Legislature:
Category:
Reset
Active:

faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħalissa hemm faċilita’ waħda ta’ rijabilitazzjoni f’Malta. Din il-faċilita’ hija l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech li tinsab il-Pieta’. Joffri servizzi ta’ rijabilitazzjoni fuq bażi inpatient, outpatient kif ukoll servizz ta’ Day Hospital għall-anzjani. Dan l-isptar jinkludi ukoll ‘Orthotic and Prosthetic Unit’ (OPU). L-Isptar Karin Grech jakkomoda 240 pazjent. L-ispiża fl-2011 tal-Isptar Karin Grech kienet ta’ € 12.9 miljuni. L-ispiza fl-2011 tal-Orthotic and Prosthetic Unit kienet ta’ € 500,000.
Leg 11 PQ #33580 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33576.

faċilitajiet għal servizzi ta’ respite għall-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità għal servizzi ta’ respite għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ġewwa San Vinċenz de Paule hemm disa’ (9) sodod li jservu sabiex jingħata s-servizz ta’ respite għall-persuni anzjani. Ir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule takkomoda elf, mijja u tmienja u tletin (1138) persuna. Is-sodod respite imsemmija hawn fuq qiegħedin f’dawn is-swali: Sala Ruzar Briffa 2 = 7 respite beds Sala Ġwanni Pawlu 1 = 1 respite bed Sala Ġwanni Pawlu 2 = 1 respite bed . L-ispiza għas-sena 2011 kienet ta’ tlett mijja u sitta u tmenin elf lu disa’ mitt Ewro (Euro 386,900) (li tinkludi l-pagi u l-ikel). Rigward faċilitajiet ta’ respite ġewwa Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Heritage Malta — korsijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-korsijiet li kienet tagħmel Heritage Malta fil-qasam tar-restawr u l-cultural heritage management issa għaddew f'idejn dipartiment partikolari fi ħdan l-Università ta' Malta? Għaliex sar dan? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Kemm-il kors infetaħ f'restawr u/jew cultural hertiage management minn mindu l-korsijiet m'għadhomx f'idejn Heritage Malta iżda għaddew f'idejn l-Università ta' Malta? X'assessment jagħmel dwar id-deċiżjoni de quo?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninsab infurmat li l-korsijiet li kienet qed tmexxi Heritage Malta dwar ir-restawr u l-management tal-wirt kulturali għaddew f’idejn id-Dipartiment tal-Wirt Mibni fi ħdan il-Fakulta’ tal-Ambjent Mibni tal-Universita’ ta’ Malta, wara ftehim li ntlaħaq bejn Heritage Malta u l-Universita’ fl-2010. Dan sar bil-għan li jsir użu aħjar tar-riżorsi taż-żewġ entitajiet u hekk it-tnejn li huma jkunu jistgħu jiffukaw fuq l-ispeċjalizzazzjonijiet rispettivi tagħhom. Minn dak in-nhar ma’ nfetaħ l-ebda kors iżda l-kors attwali fil-livell ta’ Baċellerat fil-Konservazzjoni u Restawr qed jigi 'phased out’ u l-aħħar studenti ser jispiċċaw f’Ġunju tal-2013. Għalkemm illum l-entita’ responsabbli minn dawn il-korsijiet hija l-Universita ta' Malta, Heritage Malta qiegħda u ser tibqa' tagħti l-għajnuna u s-sapport kollu possibbli. Fir-rigward tal-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — impjegati self employed

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33236 u 32408 u jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabbiltà politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba, ninfurmah ukoll li n-numru ta’ persuni li huma self-employed fuq Contract for Service fuq bażi ta’ żmien definit u li jissarraf bħala x-xogħol prinċipali tagħhom huwa ta’sitta u għoxrin. Tlieta u għoxrin minn dawn il-persuna ngħataw dan il-kuntratt għal servizz speċjalizzat u/jew professjonali filwaqt li t-tlieta l-oħra huma ta’ natura klerikali amministrattiv. Ta’ min jgħid li dan it-tip ta’ impjieg isir rikors għalih fejn u meta l-vakanza ma tkunx meqjusa konfermata bħala permanentement meħtieġa jew tkun purament waħda temporanja tant li numru ta’ kuntratti huma għal numru qasir ta’ xhur.

