Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsultazzjonijiet għar-rotot tat-trasport tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid issirx konsultazzjoni mal-ġenituri dwar liema għandha tkun l-aħjar rotta u l-aħjar post li jwasslu u jwaqqfu lit-tfal tal-iskola meta jwassluhom lejn l-iskola u lejn id-dar tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar ir-rotot li jintgħażlu sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jagħmel konsultazzjonijiet, fost oħrajn, mal-Kapijiet tal-iskejjel u mal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Jisma’ wkoll lil dawk il-ġenituri li jwasslu x-xewqat tagħhom lid-Direttorat. Il-Kapijiet tal-iskejjel u l-Prinċipali tal-Kulleġġi, min-naħa tagħhom, jikkonsultaw mal-ġenituri, u jwasslu x-xewqat tagħhom u tal-ġenituri lura lid-Direttorat. Wara konsultazzjoni mal-operaturi tat-trasport jiġu mfassla rotot li jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, imma li jkunu fattibbli skont ir-regoli tat-trasport.

Ħinijiet li tfal tal-iskola jinġabru minn djarhom

Question

Tista' l-Ministru tagħti statistika ta x’ħin qed jinġabru t-tfal mid-djar tal-ġenituri tagħhom u x’ħin qed jitwasslu fl-iskejjel, skola b’skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tfal jinġabru minn pick up points stabbiliti u mhux mid-djar tal-ġenituri tagħhom. Il-ħinijiet li fihom jinġabru l-istudenti huma stabbiliti mill-ftehim bejn il-Ministeru/Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-operaturi, u jvarja bejn skejjel primarji u dawk sekondarji, u bejn dawk fil-viċin u dawk fil-bogħod. Dan il-ftehim sar fis-sena 2011 u jgħodd għal 7 snin. Minn tracking system u/jew rapporti li jaslu fid-Direttorati mill-iskejjel, li huma mgħarrfa dwar it- time window aċċettabbli, wieħed jasal biex jistabilixxi jekk xi rotta partikolari segwietx il-ftehim jew le.

Alterazzjonijiet fir-rotot għat-tfal tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm, jekk saru, alterazzjonijiet fir-rotot li jwasslu it-tfal lejn l-iskejjel matul is-sena skolastika 2011 u 2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull darba li tkun mitluba xi alterazzjoni biex l-istudenti jkunu moqdijin aħjar, din l-alterazzjoni tiġi studjata, issir konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, u jekk tkun tista’ tinħadem ir-rotta skont ir-regoli tat-trasport, din tidħol fis-seħħ wara li jkunu mgħarrfa l-partijiet kollha konċernati. M’hemmx rekord formali ta’ dawn it-tibdiliet.
Leg 11 PQ #37892 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Intern

bini ta' post għall-immigranti illegali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37152, jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-gvern qed iħejji xi post (skola sekondarja Paola Ġuże D'Amato) biex xi immigranti illegali jkunu jistgħu jabitaw fih u jikkonferma din ix-xniegħa? Jekk iva, fejn qed jiġi diskuss il-post?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fl-ebda ħin ma kien hemm xi ħsieb li l-post indikat minnu jintuża għall-iskop li qed isemmi fid-domanda tiegħu.

Awtorità tad-Djar — rranġar ta' gallariji

Question

Jista' l-Ministru jara x'sar mill-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn ġew il-periti u kellhom jirranġaw il-gallariji imma x-xogħlijiet għadhom ma bdewx?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar se toħroġ diversi tenders fil-ġimgħat li ġejjin sabiex isiru xogħlijiet simili f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Sigurtà Soċjali — qtugħ tal-benefiċċji tar-romol

Question

Jista' l-Ministru jara li ħaddiema tas-sigurtà soċjali jikkuntatjaw lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li minkejja li ma qabżitx l-ammont ta' flus il-bank, xorta qatgħulha xi benefiċċji tar-romol?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Fabbriki, lukandi u kumpaniji — qtuħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji, lukandi, u fabbriki li l-gvern qatgħalhom is-servizz tad-dawl u l-ilma minħabba li ma ħallsux l-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #38095 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — Pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — pendenzi għall-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti: - Qrati tal-Ġustizzja: nil - Dipartiment għal Ħarsien tas-Servizzi Soċjali: nil - Awtorità tad-Djar: nil - MCESD: nil - MEUSAC: nil - Kummissarju għat-Tfal: nil - Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali: nil - Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali: nil - Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza: nil - Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji: nil - Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabiltà: €14,952 għal 2 tenders , wieħed fuq produzzjoni ta’ DVD u l-ieħor għal Konsulenza ta’ Perit - Sigurtà Soċjali: €32,218.31 għal 31 tender għal diversi servizzi.

