Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33237, 33053, 32719, 32510 u 32251 u jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Private Jet għas-safar tal-Prim Ministru, Ministru u Segretarji Parlamentari

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32687, jista' l-Ministru jgħid għalfejn ir-rimbors ma kienx totali? Jista' jgħid x'inhi s-somma totali allokata għal dawn ir-rimborsi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ammont mhux rimborsibbli jirreferi għall-laqgħa ta’ nhar it-Tnejn 7 ta’ Novembru 2011. Dak inhar attendejt għall-laqgħa tal-EURO GROUP u nżilt lura l-għada filgħodu biex inkun nista’ nattendi l-Parlament peress li kien hemm Vot ta’ fiduċja fil-Gvern. Peress li m’attandejtx għall-laqgħa tal-ECOFIN li saret dak inhar, in-nefqa ma kienitx rimborsibbli.

Inkjesta dwar mewt ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta dwar il-mewt tal-individiwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fl-4 ta' Mejju 2007 waqt li dan kien qed jiġi arrestat mill-pulizija? Jista' jgħid x'kien l-eżistu ta' din l-inkjesta u jekk hux se jittieħdu xi passi kontra xi ħadd? Jekk l-inkjesta msemmija mhix konkluża, jista' l-Ministru jgħid għaliex?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-inkjesta msemmija għadha ma ġietx konkluża mill-Magistrat li qed tidderiegi l-imsemmija inkjesta.

infurzar tal-Avviż Legali 315

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33243 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid minn meta bdiet tiġi infurzata Regulation 7 tal-Avviż Legali 315 tal-2004? Iħoss il-Ministru li din il-proċedura ġdida qed tkun ta' xkiel għall-importaturi lokali? Jista' jgħid jekk din il-prattika hijiex addottata f'pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li r-Regolamenti tal-2004 dwar l-ikkummerċjar (A.L. 315 tal-2004) kienu irrevokaw lir-Regolamenti tal-2003 dwar Dikjarazzjoni ta’ Importazzjoni (A.L. 133 tal-2003). Ir-Regolament numru 7 kien l-istess fiż-żewġ regolamenti. Għaldaqstant ir-regolament numru 7 beda jiġi infurzat ftit wara li ħareġ l-Avviż Legali 133 tal-2003, jiġifieri f’Gunju tal-2003. Il-proċedura msemmija mhijiex ġdida. L-istqarrija għall-istampa numru 1531 tat-13 t’Awwissu 2011 kienet intenzjonata biex tfakkar lill-kummerċjanti bir-responsabiltajiet li huma għandhom skont ir-Regolamenti msemmija kif ukoll skont Regolamenti oħra. Skont ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il- welfare tal-annimali, Artiklu 3 para 6 jgħid ‘ ...Sal-limitu strettament meħtieġ għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċċjali, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-operaturi li jkollhom merkanzija mwassla minn stat membru ieħor biex jirrapportaw il-wasla ta' dik il-merkanzija. ’ Ir-Regolament 7 tal-Avviż Legali 315 tal-2004 qiegħed konformi ma’ dan l-artiklu.
Leg 11 PQ #33569 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità tax-Xandir — permess biex jixxandar TVM HD

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kenitx l-Awtorità tax-Xandir li ħarġet il-permess biex TVM jibda jxandar anki bi prova fuq il-cable l-istazzjoni TVM HD? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika meta jiskadi l-permess għal dan il-perjodu ta' prova? Jekk fin-negattiv, jista' jindika min ħareġ dan il-permess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li kif stipulat fl-artiklu 10(4C) tal-Att Dwar ix-Xandir, il-ħruġ tal-liċenzja tal-istazzjonijiet pubbliċi ma jsirx mill-Awtorità tax-Xandir, imma mill-Ministru kkonċernat. Ta’ minn jippreċiża li TVMHD qiegħed ixandar bi prova parti mill-kontenut li diġa’ jixxandar fuq TVM u ħafna drabi fl-istess ħin li jkun qed jixxandar fuq TVM. Id-differenza hija li fuq TVMHD tintuża t-teknika tal- high definition u allura tagħti prodott bi kwalità aħjar. Minħabba f’hekk, TVMHD ma jistax jitqies bħala stazzjon ġdid u għaldaqstant jiena nfurmat li m’hemmx bżonn li tinħareġ liċenzja ġdida għalih. Iġifieri, għall-finijiet tal-Att Dwar ix-Xandir, din tikkostitwixxi trasmissjoni simultanja tal-istess servizz ta’ xandir, hekk kif hu permess skont is-subartikolu 10(6E) li jgħid kif ġej: “(6E) Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, it-trasmissjoni simultanja tal-istess servizz ta’ xandir fuq mezzi differenti għandha tiġi kkunsidrata bħala servizz tax-xandir wieħed.” Il-kumpanija PBS infurmat lill-Awtorità tax-Xandir u lill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni b’dawn il-provi. Peress li eventwalment l-istazzjonijiet kollha jkun jeħtiġilhom li jibdew ixandru b’sistema high definition , dan l-esperiment li qed tagħmel il-PBS għandu jservi mhux biss lill-PBS iżda lill-industrija televiżiva kollha f’pajjiżna.

