Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-qari li qed isir tal-meters tad-dawl u l-ilma fid-djar, l-konsumatur f’ħafna każijiet mhux qed jingħata kopja tar-reading li jkun qiegħed jittieħed? Ma jidhirlux li dan in-nuqqas qiegħed ikompli jimmina l-integrità tal-proċess li bih il-households qed jiġu ċċarġjati għall-konsum tagħhom ta’ dawl u ilma?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonsidra, xi forma ta' skema jew tibdil fl-Avviż Legali ħalli dawk in-nies li jixtiequ jirregolarizaw ruħhom mal-National Insurance Payments u għadhom jew bdew jerġgħu jaħdmu għax ikun skadilhom it-terminu ta' ħames snin, ikunu jistgħu jagħmlu dan?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull tibdil leġislattiv ta’ dan it-tip jista jkollu impatt dirett fuq is-sostennibilità tas-sistema kontributorja tagħna u għaldaqstant miżuri bħal dawn jinħtieġ li jittieħdu wara studji dwar l-impatt tagħhom fuq is-sistema.
Fil-preżent persuna għandha ħames snin żmien biex tirregolarizza nuqqas fil-ħlasijiet tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Mhemmx il-ħsieb li dan iż-żmien jittawwal, madanakollu mhux esluż il-fatt li tibdil f’dan il-kuntest jista’ jseħħ fil-futur skont kif jippermettu ċ-ċirkustanzi.
Jista' l-Ministru jippreżenta fuq il-Mejda tal-Kamra it-ticket bir-ritratt tal-ispeed camera tal-kontravenzjoni li d-dettalji tagħha qed tintbgħat separatament u liema ġiet deċiża fit-28 ta’ Mejju 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress li prima facie l-informazzjoni mitluba ma tidherx li hija fl-interess pubbliku, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti raġunijiet għaliex qed jitlob din l-informazzjoni flimkien mal-awtorizzazzjoni mingħand il-persuna nvoluta fil-kontravenzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33065 u 32729 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk persuni li jinteresshom jaħdmu bħala helpers fid-djar privati tal-anzjani għandhomx bżonn isegwu xi kors partikolari?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Fil-każ li l-Onor. Interpellant qiegħed juża l-kelma helpers sabiex jirreferi għall-carers, ninsab infurmat li hemm bżonn li jsegwu kors ta’ carers. Dan jiġi offrut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ kif wkoll mill-ETC.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33066 u jara li jiġi ċċekjat l-operat tal-meter tad-dawl tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għax konsum ta' elettriku ta' aktar minn €15,000 għal tmien xhur jidher esaġerat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu matul l-2011 il-każijiet fejn l-Korporazzjoni Enemalta intalbet taqla' arbli , wires jew bozoz min fejn kienu minħabba li jkun se jsir bini ġdid fil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-każijiet fejn il-Korporazzjoni Enemalta intalbet, permezz tal-applikazzjoni ‘D’, biex taqla’ arbli, wires jew bozoz minn fejn kienu minħabba li jkun se jsir bini ġdid fil-lokalitajiet tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali tul is-sena 2011 huwa kif elenkat hawn taħt:
Distrett
Numru ta’ każijiet
7
37
11
30
12
53
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33075, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' Malti li għandu ukoll ir-rekwiżiti ta' residenza skont il-liġi elettorali, jiġi reġistrat bħala votant, jekk bħalissa mhux hekk reġistrat, għal xi raġuni jew oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ċittadin Malti li għandu r-rekwiżiti kollha skont Artikolu 57 tal-Kostituzzjoni u m’għandux xi skwalifika skont Artikolu 58 tal-istess Kostituzzjoni, u bħalissa mhux reġistrat bħala votant, għandu jmur l-Uffiċċju Elettorali biex japplika fuq il-formola skedata fil-liġi dwar Elezzjonijiet Ġenerali (Kap.354), sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Marzu, 2012 minħabba li d-data tal-għeluq tar-reġistru elettorali li jmissu jkun ippubblikat f’April, 2012, hija l-31 ta’ Marzu, 2012, sabiex ismu u l-partikolaritajiet tiegħu jiġu mdaħħla fl-imsemmi reġistru.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33076, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma r-raġunijiet li l-applikazzjonijiet pendenti għal home help għadhom mhux mogħtija servizz? F'kull lokalità, kemm ilha pendenti l-aktar talba qadima li għad trid tiġi kkunsidrati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
B'referenza għall-website li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, issa li jidher li s-CEO tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irranka fuq xogħlu, jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi rranġata l-paga tiegħu, skont kif kien intqal mill-Prim Ministru?
Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħol ta' watchman fl-iskejjel, jinkludiex ukoll il-ħasil tal-klassijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li x-xogħol ta’ ħaddiema fil-grad ta’
Watchman
ma jinkludix il-ħasil ta’ klassijiet.
Ta’ min jinnota li dawk li qed jagħmlu watchmen duties huma infatti fil-grad ta’ General Hand. Huwa d-dover ta’ General Hand li jaħsel il-klassijiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33064, 32730, 32500 u 32175 u cioè: B'referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31417, issa li l-perjodu ta' ħmistax-il ġurnata kif imsemmi fir-risposta għadda, jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu l-Enforcement Directorate dwar dan il-każ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-deċiżjoni tal-MEPA sabiex it-talba biex jiġu applikati l-provvedimenti tal-Artikolu 91 tal-Att X tal-2010 (qabel l-Art. 55B tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp) fir-rigward ta' ECF 674/06 ma tiġix milqugħa, ġiet appellata mill-perit u s-sid involuti.
