dawn il-permessi is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika jkollha bżonn titlob kwota għall-kwantita’ ta’ kannabis meħtieġa mill-International Narcotics Control Board fi Vienna, li huwa bord indipendenti tal-Ġnus Magħquda li jirregola l-moniteraġġ tal-konvenzjonijiet internazzjonali ta’ kontroll tad-drogi.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — tnaqqis mill-budget

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti breakdown ta' kif se titnaqqas eżett iċ-ċifra tal-flus mill-vot finanzjarju tiegħu item, item in vista tat-tnaqqis tal-€40 miljun li l-gvern ġie ordnat inaqqas mill-budget għall-2012 mill-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkonstanzi ekonomiċi internazzjonal li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f'pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali jerġa jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa' jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin wkoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll tad-dipartimenti li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta' ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f'investiment kapitali u ta' servizzi Konsulari u oħrajn li jingħataw mill-Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappreżentativi ta' Malta lill-Maltin u Għawdxin li jiġu bżonnhom sew f'pajjiżna jew meta jkunu imsiefra.