Għajn Dwieli — Triq il-Vittmi tax-Xogħol - tindif tas-sit

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sit li jinsab fi Triq il-Vittmi tax-Xogħol fl-inħawi t'Għajn Dwieli, fejn snin ilu kienu nstabu madwar ħames oqbra puniċi, tiġi mnaddfa u forsi protteta milli tkompli tintuża bħala sit għar-rimi tal-iskart peress li sit jidher li jinsab fuq art privata u għalhekk il-kunsill lokali mhux permess li jintervjeni?

Response (DEMARCO, MARIO)

Peress li l-art li qiegħed jagħmel referenza għaliha l-Onor Interpellant ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ Heritage Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Għajn Dwieli — zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tarax li ż-zebra crossing li hemm fin-niżla t'Għajn Dwieli eżatt kif taqbeż id-daħla tat-Tarzna, tingħata ż-żebgħa peress li mhux qed tidher u qed tkun ta' perikolu kbir kemm għal min jaqsam kif ukoll għal min ikun qed isuq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li filwaqt li f’Mejju huwa pprogrammat li jiġu miżbugħa mill-ġdid ir-road markings matul din it-triq, iż-zebra crossing imsemmija mill-Onorevoli Interpellant se tinżebah fil-ġranet li ġejjin.

San Vinċenż de Paul — informazzjoni dwar perunsa li taħdem hemm

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-rwol tal-ex Management Nursing Services Officer jew ex Principal Nursing Officer tar-Residenza San Vinċenż de Paul illum u dan peress li ta' spiss minkejja li spiċċa minn dawn il-karigi jkun fuq xogħlijiet fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jekk għandu xi rwol partikolari issa wara li rtira bl-età, jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun imħallas? Jekk huwa imħallas għal xi rwol, jista' jgħid kemm qed ikun imħallas u jekk għandux xi benefiċċji oħra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna konċernata hija mpjegata bħala staff nurse mad-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. Huwa jaħdem b’siegħat mnaqqsa, jiġifieri total ta’ 30 siegħa fil-ġimgħa. Jieħu paga normali ta’ staff nurse ikkwalifikat bil-Baccelerat li jaħdem 30 siegħa fil-ġimgħa. Din il-persuna m’għandu ebda benefiċċji oħra. Ix-xogħol tiegħu jinkludi fost oħrajn, il-koordinazzjoni tas-servizzi għan-nies li jgħixu fil-komunita’ kif wkoll assessments kliniċi tal-anzjani li jgħixu fil-komunita’. Bħalissa qed jgħin fit-tħejjija tan-night shelter ġewwa San Vinċenz.

Impjieg ta' Careworkers mad-Dipartiment tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jimpjega madwar 200 care worker mad-Dipartiment tas-Saħħa? Jekk iva, jista' jgħid jekk ġietx inkarigata care worker li hija helper tal-Partit Nazzjonalista fir-Residenza San Vinċenz de Paul waqt l-elezzjonijiet, u security guard li huwa magħruf għal kulur politiku li jħaddan, biex jiddentifikaw dawn il-care workers? Jekk se jimpjega, meta se jiftħu l-applikazzjoni u x'se jkunu l-kriterji tal-għażla?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Malta Enterprise — porġetti ta' espansjoni f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il intrapriża f’Għawdex il-Malta Enterprise għenet fi proġetti ta’ espansjoni fl-2011? Kemm mistenni li jiġġeneraw impjiegi fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom? Kemm huwa l-investiment totali tagħhom? Kemm minn dan l-investiment huwa barrani? X’għajnuna tathom il-Malta Enterprise? F’liema setturi joperaw dawn l-intrapriżi? Kemm-il ċertifikat ta’ krediti ta’ taxxa ngħataw lin-negozji Għawdxin li jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema? Kemm investew dawn il-kumpaniji u kemm-il impjieg ġdid se joħolqu fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi espansjonijiet li saru f’Għawdex matul is-sena 2011, saru permezz tal-iskemi, Investment Tax Credits, Microinvest u ERDF u kienu kollha minn kumpaniji lokali. Inħargu 175 ċertifikat taħt l-iskema Microinvest, miftuħa għal negozji li jimpjegaw inqas minn 10 persuni. L-investiment totali kien ta’ €1,749,857.22, u kien hemm 10 persuni mpjegati ġodda. L-iskema Microinvest hija miftuħa għas-setturi kollha u għalhekk il-benefiċjarji joperaw f’setturi varji. Kumpanija waħda lokali mis-settur tal-manifattura ibbenefikat mill-iskema Investment Tax Credits għal valur ta’ €43,637, filwaqt li 16 -il kumpanija ibbenefikaw mill-iskemi ERDF u bejniethom investew €909,599.20. Dawn l-iskemi mhumiex marbutin ma impjieg u kienu ukoll miftuħa għal-setturi varji.

