Billi huwa magħruf li f’diversi ażjendi tal-Gvern hemm ħaddiema VAT registered u li qed jħallsu kontribuzzjonijiet sħaħ tan-National Insurance iżda xorta waħda għadhom rreġistrati bħala self employed mingħajr ebda drittijiet ta' ħaddiema regolari, tista' l-Ministru tgħid jekkl-Avviż Legali 44 tas-sena 2012 tapplikax għalihom wkoll peress li għalkemm ġiet fis-seħħ f’Jannar li għadda u minkejja li kien hemm persuni li ssodisfaw aktar minn ħames mit-tmien rekwiżiti tal-Avviż Legali, qalulhom li din tapplika għas-settur privat biss u mhux għall-kumpaniji u ażjendi parastatali u tal-Gvern? Tista' tara li d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi jkun f’qagħda aġġoranta li jagħti tweġiba ċara lil min jistaqsi dwar dan? Jekk din tapplika għall-ħaddiema f’kull tip ta' ażjenda x’passi ħa il-Ministeru tagħha kontra dawk l-azjendi parastatali li qegħdin jirrifjutaw li jirrikonoxxu din il-Avviż Legali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Laqgħa dwar is-sigurtà tal-Ikel fil-Maghreb — parteċipazzjoni diretta fil-proġett
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32277 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u cioè: B'referenza għall-aħħar laqgħa tal-5+5 dwar is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiż tal-Maghreb fost oħrajn hekk kif irrappurtat fl-Agence Europe fis-7 ta' Frar, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx ħsieb li Malta tipparteċipa direttament fi proġetti f'dawn il-pajjiżi?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32221 u 31869 u jgħid eżatt f’liema direttivi u liġijiet Ewropej konnessi mal-ambjent, pajjiżna ma laħħaqx mal-implimentazzjoni rikjesta u mitluba minnha? Fir-rigward ta’ dawn id-direttivi u liġijiet, jista' jelenka l-isem u n-numru ta’ liġi Maltija fejn kull waħda minnhom tapplika?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fejn il-Kummissjoni jidhrilha li Malta ma laħqitx mal-implimentazzjoni mistennija għar-rigward tad-Direttivi Ewropej, il-Kummissjoni tiftaħ każ ta' 'infringement'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-tlett każijiet fejn il-Kummissjoni jidhrilha li Malta ma laħqitx mal-implimentazzjoni mistennija għar-rigward tad-Direttivi Ewropej fil-qasam tal-ambjent, li jinsabu miftuħa sal-20 ta’ Marzu 2012. Fi tnejn minn dawn il-każijiet il-Gvern diġa ppublika l-emendi meħtiega u għalhekk huwa mistenni li dawn l-‘infringements’ jiġu rtirati. Fit-tielet każ, Malta fetħet djalogu mal-Kummissjoni sabiex jiġu diskussi il-passi meћtieġa sabiex dan il-każ jiġi mwaqqaf.
pre infringements, infringements, u final notices relatati mal-ambjent
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32222 u 31868 u jgħid kemm-il ittra ta' pre infringements, infringements, u final notices irċieva l-Gvern Malti relatati mal-ambjent? Xi pjanijiet għandu l-Gvern Malti biex Malta ma tittellax quddiem il-European Court of Justice?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li, skont informazzjoni aġġornata sal-20 ta’ Marzu 2012, Malta għandha 8 każijiet miftuħa. Dawn jinkludu 6 każijiet taħt l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea (TFEU) u 2 każijiet taħt l-Artikolu 260 tat-Trattat TFEU.
Meta l-Kummissjoni tikkunsidra li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattati, hija toħrog ittra tat-tqegħid fil-mora u tagħti lill-Istat interessat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk, minkejja dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tibqa tqis li Stat Membru jkun naqas li jwettaq xi obbligu tiegħu skont it-Trattati, hija toħroġ opinjoni motivata.
Jekk l-Istat in kwistjoni jibqa ma jaqbilx u ma jikkonformax ma’ din l-opinjoni motivata fil-perjodu stabbilit mill-Kummissjoni, hija tista’ tirreferi l-każ lil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea fejn l-Istat Membru għandu d-dritt li jissottometti l-argumenti tiegħu.
