Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Silġ u San Pawl Milqi — kuntratt tal-missjoni arkijeloġika

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32833 u b'referenza għal San Pawl Milqi, jista' l-Ministru jgħid: a) meta saru l-aħħar xogħlijiet fuq is-sit ta' San Pawl Milqi; b) għaliex il-missjoni waqqfet ix-xogħlijiet; u ċ) x'konsegwenzi legali skattaw hekk kif il-missjoni waqqfet ix-xogħlijiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-ewwel skavi arkeoloġici fis-sit ta’ San Pawl Milqi (Burmarrad) mill-Missione Archeologica Italiana a Malta saru bejn is-snin 1963 u 1969. Bejn is-snin 2000 u 2004, il-Missione reġgħet għamlet investigazzjoni ġdida f’dan s-sit. Din ir-ricerka saret skond il-permess maħruġ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, kif inhu rikjest mil-liġi. L-ewwel riżultati xjentifiċi ta’ din ir-riċerka ġew ippubblikati mill-Missione f’żewġ artikli fl-2006. It-titlu ta’ dawn l-artikli huma mniżżla hawn taħt. Il-waqfa tax-xogħol tal-Missione f’San Pawl Milqi fl-2004 ġiet maqbula mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għad kien hemm bżon tingħata priorita akbar għall-iskavi u għall-pubblikazzjoni tar-rapport fuq is-sit ta’ Tas-Silġ. Fil-fatt l-iskav f’tas-Silġ tlesta fil-2011 u preżentament qed tiġi mħejjija l-pubblikazjoni ta’ dan l-iskav. Is-Sovrintendenza u Heritage Malta huma tal-fehma li jekk jinbeda xi xogħol ġdid fis-sit ta’ San Pawl Milqi dan għandu jkollu bħala prijorita il-konservażżjoni u l-aċċessibilita publika ta’ dan il-monument arkeoloġiku. M.P. Rossignani , La ripresa delle indagini della Missione Archeologica Italiana a Malta. Nuovi dati dal Santuario di Tag-Silġ e dalla villa di S.Pawl Milqi , in «Rendiconti della Pontificia Accademia Romana di Archeologia», LXXVIII, 2005-2006, pp. 183-199. D. Locatelli , Nuove ricerche a San Pawl Milqi: primi risultati , in «Rendiconti della Pontificia Accademia Romana di Archeologia», LXXVIII, 2005-2006, pp. 257-273.

Mistoqsijiet bil-miktub li għadhom mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-mistoqsijiet bil-miktub W269 (datata 8 ta' Awwissu 2011), W272 (datata 8 ta' Awwissu 2011), W503 (datata 21 ta' Diċembru 2011) u W512 (datata 21 ta' Diċembru 2011) għadhom ma’ ġewx imwieġba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni li l- informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant rigward mistoqsijiet W269 u W272 diġa ingħatat partikolarment dik għal W269 ingħatat għall-mistoqsija numru 30710 imressqa mill-istess interpellant u għal W272 nirreferih għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 33258. Rigward mistoqsijiet W503 u W512, fid-dawl tad-dettal mitlub u li mhux dejjem jaqbel ma kif jista’ joħroġ minn sistemi eletroniċi, kien meħtieg li l-informazzjoni tkun elaborata manwalment u allura kienet waħda li tieħu ż-żmien. Barraminhekk fid-dawl tal-fatt li l-parti l-kbira minn l-ispejjeż jgawdu minn rifussjoni tal-Unjoni Ewropea, preżentement il-figuri finali għadhom qed ikunu ivverifikati.

Mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba

Question

Peress li għall-mistoqsijiet parlamentari li għamilt, ngħatat risposta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra, jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex l-informazzjoni għadha ma ngħatatx? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal dawn il-mistoqsijiet parlamentari: 6445 (datata 18 ta' Frar 2009), 16065 (datata 25 ta' Marzu 2010), 25806 (datata 4 ta' Mejju 2011), 23222 (datata 31 ta' Jannar 2011), 28680 (datata 5 ta' Ottubru 2011), 29659 (datata 28 ta' Ottubru 2011), 29840 (datata 3 ta' Novembru 2011) u 30992 (datata 6 ta' Diċembru 2011)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33387, ninfurmah li l-informazzjoni mitluba għall-mistoqsijiet 6445 u 29840 ingħatat fit-tweġbiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 25917 u 29840 imressqa mill-istess Interpellant. Ninfurmaħ ukoll li t-tweġibiet għall-mistoqsija l-oħra msemmija ngħataw illum

