Tfal li jattendu skejjel speċjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal, li qed jattendu l-iskejjel speċjali għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Kemm minn dawn it-tfal huma minn lokalitajiet (separatament) tas-7, l-11 u t-12-il distrett elettorali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31562, jista' l-Ministru jgħid kif jista' jkun li single parent li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li tgħix f'post ma' sitt persuni oħra f'tliet kmamar tas-sodda, l-Awtorità tad-Djar lanqas qatt ma pprovditilha post alternattiv?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghar-risposta mogħtija għall-mistoqsija numru 31562 peress li l-pożizzjoni għadha l-istess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ilmenti lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data fl-aħħar ħames snin u f'kemm minn dawn l-ilmenti l-kummissarju sab ksur u x'kien l-eżitu? Jista' jgħid fil-konfront ta' min saru dawn l-ilmenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninsab infurmat li bejn l-2007 u l-2011, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, irċieva total ta’ 275 ilment.
Meta l-Kummissarju jidentifika nuqqassijiet, fid-deċiżjoni tiegħu, jwissi lill-kontrollur tas-
data
sabiex jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ma terġax issir xi vjolazzjoni simili. F’każ illi l-kontrollur ma jesegwixxix l-istruzzjonijiet mogħtija lilu jew inkella jerġa’ jikkommetti ksur simili, l-Kummissarju għandu s-setgħa legali li jimponi miżuri ulterjuri, li jiddependu mill-gravita` tal-każ.
Ninsab infurmat ukoll li l-kumplament tal-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont t'għasafar li jinsabu bħalissa fil-Captive Breeding Program? Jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' liċenzji tal-insib għall-għasafar tal-għana?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat li bħalissa hemm 75 għasfur fil-Captive Breeding Program. Fir-rigward tat-tieni parti tal-mistoqsija u peress li l-liċenzji tal-insib jinħarġu mill-pulizija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-breakwater f'Marsaxlokk u xogħlijiet relatati? Jista' jgħid kemm se jkun qed jiswa dan il-proġett u x-xogħlijiet relatati miegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li diġà saret applikazzjoni lill-MEPA biex il-breakwater li hemm f’Delimara jiġi estiż u jsirulu t-tiswijiet meħtieġa. F’din l-istess applikazzjoni hemm propost li jinbena breakwater ieħor fil-ponta tal-Qrejten. Dawn iż-żewġ strutturi huma proposti skont riżultati ta’ studju matematiku idrodinamiku fuq il-port ta’ M’Xlokk.Peress li din l-applikazzjoni għadha fi stadju ta’ konsiderazzjoni mill-MEPA, ebda xogħol ma jista' jinbeda fuq dawn iż-żewġ breakwaters.
L-istima tax-xogħol biex jinbnew dawn iż-żewġ
breakwaters
tlaħaq is-somma ta’ €14,000,000.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li f’M’ Xlokk hemm
breakwater
ieħor li huwa tal-Freeport liema xogħol jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tat-Transport Malta. Għalhekk jekk qed jirreferi għal dan nitolbu jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Bini tal-Parlament il-Ġdid — kampanja ta' pubbliċità
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-bini tal-Parlament il-Ġdid? Jista' jgħid hux qed isir jew se ssir kampanja pubbliċitarja jew promozzjonali ta' dan il-proġett? Min hu responsabbli minn din il-kampanja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-bini tal-Parlament il-ġdid hu madwar 40% lest. Il-Ministeru tiegħi u l-Grand Harbour Regeneration Corporation huma responsabbli li jżommu l-pubbliku nfurmat dwar il-proġett. M'hemmx, u m'hemmx ħsieb li jkun hemm kampanji pubbliċitarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32840 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu ħalli l-care workers li qed jaħdmu fil-qasam tas-saħħa ma jkomplux jiġu sfruttati u abbużati minħabba kundizzjonijiet ħżiena fl-impjieg tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntratturi li għandhom kuntratt mad-Dipartiment tas-Saħħa biex jipprovdu servizzi ta’ careworkers huma