sistemi fotovoltajici fuq il-bjut ta' binjiet tal-gvern
Question
Jista' l-Minsitru jgħid meta ħarget it-tender oriġinali għas-sistemi fotovoltajici fuq il-bjut ta' binjiet tal-gvern? Meta nbeda l-proċess tal-aġġudikazzjoni? Fiex wasal? Meta mistenni jiġi aġġudikat? Minħabba fil-waqa tal-prezzijiet fis-sistemi fotovoltaiċi minn mindu tħabbret oriġinarjament l-iskema il-gvern se juri fid-deċiżjoni tiegħu għarfien tal-waqa drastika li kien hemm f’dawn il-prezzijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sejħa għal offerti inħarġet fil 11 ta Novembru 2011 u għalqet fit 23 ta’ Frar 2012. Għaldaqstant preżenetement għaddej il-proċess ta’ aġġudikazzjoni liema proċess huwa mistenni li jkun finalizzat fit-tliet xhur li gejjin.
Kif jaf sew l-Onorevoli Interpellant bħal f’kull proċess ieħor ta’ sejħa għal offerti, is-sottomissjonijiet ta’ prezzijiet hija parti integrali tal-istess proċess u li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni huwa marbut li jagħti konsiderazzjoni xierqa tal-prezzijiet sottomessi.
Fir-rigward tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32316, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra:
a) f'termini ta' persentaġġ kemm mill-enerġija totali li jeħtieġ pajjiżna huwa mistenni li din is-sena jiġi minn sorsi ta' Waste to Energy;
b) attwalment kemm l-impjant ta' Sant' Antnin qed jiġġenera heat and electricity;
ċ) x'sar minnha l-wegħda tal-elettriku b'rati irħas għar-residenti tal-inħawi ta' Wied il-Għajn;
d) jekk jeżistux readings pubbliċi dwar kemm mid-diossini tal-Magħtab qed jinħarqu mill-methane taż-Żwejra kif ukoll kemm qed jiġu meqruda minn dawk iffurmati mill-gass tal-Magħtab innifisu; u
e) kienx hemm xi raġuni jew spejgazzjoni għala ma intefgħa ebda tender għaċ-CHP Eqiupment/Machinery fiż-Żwejra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lll-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18800 imressqa mill-istess Interpellant rigward l-ewwel mistoqsija u għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31176, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xahar ta' Frar 2012 l-impjant ta' Sant Antnin iġġenera 136 MWh f'forma ta' sħana u 151 MWh bħala elettriku.
Rigward l-impjant tat-trattament tal-gassijiet tal-Magħtab ninfurmah li l-gas jinħaraq f’process wieħed u għalhekk mhux possibli jigi determinat il-proporzjon separat kif mitluba. F’dan il-proċess il-methane li hu parti mill-gass miġbur mill-miżbla iservi biex jinħarqu u b’hekk jinqerdu l-ġassijiet perikolużi l-oħra tal-landfill. Dan l-impjant għandu effiċjenza ta’ bejn il-95.2% u 99.8%.
Peress li ma kien hemm l-ebda parteċipazzjoni għall-ewwel żewg sejħiet, din is-sejħa għall-offerti reġgħet nħarġet it-tielet darba, (jigifieri WSM013/2012) u li għaliha ntefgħu tlett offerti li bħalissa qed ikunu evalwati.
Billi l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar keinet wegħdet il-pubblikazzjoni regolari tal-emmissjonijiet tal-estensjonijiet tal-Power Station anke waqt il-mument ta' prova, jista' l-Ministru għal liema raġuni li l-pubbliku għadu ma ġiex aġġornat fl-ebda mod s'issa dwar dan? Kemm-il darba iltaqa l-MEPA Emmisions Monitoring Committee li ġie mwaqqaf kmieni fil-bidu ta' din is-sena?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-magni diesel qegħdin fil-fażi ta’ kkummissjonar u ttestjar, liema fażi tinkludi l-ikkummissjunar u ttestjar tal-istrumentazzjoni għall-monitoraġġ kontinwu tal-emmissjonijiet. Is-sistemi għal dan il-monitoraġġ s’issa ġew kalibrati mill-fabbrika u nstallati, u jridu jiġu ċertifikati. Huwa ppjanat li ċ-ċertifikazzjoni ssir qabel issir ir-reliability run.
Il-MEPA qed tiġi fornita b'estimi ta’ dawn l-emmissjonijiet (fuq bażi ta’ kalkulazzjonijiet). Dawn l-estimi huma disponibbli għall-membri tal-pubbliku li jagħmlu talba għalihom.
Il-Monitoring Committee s'issa ltaqa ħames darbiet. L-ewwel laqgħa saret fl-20 ta’ Diċembru 2011.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tan-notifika formali li permez tagħha l-Kummissjoni Ewropeja għarrfet lill-Gvern Malti li kienet bdiet proċeduri legali kontra l-impjant tal-Power Station tal-Marsa talli dan kien qed jopera fi ksur tal-Large Combustion Plant Directive tal-Unjoni Ewropea? Jista' jikkonferma li ilu jagħmel dan sa minn Lulju tas-sena li għaddiet?
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament fejn dan ħass li ma ġiex trattat tajjeb bħala konsumatur?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s-Sur Magro kien ressaq ilment kontra kummerċjant lid-Dipartiment tal-Konsumaturi f’Jannar 2008. Billi nonostante l-intervent ta’ dan id-dipartiment ma ntlaħaqx ftehim bejn il-kummerċjant u s-Sur Magro, dan ta’ l-aħħar, ressaq il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi. It-Tribunal wara li sema’ iż-żewġ partijiet u eżamina r-rapport ippreżentat mill-espert tekniku imqabbad mit-Tribunal, iddeċieda il-każ billi ċaħad it-talba tas-Sur Magro. Id-deċiżjoni tat-Tribunal ingħatat fil-21 ta’ Jannar 2009, liema deċiżjoni setgħet tiġi appellata.
Qed nippreżenta kopja tad-deċiżjoni tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' din il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament li din mietilha r-raġel u ma tieħu l-ebda pensjoni jew dħul ieħor tal-gvern?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninsab infurmat li l-persuna kkonċernata ġiet ikkuntatjata sabiex tagħti aktar informazzjoni lid-dipartiment sabiex ikun jista' jagħmel ir-riċerka neċessarja u jagħti tweġiba.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet, li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il- Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — remunerazzjonijiet ta' chairpersons
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 32821, 24890 u 15954, ninfurmaha li dawn il-kundizzjonijiet ma nbidlux mill-għotja ta’ dik it-tweġiba.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — tnaqqis mill-budget
Question
Tista' l-Ministru tagħti iktar dettalji u informazzjoni wara l-mistoqsija parlamentari 32240 li staqsa l-Onor. Joe Mizzi dwar ir-revizjoni 'l isfel fil-voti/budget li jaqgħu/jaqa' taħt il-qasam tal-edukazzjoni, anke billi tikkwota mil-line items li ġew approvati fl-aħħar budget estimates? L-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni ogħla okkorrendo kif se jintlaqtu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-Gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda fejn dan possibbli, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32064 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jara l-każ tal-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li kellu jirċievi somma ta' €389.35 u għalkemm bagħat ittra, baqa' ma rċeva xejn?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li uffiċjali mit-taqsima tat-Taxpayer Service tad-dipartiment diġà għamlu kuntatt mal-persuna indikata biex id-diffikultà li għandha tiġi mwieġba.
Nerġa’ għal darba oħra niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dwar materja bħal din ma kienx hemm għalfejn issir mistoqsija fil-parlament. Kien ikun biżżejjed kieku l-persuna konċernata marret fit-taqsima tat-Taxpayer Service fi Blokk 4, Floriana, fejn normalment jiġu ttrattati każijiet bħal dawn minn taqsima apposta. Inħeġġeġ biex kwistjonijiet simili jiġu ttrattati bil-mod kif qed nispjega f’din it-tweġiba.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet transfer mid-dar għal xi home jew day centre , minħabba mard?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għalilha l-Onor. Interpellant għamlet it-talba tagħha fil-25 ta’ Jannar 2012 fejn id-Dipartiment offrilha l-possibilita li taħdem b’siegħat mnaqqsa minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Bħalissa m’hemmx postijiet vakanti fid-Day Centres fl-area fejn toqgħod din il-persuna. Peress li hija ma tiflaħx, din il-persuna għandha l-possibilta li tapplika għall-proċeduri sabiex tidher quddiem Bord Mediku.
Belt — Triq ir-Repubblika - informazzjoni rigward l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss
Question
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ir-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet tal-proprjetà li sa ftit ilu kienet l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq ir-Repubblika l-Belt? Kemm intnefaq s'issa? Min hu l-perit li qed jieħu ħsieb ir-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet? Meta hu ppjanat li dik il-proprjetà terġa' tintuża bħala dar it-tagħlim tal-mużika bħal ma kien isir qabel? Altrimenti għaliex il-gvern beħsiebu juża din il-proprjetà hekk kif jitlesta r-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onorevoli interpellant għandu informazzjoni skorretta. Qatt ma kellna Skola tal-Mużika fi Triq ir-Repubblika l-Belt.
Nassumi li qed jirreferi għall-bini fi Triq l-iFran. Għalhekk nirreferieħ għat-tweġiba li ngħataw għall-Mistoqsija Parlamentari tal-istess interpellant Numru 27569 u Numru 25003.
Restawr għadu ma bediex, għaliex l-iskola tal-Mużika mhux se tirritorna f’bini antik, iżda f’Kulleġġ ġdid tal-Arti. Għad m’hemm l-ebda deċiżjoni dwar il-futur ta’ din il-propjeta. Ir-restawr isir skont l-użu tal-bini.
Belt — Triq ir-Repubblika - informazzjoni rigward l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ir-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet tal-proprjetà li sa ftit ilu kienet l-Iskola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq ir-Repubblika l-Belt? Kemm intnefaq s'issa? Min hu l-perit li qed jieħu ħsieb ir-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet? Meta hu ppjanat li dik il-proprjetà terġa' tintuża bħala dar it-tagħlim tal-mużika bħal ma kien isir qabel? Altrimenti għaliex il-gvern beħsiebu juża din il-proprjetà hekk kif jitlesta r-restawr/eżerċizzju ta' tiswijiet?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra kemm swew fi spejjeż ta' manutenzjoni l-erba' patrol boats li nxtraw madwar sena u nofs ilu mill-Awstralja? Min qed jagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż ta' manutenzjoni; il-fondi Maltin in toto jew xi fondi oħrajn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-ispejjeż ta’ manutenzjoni ta’ l-erba’ Austal Class Patrol Boats huwa hekk: €93,000 huma spejjeż fuq xogħolijiet ta’ manutenzjoni skedati u ta’ rutina u €24,000 huma spejjeż marbutin ma’ tiswijiet mhux previsti, xiri ta’ xi għodod u tagħmir addizzjonali. Barra dan l-FAM żammet maħżun numru ta’ oġġetti oħra f’każ ta’ ħsarat jew manutenzjoni ta’ rutina. Il-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż qed isir mill-fondi annwali allokati mill-Ministeru tal-Finanzi lill-FAM.