Hypoplesia of Xorpus Colosium — Schedule V tal-Karta r-Roża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-kundizzjoni Hypoplesia of Xorpus Colosium, mhux inkluża f’Schedule V tal-karta r-roża għall-mediċina b’xejn? Ma jaħsibx il-Ministru li persuna milquta minn din il-marda kronika u li kienet tingħata din il-mediċina bil-karta s-safra, u li issa l-mediċina qed tkun rifjutata lilha għaliex inqalbet fuq il-kartuna r-roża, ġiet żvantaġġjata bil-kbir għas-sempliċi raġuni li minflok baqgħet id-dar tgħix bil-benefiċċji għażlet li tagħti l-kontribut tagħha lis-soċjetà billi sabet impjieg?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażżati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V ta’ l-istess att. Dawk il-pazjenti li jkollhom marda kronika skond Skeda V, jirċievu d-dokument magħruf bħala l-kartuna s-safra. Dawk il-persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skont id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża). Min ikollu l-kartuna r-roża ntitolat għal numru limitat ta’ mediċini, li huma speċifikament immarkati fil-Formularju tal-Gvern. Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabilit fl-avviż legali 81 tal-2012. ‘Hypoplasia of the Corpus Callosium’ mhux waħda mill-kundizzjoniet kroniċi li tingħata għajnuna medika b’xejn skond l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Artiklu 23. Ġie kkonfermat minn Konsulent Newrologu li m’hemm l-ebda trattament speċifiku li jista’ jingħata għal din il-kundizzjoni, għalkemm tista’ tingħata kura għall-kundizzjonijiet oħra magħha assoċjati bħal attakki epilettiċi li tali kundizzjoni hija koperta mill-Iskeda V hawn fuq imsemmija.
Leg 11 PQ #33440 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Dipartiment u diviżjonijiet tal-edukazzjoni — każijiet ta' psikoterapisti

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) kemm għandu psikoterapisti d-dipartiment/diviżjoni/diviżjonijiet tal-edukazzjoni? X'inhu x-xogħol ta' dawn il-psikoterapisti; b) kemm-il każ pendenti għandhom dawn il-psikoterapisti? L-iktar każ (referral) antik għal kemm jirrisali; u ċ) hemm xi psikoterapisti li jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar mill-oħrajn, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol/faċilità li jispiċċaw mix-xogħol f'ħin inqas mill-oħrajn? Kemm hemm? Għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsaxlokk — Triq Melqart - invellar ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jindirizza l-problema li hemm għar-residenti u proprjetarji fi Triq Melqart Marsaxlokk u jidderiġi li jsir invellar tal-parti t'isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts li hemm stante li ta' kull darba li tinżel ix-xita, tifforma għadira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ta’ invellar tal-parti t’isfel tat-triq sabiex l-ilma tax-xita jiġi dirett lejn il-culverts se jsir fix-xhur li ġejjin.

Ħaddiema li ngħataw performance bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33016, jista' l-Ministru jagħti d-dettalji u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra min kienu dawk il-ħaddiema li ngħataw performace bonus? Jista' jgħid f'liema direttorat qegħdin?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Għawdex — bus shelters li ġew immexxija

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33015, jista' l-Ministru jindika liema kienu dawk il-bus shelters li ġew immexxija ġewwa Għawdex? Jista' jgħid separatament min kienu l-kuntratturi u kemm kienet in-nefqa għal kull bus shelter li ġie mmexxi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’din l-aħħar sena inqalgħu tliet bus shelters ġewwa Għawdex. Dawn kienu ġewwa l-bus terminus tar-Rabat u li nqalgħu sabiex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieg f’dan is-sit. Ġaladarba tlesta x-xogħol fis-sit imsemmi, tnejn minn dawn ix-shelters reġgħu twaħħlu. Fis-sit ġiet poġġuta wkoll canopy sabiex tkun tista’ toffri aktar kenn lil dawk il-persuni li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja. Infurmat ukoll li l-kumpanija ‘FACES Ltd’ li hija s-sid ta’ dawn ix- shelters , għamlet ix-xogħlijiet ta’ qlugħ u twaħħil ta’ l-imsemmija shelters . Il-valur ta’ dawn ix-xogħlijiet kien ta’ €2,300 għal kull shelter .