informazzjoni dwar night shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il night shelter hemm għall-anzjani f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fil-preżent hawn żewġ Night Shelters f’Malta li jinsabu fiż-Żejtun u fil-Mellieħa. Kemm dak taż-Żejtun kif ukoll dak tal-Mellieħa, jakkomodaw 8 persuni . L-ispiża ta’ dawn in- Night Shelters fit-2011 kienet hekk: Żejtun Euro 5,000 Mellieħa Euro 8,450 Rigward Night Shelters ġewwa Għawdex nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Sptar Mater Dei — Central Sterile Services Department - azzjoni industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li t-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei, kenux jew humiex fuq azzjoni industrijali? Jekk kienu jew huma jista' jgħid x'inhi t-tilwima industrijali? Jista' jgħid għaliex ħarġet tender għall-isterilizazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet li tiswa €125,000 u li ġiet ippubblikat u tagħlaq fi żmien 24 siegħa? Dan se jfisser li l-impjegati ta' din it-taqsima se jiġu deployed f'xi xogħol ieħor fis-settur tas-saħħa? Jekk iva x'inhi r-raġuni li se tingħalaq din it-taqsima? Fejn se jiġu deployed dawn il-ħaddiema?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fit-taqsima Central Sterile Services Department tal-Isptar Mater Dei kienu fuq azzjoni industrijali, li issa twaqfu. It-tilwima industrijali kienet fuq żieda fi gradi u allowances minkejja li l-Gvern kien lest jikonċedi li dawn il-ħaddiema jingħataw l- allowances u strutura bi gradi għola milli għandhom illum. It- tender ħarġet bħala miżura temporanja biex jsir l-isteriliżazzjoni tal-istrumenti għall-operazzjonijiet fil-privat tal-istrumenti li mhux klassifikati bħala ta' emergenża, imma xorta essenzjali għall-operazjonijiet, li ma kienux qiegħdin jsiru minħabba d-direttivi mposti mill-Union relattiva fuq il-ħaddiema membri tagħhom. L-impjegati ta' din it-taqsima mhux se jiġu deployed f'xi xogħol ieħor, u ma hemm l-ebda ħsieb biex tingħalaq din it-taqsima.

djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex f'ċerti homes privati tal-anzjani, il-gvern ma jibgħatx anzjani? Liemu huma dawk il-homes privati li fihom qed jintbagħtu anzjani mill-gvern u liema huma dawk il-homes privati għall-anzjani li s'issa l-gvern qatt ma bagħat anzjani fihom? Kemm bagħat anzjani mis-sena 2008 sal-aħħar tas-sena 2011, sena b'sena u f'liema home? X'inhuma l-kriterji li l-gvern juża biex jibgħat l-anzjani f'homes privati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Awtorità tad-Djar — ittra

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tad-Djar twieġeb l-ittra li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-applikant hija proċessata flimkien mal-applikazzjonijiet għall-akkomodazzjoni alternattiva u qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Malta Film Fund — flus fuq il-film Dear Dom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-Malta Film Fund għall-film Dear Dom?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l flus li ingħataw mill-Malta Film Fund għall-film Dear Dom jammontaw għal €53,464. Dan huwa ekwivalenti għal 45.8% tan-nefqa li saret fuq dan il-Film.