responsabbli biex jassiguraw il-kundizzjonijiet tax-xogħol skont il-liġijiet tal-pajjiż. Id-Dipartiment tas-Saħħa huwa l-klijent li jirċievi dawn l-impjegati u minkejja dan, qed jistudja kif itejjeb il-kuntratti fit-tenders futuri. Barra minn hekk, qed jipprepara korsijiet ta’ informazzjoni u struzzjoni għal carworkers sabiex jigu nfurmati biex jifhmu n-natura u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33044 u jgħid kemm ġie jiswa il-ktejjeb ta' propoganda li jismu Minn Qalbna...Għalik? Kif tqassam u kemm ġie jiswa t-tqassim tiegħu? Kemm-il kopja ġiet imqassma? Jista' jgħid min għamel dan ix-xogħol u jekk ingħatax b'direct order jew le?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex minn mindu l-Korporazzjoni Enemalta ma baqgħetx tbiegħ thin fuel oil minħabba l-irwejjaħ, l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ma baqgħetx tippubblika l-gwida ta' prezz? Huwa minnu li l-uniku supplier għolla l-prezz għaliex mhemmx ir-rażan tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31976, jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tas-sitwazzjoni attwali kemm għall-Operative 1 u kif ukoll għall-Operative 2?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar għaldaqstant it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti, Issues Papers u Strategic Growth Options imħejjija mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar waqt eżerċizzju ta' reviżjoni tal-Pjan ta' Struttura?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Karma kopja tad-dokumenti mitluba.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn id-dokument jinsabu ukoll fuq il-website tal-MEPA: http://www.mepa.org.mt/lpg-structureplanreview
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kumpaniji tal-ICT tul dawn l-aħħar ħames snin li joperaw f'Malta jew Għawdex? Jista' jgħid kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Tista' l-Ministru tagħti statistika dwar kemm gradwaw studenti minn korsijiet tal-ICT tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Università, mill-MCAST u minn istituzzjonijiet privati li jħaddnu skemi edukattivi għall-edukazzjoni fl-ICT iffinanzjati mill-gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali — benefiċċju tal-enerġija
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33254, jista' l-Ministru jgħid, matul is-sena 2011, kemm-il talba saret mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali lill-ARMS Ltd sabiex benefiċċjarji tal-benefiċċju tal-enerġija li mhumiex account holder mal-kumpanija ARMS Ltd jingħataw din l-għajnuna?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor interpellant li meta l-ARMS joħorġu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-istess informazzjoni tingħata lid-Dipartiment tas-Sigurta Soċjali biex ikun jista jaħdem u jipproċċessa, l-ammont ta’ benefiċċju dovut lill-persuna li tkun intitolata għal imsemmi benefiċċju u mhux lill-account holder.
Dan ifisser li min qed jirċievi l-benefiċċju irid jagħmel l-arranġamenti meħtieġa mal-account holder biex meta jħallsu għal konsum tad-dawl u l-ilma li jkun ħela f’dak il-perjodu tal-kont, inaqqas l-ammont tal-voucher tal-Benefiċċju għall-Enerġija minn dak li għandu jagħti lill-account holder, biex dan tal-aħħar iħallas il-kont, parti fi flus u l-kumplament f’voucher.
Dan il-proċess isir fuq bażi regolari kull meta jinħargu il-kontijiet mill-ARMS Ltd.
Dipariment tal-Proprjetà tal-Gvern — Trasferiment ta' proprjetà
Question
B'refernza għall-mistoqsija parlamentari 32728, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' proprjetajiet li ġew trasferiti skont il-policies tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern lill-għaqdiet non-governattivi f'din il-leġislatura? jista' jgħid kull proprjetà għal liema skop ġiet trasferita u kemm ġew mitluba jħallsu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33347 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawk il-proprjetajiet inklużi d-daqs tagħhom li kienu dikjarati meħtieġa għal skop pubbliku u li ġew mogħtija lura lis-sidien kull sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33347.