VRT fuq vettur tar-rotot l-antiki

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx VRT fuq dawk il-vetturi li kienu jintużaw fuq ir-rotot l-antiki? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min kienet il-kumpanija li esegwixxit dan ix-xogħol u li użat il-makkinarju meħtieġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li filwaqt li qiegħed nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-karrozzi tal-linja l-antiki li kienu jaħdmu fis-sistema tat-trasport pubbliku ta' qabel, ninfurmah li l-parti l-kbira ta' dawn il-vetturi m'għadhomx illiċenzjati għat-triq u għalhekk m'għadx għandhom ħtieġa li jagħmlu test tal-VRT. Dawk il-vetturi li għandhom liċenzja biex jaħdmu servizz ta' trasport mingħajr skeda, ma tiġġeddilhomx tali liċenzja jekk ma jgħaddux mit-test u jippreżentaw ċertifikat validu tal-VRT kull sena mat-tiġdid tal-liċenzja, liema test jista’ jsir f’diversi stazzjonijiet liċenzjati tal-VRT imxerrdin ma’ Malta u Għawdex.

Transport Malta — Logos fuq il-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma sarux logos fuq il-vetturi kollha li għandha Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-karozzi ġodda kollha ta’ Transport Malta li huma għall-użu ġenerali, fil-fatt għandhom il-logotal-awtorità. Fil-konfront tal-karozzi tal-maintenance, Transport Malta qed tieħu l-passi neċessarji biex aktar tard din is-sena dawn ukoll isirilhom il-logo.

Wied il-Għajn — żviluppi fuq is-sit tal-ex Jerma

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra xi żviluppi kien hemm fuq is-sit tal-ex Jerma f'Wied il-Għajn?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi s-sit li fuqha kien hemm mibnija il-Lukanda Jerma f’ Marsaskala għalkemm hija proprjetà tal-Gvern, però hija mogħtija b’ ċens perpetwu lil terzi u għalhekk il-gvern, li huwa biss id-direttarju, ma jidħolx fil-mertu ta’ xi żvilupp isir fuq din l-art.

Invalidity Pension

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-invidividwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li huwa invalidat minħabba attak qawwi nervuż, ma nħarġitlux l-invalidity pension?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata bil-miktub b'ittra datata 21 ta' Frar 2012 dwar il-każ tagħha.

Persuna li mhux tingħata l-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jispjega ċar għaliex l-individwu mhux qed jieħu l-pensjoni mistħoqqa lilu meta huwa għandu l-età ta' 62 sena u jgħid għaliex u fuq liema raġuni ttieħdet din id-deċiżjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna kkonċernata giet infurmata b'ittra dwar il-każ tagħha.

Awtoritajiet tal-Arċidjoċesi ta' Malta — festi esterni

Question

Peress li fil-21 ta’ Diċembru 2011 ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtoritajiet tal-Arċidjocesi ta' Malta u l-Għaqda Każini tal-Banda dwar iċ-Ċelebrazzjonijiet Esterni Tal-Festi Reliġjużi u peress li fil-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali tal-Għaqda Każini tal-Banda nhar l-24 ta' Frar, b'deċiżjoni unanima tal-maġġoranza tal-każini tal-banda (50 preżenti mis-67 mistiedna), dan l-istess ftehim ġie rinunzjat għaliex ma kienx jirrifletti l-pożizzjoni attwali li dawn l-istess każini kellhom fir-rigward ta' dan il-qbil u dan għaliex il-festi esterni m'għandhom ikunu qatt responsabilità esklussiva tal-Knisja iżda, li l-Għaqdiet Mużikali, dawk tan-Nar kif ukoll dawk tal-Armar, kollettivament mal-Knisja jew separatament minnha, għandhom id-dritt li jkunu huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-festi esterni hekk kif tipprovdi l-liġi ċivili, jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jippermetti li l-Knisja terġa tibda tiddetta esklussivament u mingħajr konsultazzjoni mal-partijiet l-oħra kkonċernati xi jsir fil-festi esterni, bħalma kien jiġri snin ilu? Dan il-ftehim li skont l-Awtorità tal-Knisja għandu jibda jseħħ wara it-8 ta' April, se jorbot l-għaqdiet kkonċernati minkejja li dawn qatt m' approvawh? Jista' jiċċara jekk is-sehem tal-għaqdiet kkonċernati u l-mod kif jagħtu dan is-sehem inbidilx jew hux se jinbidel, u fuq liema bażi legali se jsir dan il-bdil jekk se jsir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Bħal ma żgur taf l-Onorevoli Membru, il-ftehim li għalih qed tagħmel referenza sar bejn partijiet li bl-ebda mod ma kienu jinkludu lill-Gvern. Kif u jekk hux se jitħaddem hija responsabbilta tal-partijiet li ffirmawh.