MFSA — rendikont tas-salarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31526, jista' l-Ministru jiċċara x'żidied ingħataw average f`kull grad ras għal ras bejn is-salarji tal-2011 u tal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħaddiema kollha tal-MFSA ingħataw żieda b’effett mill-1 ta’ Jannar 2012 sabiex il-pagi ta’ dawn il-ħaddiema jirriflettu aħjar u jistgħu jiġu komparabbli mal-pagi li normalment jingħataw ħaddiema fis-settur finanzarju. Dawn iż-żidiet jinkludu żidiet li ġew imħabbra fid-diskors tal-Budget sabiex jirriflettu wkoll l-għoli mal-ħajja. Iż-żieda mehuda bħala average tas-salarji bejn 2011 u 2012 hija ta’ 2.64%.

Liċenzja tal-gwardjani lokali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fiex waslet it-tneħħija tal-obbligu li gwardjan lokali jkollu jġedded il-liċenzja tiegħu kull sena meta skont ir-riforma kellhom jiddaħħlu liċenzji permanenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-obbligu tal-ħlas ta' ħdax-il euro u ħamsa u sittin ċenteżmu kull sena mat-tiġdid ta' liċenzja ta' Gwardjan Lokali, tneħħa permezz tal-Avviż Legali 402 tal-2011.

Emendi fil-liġijiet kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex hekk kif qiegħdin jiġu emendati l-liġijiet kriminali sabiex offiżi ta` vjolenza kontra pulizija jkunu mħarxa, ma ġewx imħarxa wkoll il-pieni fil-liġijiet kontra l-vjolenza fuq gwardjani lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-Abbozz numru 97, permezz ta’ l-artikoli 16,17,18 u 19 jipprovdi għal-pieni aktar ħorox għal vjolenza jew attakki kontra uffiċċjali pubbliċi. Skont l-Artikolu 92 tal-Kodiċi Kriminali, li jiddefinixxi min hu Uffiċjal Pubbliku u kif ukoll ritenut minn sentenzi mogħtija mill-Qrati Kriminali, gie dejjem ritenut li Gwardjan Lokali huwa meqjus bħala Uffiċjal Pubbliku. Għalhekk l-emendi proposti fl-abbozz numru 97 japplikaw ukoll għal-Gwardjani Lokali.

Gwardjani privati b'aktar minn liċenzja waħda

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif se jaħdem il-proċess ta' aktar minn liċenzja waħda għall-gwardjani privati u jekk hux mistenni li gwardjan privat iħallas ta' iżjed minn liċenzja waħda? Il-gvern qiegħed jaħseb sabiex il-ħaddiema iħalsu biss liċenzja waħda?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħsieb wara l-introduzzjoni ta’ kategoriji ġodda fil-kuntest tal-Gwardjani Privati, jiġifieri Gwardjani Privati Speċjalizzati (mhux tas-sewqan), Gwardjani Privati Speċjalizzati (tas-sewqan) u Gwardjani Privati fuq Post tad-Divertiment kien li jkun hemm speċjalizazzjoni u titjib fis-settur. Fil-fatt, hekk kif jiskadu il-perjodi ta’ tranżizzjoni ta’ Artikoli 11(3) u (4) tar-Regolamenti dwar Gwardjani Privati, xogħol speċjalizzat li jappartjeni lil waħda mill-kategoriji ġodda jkun jista jsir biss minn detenturi tal-liċenzja speċjalizzata konċernata, hekk kif stabbilit f’Artikoli 11(1) u (2) tal-istess Regolamenti. F’dan ir-rigward ta’ min wieħed ifakkar li ma sarux emendi għar-Regolamenti dwar Gwardjani Privati f’dak li jirrigwarda ħlas tal-liċenzji. Kull Gwardjan Privat, irrispettivament mill-kategorija jew kategoriji li jinsab fihom, għandu biss iħallas għal liċenzja waħda skont Artikolu 7(2) tar-Regolamenti imsemmija. L-unika differenza minn kif kienu jsiru l-affarijiet qabel hija li l-liċenzja għandha tindika l-kategorija li għaliha jappartjeni d-detentur, hekk kif stabbilit minn Artikolu 7(3) tal-istess Regolamenti.

AWAS — tender mogħti

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex l-AWAS aġġudikat tender bil-€5 fis-siegħa (eskluż il-VAT) għall-proviżjoni ta' security guards meta huwa smat li fl-2012 impjegat ingaġġat bil-kundizzjonijiet minimi tal-liġi jiġi jiswa lil min iħaddem iżjed minn €5 fis-siegħa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-kuntratt li għalih qed jagħmel referenza l-Onorevoli Interpellant ingħata mid-Dipartiment tal-Kuntratti.