Ta’ min wieħed jinnota illi mill-11 il-kaz illi fetħet il-Kummissjoni kontra Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea sa mis-sћubija ta’ Malta, tlett sentenzi biss inqatgħu kontra Malta. Huwa importanti wkoll li-wieħed jenfasizza li Malta qatt ma ngħatat multi mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ta' l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 32223 u 31867 u jgħid kemm hemm familji Maltin li ilhom ma jirċievu kont actual tad-dawl u l-ilma minn Mejju ta’ sena ilu? Kemm hemm familji mqabbdin s’issa mal-ismart meters? Kemm minnhom qegħdin jinqraw miċ-ċentru tal-ARMS Ltd b’mod remot? Kemm għad baqa' biex il-proċess li bih il-meters kollha jinqraw b’dan il-mod jitlesta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tiċħad jew tikkonferma jekk tnaqqsux xi fondi oriġinarjament allokati lill-Università ta' Malta? Jekk iva, b'kemm tnaqqsu? Dawn se jkollhom xi impatt fuq xi faċilitajiet tekniċi u/jew akkademiċi offruti lill-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sar ftehim mal-Università ta’ Malta li €3 miljun mill-vot rikorrenti jiġi ttrasferit lill-vot kapitali. Dan seta’ jseħħ għax l-Università qed iddaħħal fondi rikorrenti minn sorsi oħra li kienu qed jiġu investiti fi proġetti kapitali, li issa ser jiġu koperti direttament minn fondi kapitali pprovduti mill-Gvern. Dan it-trasferiment ifisser li l-ebda proġett jew inizjattiva oħra li kienu ppjanati mhuma ser jiġu affetwati.
Jista' l-Ministru jara li tiġi rranġata l-problema tad-drenaġġ li ħiereġ minn Triq l-Isqajjaq Ħal Tarxien u jgħid meta se tiġi rranġata din it-triq li tinsab fi stat ħażin ħafna u li minnha jgħaddu ħafna tfal tal-iskola?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-passat il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma kellha rapporti ta’ fawran ta’ drenaġġ, li kollha ġew indirizzati ġewwa din it-triq. Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni dwar każ speċifiku, dan jista’ jiġi investigat mill-Korporazzjoni. Il-konsumatur jista jikkuntatja ukoll lil Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fuq il-freephone 80072222.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li dan ma kellux inkluż it-€300 li ħadu l-anzjani kollha? Jista' jara l-każ u jekk jista' jkun l-anzjan jiġi infurmat bil-miktub? Jista' jara ukoll li jibda jieħu l-pensjoni li hi dovuta lilu peress li nstab li kien hemm xi żball imma s'issa għadu qed jieħu l-pensjoni bin-nieqes?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata bil-miktub dwar il-kaz taghha.
Awtorità tad-Djar — applikazzjoni għal post tal-gvern
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-mara li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li fil-mument qed tieħu s-sussidju tal-kera; li kienet applikat għal post tal-gvern wara li kienet reġgħet irranġat mar-raġel tagħha imma wara li sseparat l-applikazzjoni ma baqgħetx valida? Jista' l-Ministru jgħid kif din il-persuna tista' terġa' tiftaħ il-file tagħha biex jiġi investigat il-każ tagħha?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jinforma lill-individwu biex jiġi fit-taqsima tal-Customer Care tal-Awtorità tad-Djar u japplika għall-akkomodazzjoni alternattiva bħala persuna separata dejjem jekk ikun konformi mal-kriterji tal-Awtorità tad-Djar. L-applikazzjoni tal-individwu ġiet ikkanċellata nhar is-6 ta’ Settembru, 2010 peress li l-istatus u s-sitwazzjoni tal-individwu inbidlet u ma kienx ġie jemmenda l-applikazzjoni.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tagħmel operazzjoni f'irkobbitha u d-data tal-operazzjoni ilha tiġi posponuta minn Ottubru tas-sena l-oħra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li tinsab fl-Isptar Zammit Clapp u applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenż de Paul peress li din l-anzjana għandha bżonn għajnuna kontinwa? Jista' l-Ministru jara l-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna msemmija kienet ammessa Zammit Clapp Home. Hija prattika normali li jekk l-persuna tixtieq li tiġi trasferita f’xi post ieħor, din għandha tagħmel it-talba (relocation request) tagħha lill-amministrazzjoni tal-post fejn tinsab.