Tista' l-Ministru tara jekk it-tifla li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tistax tingħata l-għajnuna ta' learning support assistant kif rakkmandat mill-Istatementing Board peress li ilha tbati fit-tgħallim?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dan il-każ deher quddiem il-bord ta’ l-Appell u l-ġenituri ser jiġu nfurmati bid-deċiżjoni tal-Bord fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-proprjetajiet inklużi d-daqs tagħhom li kienu dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku u li ġew mogħtija lura lis-sidien kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex kienet ġiet żarmata s-sezzjoni tal-klieb tal-ħabs? Hemm il-ħsieb li din terġa' titwaqqaf u tinbena mhux lanqas fid-dawl tal-abbundanza eżistenti tad-droga fil-ħabs?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab informat illi t-taqsima tal-klieb ta’ Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin ġiet imċekkna u mhux żarmata. Infurmat ukoll illi sar u qed isir taħriġ ma' aġenzji oħra fejn diġa' hemm Uffiċjal Korrettiv li kwalifika bħala instructor.
Random checking fuq membri tal-Korp tal-Pulizija u Gwardjani fil-Ħabs
Question
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk isirx random checking fuq il-membri tal-Korp tal-Pulizija u tal-gwardjani fil-ħabs għal dak li hu użu ta' sustanzi projibiti? Jekk le, hemm xi ħsieb li dan jibda jsir?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent isiru testijiet neċessarji fuq dawk il-membri tal-Korp tal-Pulizija u l-Gwardjani tal-Ħabs li jkunu suspettati li abbużaw mid-droga, kif ukoll fuq dawk il-membri li l-atteġġjament tagħhom ma jkunx wieħed normali. Infurmat ukoll illi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin ma jsirx random checking fuq il-Gwardjani tal-ħabs.
*Ara P.L 9466 li tpoġġiet fis-Seduta 460 datata 26 ta’ Marzu 2012
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju jew assessment tat-taħriġ li jingħata lill-Korp tal-Pulizija sabiex ikun jista' jiġi evalwat il-livell ta' taħriġ u l-kompetenza tal-lecturers f'dawn l-aħħar erba' snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tingħati taħriġ kemm fuq livel ta’ liġijiet, proċeduri u policies tal-Korp. Dawn jiġu aġġornati minn żmien għal żmien skont il-ħtiġijiet u l-esperjenzi li jgħaddi minnhom il-Korp. Uħud minn dan it-taħriġ huwa mibni fuq kurrikulum komuni mtella minn CEPOL (European Police College), li huwa komuni għal tagħlim li jieħdu Pulizija oħra fi stati membri tal-Unjoni Ewropeja. Barra minnhekk jingħata wkoll taħriġ kemm fuq livell fiżiku kif ukoll taħriġ fl-użu tal-armi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti stabbiliti sabiex wieħed ikun jista' jintgħażel bħala membru tal-SRT? Jingħata xi taħriġ speċjali lill-membri tal-Korp tal-Pulizija qabel dawn jiġu stazzjonati fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-aħħar membru tal-Korp tal-Pulizija li ġie stazzjonat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin kien f’ Frar 2008. Dan kien ġie assenjat bħala membru tal-SRT minħabba esperjenza li ġab miegħu u peress li kien ħadem fil-Faċilita’ qabel ma ġie stazzjonat fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin fuq bażi regolari. Rekwiżiti sabiex uffiċjal jista’ jintgħażel bħala membru tal-SRT huma: onesta, lealta’, diliġenza, kapaċita’ f’żamma tal-ordni, regolamenti u dixxiplina u dispożizzjoni għal ħinijiet ta’ xogħol irregolari u għal kull taħrig li jkun hemm bżonn issir minn żmien għal żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefaq fuq taħriġ ta' uffiċjali tal-ħabs f'dawn l-aħħar ħames snin? Kif kien maqsum dan l-infiq sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-taħriġ li ngħata lill-uffiċjali tal-ħabs bejn is-sena 2008 u sena 2011 kien is-segwenti:-
2009 Weapon Safe & Handling and Use Course Taħriġ mogħti mill-AFM
2010/11 Abseiling Course Taħriġ mogħti mill-AFM
2010 Dog handling instructor course Taħriġ mogħti mill-korp tal-pulizija
2010 Użu ta’ pepper spray Taħriġ mogħti minn uffiċjali ta’ CCF
2010 Control & Restrain Taħriġ mogħti minn uffiċjali ta’CCF
2011 Control & Restrain Taħriġ mogħti minn uffiċjali ta’ CCF
2011 Basic Weapon Safe Handling & use Course Taħriġ mogħti minn uffiċjali ta’ CCF
2011/2012 Crowd Control Taħriġ mogħti minn uffiċjali ta’ CCF
Dan il-taħriġ sar b’saħħa u grazzi għall-kolaborazzjoni tal-AFM, il-Pulizija u dik ta’ uffiċjali ta’ CCF kwalifikati f’ deversi dixxiplini u fl-aħħar u mhux lanqas għad-dedikazjoni tal-uffiċjali li ħadu sehem. Infurmat ukoll illi n-nefqa totali biex sar dan it-taħriġ kienet tammonta għall-madwar €600 (sitt mitt Ewro).
Tista' l-Ministru tgħid jekk studenta li jkollha l-ġenituri tagħha Maltin u li tkun trabbiet il-Kanada għandhiex dritt għall-istipendju jekk tiġi tistudja fl-Università ta' hawn Malta ? Tista' tgħid meta persuna jkollha dritt u meta ma jkollhiex dritt għall-istipendju bħala studenta universitarja?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Legali li jirregola l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant.