Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gaming Authority — ħruġ ta' liċenzji tal-istaff

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji tal-istaff tal-casinos trid bilfors timtela bil-linka sewda għax inkella skont il-Gaming Authority tiġi rifjutata? Huwa minnu wkoll li fl-istess applikazzjoni l-Gaming Authority qed titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li tkun awtotizzata titkexxef fil-kontijiet bankarji tal-istess applikant?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi hija prassi normali li applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-istaff tal-casinos u oħrajn simili ikollhom ir-rekwiżit li jiġu mimlijin bil-linka sewda sabiex jekk ikun hemm il-bżonn li jiġu fotokopjati jew skenjati, ikun hemm ċertezza illi d-dikjarazzjonijiet u l-firem joħorgu b’mod car. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess applikazzjoni l-Awtorita’ titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li titkixxef fuq il-kontijiet bankarji tal-istess applikant. Din id-dikjarazzjoni hija important ħafna sabiex l-Awtorita` tkun tista’ taqdi dmirijietha skond Kap 400 u Kap 438 tal-Liġijiet Ta’ Malta.

tindif tal-bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32930 u jgħid kemm hija n-nefqa ta’ kull kunsill lokali f’dawn l-aħħar ħames snin għat-tindif tal-bajjiet/xtut u jekk ix-xogħol huwiex isir minn ħaddiema tal-gvern jew kuntrattur privat ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tindif tax-xtut u l-bajjiet per se huwa responsabbli għalih id-Direttorat għall-Indafa Pubblika fil-Ministeru għall-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali. Fil-każ tax-xtut u l-bajjiet Għawdxin dan ix-xogħol isir minn taqsima apposta fil-Ministeru għal Għawdex. Madankollu bosta Kunsilli Lokali jieħdu ħsieb xogħol extra ta’ tindif fil-bajjiet u x-xtut fil-konfini tal-lokalitajiet tagħhom. Oħrajn, bħal ma huwa l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, immodifika l-kuntratti li kellu tat-tindif tax-xtut sabiex iżid il-frekwenza tat-tindif fiż-żoni u t-toroq li jinsabu immedjatament qrib ix-xtut. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika l-ħlasijiet li jħallsu dawn il-Kunsilli Lokali għal dawn is-servizzi.

Wardija Resource Centre

Question

Peress li fil-Wardija Resource Centre hemm problema fis-sistema tal-elettriku, tista' l-Ministru tgħid meta se jiġi rimedjat dan in-nuqqas bażiku f'ċentru ta' żagħzagħ b'diżabilità? X'hemm ippjanat għall-futur ta' żagħżagħ li diġà qabżu it-22 sena u għadhom f'dan iċ-ċentru għax mhemmx post ieħor li fih dawn ikunu jistgħu isegwu jew ikompli l-formazzjoni edukattiva tagħhom? X'opportunitajiet qed jinħolqu għal dawn iż-żagħżagħ wara li jaqbżu ċertu età u ma jkunx irnexxielhom isibu xogħol? X'forma ta' konsultazzjoni kien hemm mal-istaff ta' dan iċ-ċentru, qabel u saħansitra wara li ġie implimentat il-programm li jigwida l-edukazzjoni li qed jirċievu ż-żagħzagħ f'dan iċ-ċentru tal-Wardija? Ingħatat kunsiderazzjoni lill-fatt li l-maġġoranza tal-istudenti huma autistic u riżultat tal-implimentazzjoni ta' dan il-programm, dawn l-istess studenti qed ikollhom ibiddlu l-post ta' fejn jirċievu t-tagħlim tagħhom mal-erba' darbiet kuljum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li x-xogħol li hemm bżonn fl-elettriku tniżżel fil-lista ta’ xogħolijiet sabiex isir fas-sajf li ġej. Żgħażagħ li għadhom jattendu ċ-Ċentru u għandhom aktar minn 22 sena għadhom qed jibbenefikaw mill-programm taċ-Ċentru, dejjem skont il-ħiliet u l-bżonnijiet tagħhom. Il-programm ta’ dan iċ-Ċentru ġie fformulat b’konsultazzjoni sħiħa mal-kap ta’ l-iskola , flimkien mas-Service Manager u l-EO Special and Inclusive Education. Dan il-programm beda jiġi implimentat bi prova fil-bidu tas-sena skolastika 2010-11, wara li saret laqgħa mal-għalliema, li l-maġġoranza tagħhom kienu ġodda għaċ-Ċentru. F’Novembru tal-istess sena, waqt SDP (Staff Development Programme) saret evalwazzjoni tal-andament tal-programm mal-għalliema u l-LSAs kollha, fejn ingħata feedback , li permezz tiegħu setgħu isiru ċerta tibdiliet. Din l-evalwazzjoni ġiet irrepetuta, fl-aħħar SDP ta’ dik is-sena skolastika fejn il-feedback kollu li ngħata mill-istaff ġie evalwat u twettqu tibdiliet skont ix-xeqwat tal-għalliema. B’referenza għall-fatt li l-maġġoranza tal-istudenti huma Autistic, u b’konnessjoni mal-programm, mis-sena skolastika li għaddiet, bdiet tiġi implementata sistema ta’ “whole school visual approach”, li b’hekk studenti bl-awtiżmu qed jiġu infurmati viżwalment b’tibdiliet fil-programm ta’ matul il-ġurnata, kif inhi l-prattika mat-tfal b’awtiżmu.

Helipad fl-Isptar San Luqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33205, jista l-Ministru jgħid min neħħa din il-kamra żgħira u l-cables tal-elettriku, is-switches tad-dawl, l-apparat ta' komunikazzjoni u aparat għat-tifi tan-nar u xi spiża saret biex tneħħa dan kollu? Jista' jgħid jekk dan l-ammont jinkludiex anke l-kiri jew x-xiri ta' mobile cabins? Jista' jgħid jekk hux vera li l-Malta Enterprise qed tuża din l-area jew madwara bħala parking area? Din se taffetwa l-operat tal-Helipad?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif diġa spjegajt fir-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari 33205 il-kamra ma tneħħitx mid-Dipartiment tas-Saħħa. L-apparat ta’ komunikazzjoni u tat-tifi tan-nar ittieħed kollu l-Isptar Mater Dei fl-2007, u għalhekk ma hemm l-ebda spiża sabiex dan jerġa jintuża. Dan l-istess apparat, fil-fatt ser jerġa jintuża. Madwar il-helipad hemm numru ta’ spazji ta’ parkeġġi. L-użu tal-helipad mill-ġdid ser jaffetwa madwar seba’ parkeġġi.

Diretturi fis-Servizz Pubbliku u Chairmen ta' Entitajiet Pubbliċi — drivers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma d-dmirijiet ta' drivers li jkunu assigned ma' diretturi fis-Servizz Pubbliku u chairmen ta' entitajiet pubbliċi? Dawn id-drivers jistgħu jiġu mqabbda jwasslu lis-seniors tagħhom fuq xogħol jew impjennji oħra li jmorru strettament li 'l hinn mir-rwol ta' direttur jew chairman eċċ. bħal per eżempju xogħol privat jew ta' volontarjat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li Drivers li huma assenjati mas-Segretarji Permanenti jistgħu iwasslu lis-Segretarji Permanenti fuq dmirijiet uffiċjali anke meta t-tali mpenji jaħbtu wara l-ħin tax-xogħol. Għal dan il-għan dawn id-drivers jingħataw fixed allowance minflok overtime minħabba d-diversi impenji uffiċjali tas-Segretarji Permanenti barra l-ħin tax-xogħol. Id-dmirijiet ta’ Drivers huma ggwidati mid-doveri inklużi fil- job description applikabbli għall-grad ta’ xufier/messaġġier. Pero’ normalment dan il- job description ma jinkludix li jwassal lid-Diretturi jew Diretturi Ġenerali tagħhom fuq xogħol jew impenji oħra li jmorru strettament li 'l hinn mir-rwol. Fil-każ ta’ Chairpersons fl-entitajiet pubbliċi, japplikaw it-termini u l-kundizzjonijiet skont il-kuntratt tagħhom u għalhekk jekk l-Onorevoli Interpellant għandha xi każ partikolari, hi mitluba tagħti aktar informazzjoni, anke b’mod privat.
Leg 11 PQ #33653 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dun Karm Psaila u Bambini tal-Milied — informazzjoni dwar kotba ppublikati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew jiswew iż-żewġ kotba dwar Dun Karm Psaila u dwar l-esebizzjoni tal-Bambini tal-Milied f'Malta inawgurati fit-3 ta' Diċembru u fil-11 ta' Diċembru rispettivament fil-Berġa ta' Kastilja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

OHSA — bord ta' appell

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx bord tal-appell tal-Occupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legali 27/2000?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li -Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (u mhux l-Avviż Legali 27/2000, kif imsemmi mill-Mistoqsija Parlamentari) jaħseb li jitwaqqaf Bord ta’ Appelli biex jisma u jiddeċiedi dwar appelli minn ordni ta’ xi uffiċjal maħtur skont dan l-Att. Il-Bord jitwaqqaf jekk jiġi reġistrat xi appell. Irid jingħad li l-Bord ta’ Appelli m’għandux x’jaqsam mas-sistema ta’ intimazzjoni ta’ pieni mill-Awtorita’ peress li intimazzjoni għal ħlas m’hijiex meqjusa bħala ordni

Kont ta' multi fuq vettura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33179 u jinvestiga l-kont ta' multi li rċeviet il-familja li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, inkluż il-kunsens, fuq vettura li ma baqgħetx tagħhom għaliex kienet inbiegħet u sar transfer fuqha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha Transport Malta, tal-persuna li ngħataw id-dettalji tagħha, din il-persuna xtrat din il-vettura mingħand il-persuna l-oħra fl-1 ta’ April 1997. Ninsab ukoll infurmat li din il-vettura għandha l-liċenzja skaduta u l-liċenzja ilha ma titħallas minn Frar tal-2008. Transport Malta mhix infurmata li kien hemm xi trasferiment ieħor u jekk kien hemm bejgħ ta’ din il-vettura, allura dan ma ġiex reġistrat ma’ Transport Malta. Ninfurmak ukoll li skont ir-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni u Liċenzjar ta’ Vetturi bil-Mutur, Leġislazzjoni Sussidjarja 368.02, is-sid tal-vettura jibqa’ responsabbli tal-vettura sakemm it-trasferiment ta’ dik il-vettura ikun reġistrat ma’ Transport Malta f’mhux aktar minn sebat ijiem.

Awtorità tad-Djar — applikazzjoni għall-post tal-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li xorta waħda qed tieħu għajnuna mill-Awtorità tad-Djar tixtieq post bil-kera minħabba li mhix f'pożizzjoni tħallas dik il-kera lis-settur privat?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikanta in kwestjoni qegħda pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Hija tikri post mill-privat u tħallas kera ta’ €2,040 fis-sena però tibbenefika minn sussidju fuq il-kera li jammonta għall-€966.69 fis-sena. Dan ifisser li din il-persuna tħallas minn butha kera ta’ €89 fix-xahar. L-Awtorita’ tad-Djar prezentament għandha 218 persuna li jibbenefikaw minn sussidju tal-kera izda li wkoll għandhom applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Dipartiment tal-Artijiet — tweġiba għal ittra

Question

Jista' l-Ministru jara li d-Dipartiment tal-Artijiet jwieġeb l-ittra li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern qiegħed fil-proċess li jixtri l-art kollha li qegħda għand il-Gvern b’titlu ta’ Pussess u Użu jew Dominju pubbliku u li fuqha hemm residenzi mibnija. L-art akkwistata tiġi trasferita lil Awtorità tad-Djar permezz ta’ avviz legali. Wara, l-Awtorita’ tad-Djar tkun tista’ tbiegħ ir-residenzi attwali li hemm mibnija, lil inkwilini. Fil-każ indikat separatament, irid jingħad li l-art, li qegħda għand il-gvern b’titlu ta’ pussess u użu u li fuqha hemm mibnija r-residenza msemmija, għada ma ġietx akkwistata mill-Gvern. Għalhekk għalissa ma tistax tiġi mixtrija mir-residenti. Però, kif ingħad aktar il-fuq, għaddej eżerċizzju ntensiv biex tinxtara l-art kollha. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l- area ta’ Bormla u għalhekk huwa previst li sa żmien sena ikun jista jsir it-trasferiment tal-art u konsegwentement il-bejgħ tar-residenza lil-persuni indikati.

Mosta — Triq Kurat Calleja - ilment fuq storbju fit-triq

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jieħdu l-passi meħtieġa dwar l-ilment li dwaru qed titressaq il-petitzzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata bl-inkonvenjent li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant, hija ħadet il-passi meħtieġa immedjatament.

Ħal Farruġ — Triq Ħal Farruġ - sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema tar-residenti tal-Housing Estate ta' Ħal Farruġ li qed jilmentaw li l-exits li hemm fuq Triq Ħal Farruġ qegħdin perikolużi ħafna għall-vetturi li jkunu ħerġin fuq din it-triq peress li mhemmx sinjali tat-traffiku adekwati f'kull exit?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt l-osservazzjoni tiegħu lil Transport Malta.

Arms Ltd — rata kummerċjali għal persuna li għandha aktar minn tliet postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna li għandha iżjed minn tliet postijiet fuq isimha u dawn il-proprjetajiet huma kollha residenzjali huwiex minnhu li l-ARMS qed toħrog kontijiet b'rata kummerċjali għal bqija tal-postijiet residenzjali ? Jekk iva, minn meta bdiet din il-miżura? Meta daħlet fis-seħħ? B'liema mod ġiet introdotta?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond l-Avviż Legali 331/08, kull konsumatur jkun biss intitolat jirreġistra bħala Servizz għall-Post Residenzjali, Servizz għar-Residenza Prinċipali, Servizz għar-Residenza Sekondarja u Servizz għal Garage wieħed li ma jeċċediex 30 metru kwadru u li jintuża esklużivament għall-finijiet privati u non-kummerċjali. Din il-proċedura daħlet fis-seħħ sa’ minn Ottubru 2008.

Direttat tal-Agrikoltura — miżuri fuq is-siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-direttorat tal-agrikoltura għadu ma ħax il-miżuri sabiex jaqla' s-siġar mill-post li d-dettalji tiegħu qegħdin jintbagħtu separatament ġaladarba l-permess meħtieġ ingħata permezz ta' ittra li d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu separatment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li filwaqt li biex tinqala’ siġra partikolarment ta’ speċi protetta huwa meħtieġ il-‘clearance’ tad-Dipartiment tal-Agrikoltura, ir-responsabbiltà tal-qlugħ tas-siġra konċernata taqa’ fuq min huwa responsabbli mis-sit fejn hemm is-siġra. Minn ispezzjoni li saret fuq is-sit, is-siġar in kwistjoni jinsabu fuq bankina pubblika f’ Housing Eastate u għalhekk ix-xogħol meħtieg fis-sit konċernat mhuwiex responsabbiltà tad-Dipartiment tal-Agrikoltura.

Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol — reġistru part 1

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament sal-lum għadu ma nqalibx fuq ir-reġistru part 1 minkejja li l-każ tiegħu intrebaħ fl-Awtorità Nazzjonali tax-Xogħol b'hekk sal-lum għadu ma jistax isib impjieg alternattiv u lanqas jirċievi l-benefiċċji dovuti lilu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-persuna indikata minnu l-ahhar li rreġistrat għax-xogħol kien fl-14 t’Ottubru 2011. Minn dik id-data ‘l quddiem l-istess persuna ma kienetx f'pożizzjoni li tirregistra peress illi ppreżentat ċertifikati mediċi li jkopru minn dik d-data ‘l quddiem. Fl-10 ta’ Marzu 2012 din il-persuna għamlet applikazzjoni għal assistenza soċjali. Kif appena din il-persuna tkun tajba għax-xogħol u allura jieqfu ċ-ċertifikati mediċi huwa awtomatikament ikun intitolat biex jirreġistra fuq l-ewwel parti tar-Registru in linea mad-deċiżjoni tal-NEA.
Leg 11 PQ #33725 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att Numru XVII

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għal-liema raġuni l-Att Numru XVII tas-sena 2010 għadu mhux fis-seħħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex dan l-att jiġieb fis-seħħ.
Leg 11 PQ #33726 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kummissarji għal investigazzjonijiet amministrattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-kummissarji għall-investigazzjonijiet amministrattivi għadhom ma nħatrux, kważi sena u nofs wara li l-liġi għaddiet mill-Parlament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 33725.

L-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġaladarba jeżisti s-servizz tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ġewwa Ħal Kirkop, mediċini li jingħataw b'xejn mill-isptar bħalma huma Alprazolam jew kif magħrufin Xanax tablets, mhumiex qed jitqassmu mill-ispiżerija iżda l-pazjenti qed ikollhom xorta waħda jiġbruhom mill-isptar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa din it-tip ta’ mediċina mhux inkluża fil-formularju tal-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Madankollu, id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek beda diskussjonijiet mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex, jekk hu possibbli, din is-sitwazzjoni titranġa.

Artijiet trasferiti lill-Awtorità tad-Djar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32116, jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' artijiet li ġew trasferiti lill-Awtorità tad-Djar bl-avviż legali 236/2011? Kemm għad fadal artijiet f'din iż-żona li jridu jgħaddu mingħand id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern lill-Awtorità tad-Djar? Meta mistenni jinħareġ l-avviż legali biex dan it-trasferiment isir u l-inkwilini jkunu jistgħu jimxu għall-kuntratt finali għall-akkwist tal-art?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li bis-saħħa tal-Avviż Legali LN 236/2011, 29 HOS plott f’Għajn Dwieli ġew trasferiti lill-Awtorità tad-Djar. Għoxrin (20) HOS plott ieħor qed jistennew il-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali sabiex isir it-trasferiment lill-Awtorità tad-Djar. Tlettax (13) il-plott oħra ma jistgħux jiġu trasferiti peress li l-akkwist tal-art mil-Gvern għadu ma ġiex iffinalizzat. L-Avviżi Legali f’dawn il-każijiet jinħarġu mill-Awtorita’ tad-Djar. Irid jingħad ukoll li l-Gvern Ċentrali fl-2011 nefaq is-somma ta’ 3.3 miljun Ewro għall-akkwist ta’ dawn l-artijiet, sabiex dawn il-familji ma jibqgħux igħixu iktar fuq konvenju, iżda jsiru sidien ta’ djarhom.