Jista' l-Ministru jara li jinħarġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament peress li ilu żmien twil ma jirċievihom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni ingħatat lil-ARMS Ltd li minn naħa tagħha ser tikkomunika direttament mal-klijient.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu f'Għawdex fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 bħala: 1) full-time; 2) part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; 3) part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom a) fil-lukandi u b) fir-ristoranti?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32317 u jgħid kif kien ġie ffinanzjat l-proġett tal-boroz l-griżi? Inħarġu xi fondi pubbliċi għal dan l-għan? Jekk iva, kemm u lil min tħallsu? X'kien is-sehem tal-GRTU f'dan kollu? Kemm tħallset l-GRTU minħabba din l-iskema? Kemm tħallsu il-kolletturi nfushom? Kemm hemm verità f'rapporti li l-kolletturi tħallsu ferm inqas mill-GRTU innifisha? Kif sar il-pagament u kontra liema evidenza dokumentata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Foss ġewwa l-Fgura ssir kollha kemm hi għallanqas sal-aħħar residenti li hemm fiha minħabba li l-kuntrattur qed jgħid li huwa l-ewwel parti biss se jagħmel?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li din il-parti msemmija se tiddaħħal bħala parti mix-xogħol ta’ Transport Malta u se tinħareġ sejħa għall-offerti oħra għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li Transport Malta toqgħod twaħħal tabella ma' kull ftit metri ta' tarmac meta minbarra l-kunsilli lokali hija Transport Malta biss li tagħmel it-toroq f'pajjiżna u dan apparti li dawn it-tabelli qed ikerrhu l-ambjent speċjalment fejn f'numru ta' toroq hemm aktar minn tabella waħda u dan għal ftit metri ta' tarmac biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-imsemmija tabelli jitwaħħlu għal perjodu ta’ gimgħatejn biss minn meta jitlesta x-xogħol. Dawn jiffurmaw parti mit-tabelli li jwaħħal il-kuntrattur waqt ix-xogħlijiet skont kif ikun stipulat mill-pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku. Bħall-kumplament tat-tabelli, dawn it-tabelli jibqgħu propjeta’ tal-kuntrattur li jista’ jerġa’ jużahom f’postijiet oħra fejn ikun wettaq xogħol ieħor għal Transport Malta. B’dawn it-tabelli, Transport Malta tkun qed turi ownership tax-xogħol li tkun għamlet, minħabba li xogħol ieħor jista’ jkun sar minn Kunsilli Lokali, li ħafna drabi huma wkoll jagħmlu tabelli simili għax-xogħol li jwettqu. Dawn it-tabelli jinkludu wkoll informazzjoni dwar kif il-pubbliku jista’ jikkuntatja lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu ħalli l-care workers li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa ma jkomplux jiġu sfruttati u abbużati minħabba kundizzjonijiet ħżiena fl-impjieg tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Komunikazzjoni rigward il-fondi edukattivi Ewropej
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokument, transcript, recording jew xi forma oħra ta' communique li tressqet quddiem jew inġabret minn jew b'xi mod ieħor ġiet a konjizzjoni tal-entità/bord ad hoc kompost minn tliet min-nies iċċerjat mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien irrediga rapport dwar il-każ tas-sospensjoni tal-fondi edukattivi Ewropej (Youth In Action, Life Long Learning) minħabba mismanagement grossolan fi ħdan il-EUPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 24664 u 25443 rispettivament.
IAID — rapport fuq sospensjoni ta' fondi edukattivi ewropej
Question
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' żewġ rapporti li kienu saru mill-IAID in konnessjoni mal-każ tas-sospensjoni tal-fondi edukativi Ewropej (Youth in Action, Life Long Learning) minħabba mismanagement glossolan fil-EUPA?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skont l-Artiklu 22 (2) tal-Att intitolat 'Awditjar Intern u Investigazzjonijiet Finanzjarji' (Kapitlu 461 tal-Liġijiet ta' Malta)
‘Id-Direttur għandu jittratta r-rapporti interni dwar l-awditjar u r-rapporti ta’ investigazzjonijiet finanzjarji bħala strettament konfidenzjali u għandu, ħlief għall-iskop ta’ xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali, jikxef biss x’ikun fihom lis-Segretarju Permanenti jew, skont il-każ, lill-President tal-Kumitat ta’ Awditjar tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u, jekk ikun meħtieġ, lill-Bord, jew lill-Awditur Ġenerali’.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi kriterji intużaw u xi kredenzjali jkunu ġew mitluba biex jimtlew il-pożizzjonijiet ta' tmexxija fi dan il-LGA?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.