Ilma tad-drenaġġ msoffi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jiġi msoffi ilma tad-drenaġġ li jkun ta' kwalità tajba biżżejjed biex ikun jista' jintuża għal skopijiet agrikoli? Kif inhu mistenni li dan l-ilma jitwassal għand il-bdiewa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma huwa li jipprovdi madwar 19,200 metru kubu kuljum għall-użu sekondarju fostu għall-skopijiet agrikoli. Dan l-ilma se jitwassal permezz ta’ pompi u pajpijiet mgħoddija apposta minn postijiet pubbliċi minn fejn il-bdiewa u/jew min irid juża dan it-tip ta’ ilma ta’ kwalitá superjuri jistgħu jieħdu permezz ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni awtomatika b’cards pre-paid.

Żviluppi fuq tkabbir tal-ħut tal-fish farms

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-aħħar żviluppi li seħħew għal dak li jikkonċerna t-tkabbir tal-ħut tal-fish farms? X'tip ta' studju qed isir bħalissa mill-uffiċjal tad-dipartiment ikkonċernat, dwar ħut differenti li jista' jitkabbar fil-magħluq? Meta nbdew l-istudji differenti u x'riżultati inkisbu s'issa, naturalment, fil-limitu ta' informazzjoni li tista' tiġi ppubblikata minħabba l-istess studji?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern reċentement ħareg abbozz ta’ strategijja għall konsultazzjoni pubblika li għandha sal-bidu ta’ Mejju. Din l-istrategijja tniedi f’liema direzzjoni għandha timxi Malta fil-qasam tal-akwakultura. Ġew ikkunsidrati diversi fatturi li jinfluwenzaw jew jiġu influwenzati mill-akwakultura. L-impatt socjo-ekonomiku jiġi kkunsidrat ukoll. Bħalissa ser tibda l-iStrategic Environment Assessment (SEA) biex tiġi ffinalizzata din l-istrateġija. Preżentement iċ-Ċentru Malti għar-Riċerka tal-Akwakultura qed jagħmel riċerka fuq diversi speċji bħall-aċċjol u t-tonn, fejn qegħdin fuq quddiem fl-Ewropa. Fil-każ tal-aċċjol, din ir-riċerka imxiet hafna ‘l-quddiem u qiegħdin jitrabbew il-hut kull sena. Wieħed jispera li fi dan il-process jilħaq il-livell meħtieġ billi jipproduċi numri ikbar ta’ ħut biex jkun jista’ jiġi kummercjalizzat. Fil każ tat-tonn, sar faqqis b’suċċess imma imma jirid jikomplew l-istudji biex prodotti iz-zgħar għat-tkabbir. Qed jsiru studji oħra ukoll fuq is-sargi, iċ-ċeren u l-gurbell.

San Pawl il-Baħar — Transport Malta - lista ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq, bħalissa jinsabu fuq il-lista ta' toroq li se jsiru minn Transport Malta matul din is-sena, f'San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u n-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi (A+B) ta' toroq li huma pprogrammati li jsiru din is-sena, dejjem jekk ma jinqala' xejn imprevvist. It-toroq f'lista B għandhom problema biex jinbeda x-xogħol, dan rigward esproprjazzjoni u ffurmar ta' triq.

Toroq arterjali u distributorji — program tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema proġetti ta' toroq arterjali u distributorji li s'issa mhux qegħdin fil-programm tax-xogħol li qed isir, li mistennija jinbdew minn Transport Malta matul din is-sena? Liema toroq oħra hu maħsub li jkunu jistgħu jinbdew iktar 'il quddiem, fl-istess programm ta' toroq arterjali/distributorji?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li parti minn Triq il-Kosta, Pembroke mistennija li jibda x-xogħol fuqha minn Transport Malta matul is-sena. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' toroq arterjali u distributorji li qegħdin fil-programm ta' toroq li jridu jsiru minn Transport Malta. Data jew żmien meta dan ix-xogħol isir għad trid tiġi stabbilita.
Leg 11 PQ #33466 Sitting 463 2012-04-23 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

San Pawl il-Baħar — skola primarja - xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta mistenni li x-xogħol li għalih ħarġu l-permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar ikun jista' jinbeda, u jitlesta biex fih jibda jilqa' l-istudenti tal-lokalità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħlijiet fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar huma pjanati li jibdew fis-sajf li ġej. Dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jitlestew sal-bidu tas-sena skolastika li jmiss.