Bank Ċentrali ta' Malta — treasurey stocks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw f'ċifra ta' flus globali llum it-treasurey stocks li l-gvern ħareġ permezz tal-Bank Ċentrali ta' Malta? Jista' jagħti l-breakdown meta ħarġu dawn l-istocks u kemm hija ċ-ċifra ta' flus f'kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Valur tal-garanziji tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-valur tal-garanziji tal-gvern għall-kumpaniji, entitajiet u fejn il-gvern għandu jew kellu l-investimenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #38100 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — dejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma kemm huma d-djun f'ċifra ta' flus globali li għandhom llum il-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni iżda din id-darba kunsill, kunsill separatament għas-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi illi l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal dawk il-Kunsilli Lokali li jkollhom ‘shortfall’ fil-working capital tagħhom fl-aħħar tas-sena finanzjarja. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tliet tabelli li juru l-informazzjoni mitluba għas-snin li għalqu fil-31 ta’ Diċembru 2009 (9 xhur), 31 ta’ Diċembru 2010 u 31 ta’ Diċembru 2011.

MFSA — ħatra tal-konsulent fil-qasam tal-PR

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji ħatret lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, konsulenta tagħha fil-qasam tal-PR, kif inħatret u meta nħatret u kemm tħallset s'issa? Kemm-il darba organizzat ikliet u riċevimenti f'Londra għall-ġurnalisti u x'kisbet Malta bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji minn dan kollu? Kemm ġew jiswew dawn l-ikliet u riċevimenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Air Malta — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm telqu nies minn mal-Air Malta bis-somma jew b'post alternattiv s'issa? Kemm ġew impjegati nies part-time? Kemm ġew impjegati nies full-time? Kemm-il promotion ingħatat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Chairman u CEO ta' kull dekasteru — pakketti finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentari li qed jingħataw liċ-Chairman u lis-CEO ta' kull dekasteru? Jista' jindika ukoll x'kien il-pakkett finanzjarju inkluż il-benefiċċji supplimentari li kienu jingħataw liċ-chairman u lis-CEO preċedenti? Jista' jikkonferma jekk ingħatawx xi flus jew benefiċċji oħra liċ-chairman u lis-CEO's preċedenti b'relevanza tar-riżenja tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji tal-benefiċċji/flus li ngħataw filwaqt li jindika jekk ir-riżenja kenitx b'mod volontarju u mingħajr pressjoni politika/ministerjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Transport Malta — Rotta għal Pembroke Park and Ride nurmu 202

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala per eżempju r-rotta 202 għal Pembroke Park and Ride, meta tasal Pender Place iġġiegħel lil kulħadd jinżel għax tkun ħames minuti tard bħal każ li ġara fit-8 ta' Novembru 2012 bin-numru tat-trakk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi l-vettura msemmija, nhar it-8 ta' Novembru ma kenitx qed taħdem fuq ir-rotta 202 u għaldaqstant, Transport Malta ma setgħetx tinvestiga aktar dan il-każ partikolari. Infurmat ukoll illi l-Arriva ma tat l-ebda struzzjoni lix-xufiera sabiex iniżżlu l-passiġġieri minn fuq il-vetturi tat-trasport pubbliku meta l-vjaġġ ikun kmieni jew tard.

Persuni li ġew naturalizzati għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarraf lil din il-Kamra kemm persuni ġew naturalizzati għaċ-ċittadinanza Maltija fis-sena 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — sezzjoni tal-konsumatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati f'Għawdex jaħdmu mas-sessjoni tal-konsumatur f'Għawdex? X'inhi r-raġuni li hemm uħud minnhom li għadhom ma ġewx jaħdmu ma ġewx ingaġġati full-time mal-istess dipartiment?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hemm żewġ part-timers li jaħdmu fuq bażi ta' 30 siegħa fil-ġimgħa.
Leg 11 PQ #38165 Sitting 525 2012-11-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal review ta' studenta

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37128, peress li ntalab review tal-każ u ntbagħtu d-dokumentazzjoni kollha, tista' l-Ministru tara li dan il-każ jiġi mistħarreġ kemm jista' jkun malajr?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari 37128 hemm miktub biex issir talba mill-ġenituri jew mill-iskola tal-istudenta kkonċernata għal review tal-każ. Il-Bord tal-Appell għadu ma rcieva l-ebda talba biex isir review tal-każ.