MCAST — Saħħa u Sigurtà

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed issir biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-istudwenti, l-għalliema u dawk kollha impjegati fl-MCAST minħaba l-iskavar u x-xogħol ta' kostruzzjoni li qed isir fl-MCAST? Tista' tgħid jekk hiex konxja tal-effett fuq l-għalliema, l-istudenti u oħrajn, minħabba l-istorbju eċċessiv minn inġenji li qed jintużaw f'dan ix-xogħol u t-trabijiet u perikli oħra? Jekk iva, x'qed isir konkretament biex jittafew dawn l-effetti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa minn qabel ma beda x-xogħol ta’ tħammil u kostruzzjoni tal-bini tal-Kampus il-Ġdid tal-MCAST, is-sit kollu ġie maqtugħ għalih bil-bini ta’ ħajt protettiv mad-dawra kollha, biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm aċċess għas-sit mill-partijiet tal-Kulleġġ li qed jużaw l-istudenti u l-istaff. L-aċċessi li jagħtu għas-sit minn ġewwa l-Kulleġġ jinżammu dejjem magħluqin, ħlief f’każi ta’ bżonn meta jinfetħu fil-preżenza kontinwa ta’ uffiċċjali tas-sigurta’ tal-Kulleġġ. It-tħaffir fil-blat fl-inħawi qrib ta’ postijiet fejn isiru xi lezzjonijiet ma sarx eżatt mal-bini iżda tħalliet distanza konsiderevoli, iktar mill-minimu mitlub mil-liġi, biex jiġi żgurat li t-tħaffir ma jkunx ta’ periklu għall-istudenti u l-istaff. Ta’ min jgħid li x-xogħol qed isir taħt superviżjoni kontinwa tal-Uffiċjali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Il-Fondazzjoni infurmat lill-MCAST li l-livelli ta’ ħsejjes, il-vibrazzjonijiet, u t-trabijiet li joriġinaw mis-sit qed jiġu monitored fuq bażi regolari. Il-Kulleġġ ma ġie infurmat bl-ebda problemi f’dan ir-rigward. Fl-istess waqt, il-periti u l-uffiċċjali għas-saħħa u s-sigurta’ tal-Kulleġġ kontinwament jiżguraw li x-xogħlijiet li għaddejjin fl-MCAST ikunu konformi mal-liġijiet tas-saħħa u s-sigurta’, u tas-siti tal-kostruzzjoni, f’kull ħin.

Sptar San Luqa — helipad

Question

Peress li issa se jerġa' jintuża l-helipad tal-Isptar San Luqa u peress li żżarma l-apparat tas-safety u ukoll id-dawra tal-helipad sar car park għall-Malta Enterprise, jista' jgħid eżattament x'se jiġri? Fejn se jiġi rilokat il-car park?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġa ingħatat spjega x’ser jiġri fit-tweġibiet tiegħi għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 33205 u numru 33648. Nerġa nfakkar li mhux ser jiġi rilokat il-parkeġġ tal-Malta Enterprise. Ser jiġu affetwati madwar seba’parkeġġi.

Transport Malta — Liċenzja tal-helipad f'post ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-helipad f'post ċivili għandux bżonn ikun liċenzjat min-naħa ta' Transport Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li jekk l-użu tal-helipad f’post ċivili jkun għat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri jew għat-taħriġ fit-titjir, hemm bżonn li l-helipad ikun liċenzjat (skont Art. 69 tal-Air Navigation Order, 1990).

OHSA — dritt ta' appell

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex kontradittorja li entità jew persuna akkużata b'kontravenzjoni tkunx qed tirrinunzja għad-dritt ta' appell ġaladarba tħallas il-multa lill-Ocupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legali 36/2012, meta dan id-dritt t'appell ngħata b'Avviż Legali 27/2000?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ordnijiet maħruġa skont l-Att XXVII tal-2000, u intimazzjoni maħruġa mill-Awtorita’ għall-ħlas ta’ penali huma żewġ affarijiet separati u distinti minn xulxin. Fil-każ ta’ Ordni, min jirċievi l-Ordni għandu kull dritt u fakulta’ li jappella kontra tali Ordni, u dan skont kif provdut fl-Att. Il-ħruġ ta’ intimazzjoni mill-Awtorita’ wara li persuna tkun kisret il-provvedimenti kontemplati fl-Avviż Legali 36/2012, bl-ebda mod ma tista titqies bħala Ordni. Dan minkejja li persuna intimata b'multa amministrattiva tingħata kull opportunita’ li tikkontesta l-kontravenzzjoni/jiet addebita lilha quddiem il-Qrati ta’ Malta jew Għawdex skont il-ġurisdizzjoni, u fejn l-Awtorita’ tressaq ix-xhieda u l-evidenza; tingħata wkoll il-fakulta’ li jixhed / jixdu l-imputati u jitressqu kull prova fid-difiża tagħhom. B'hekk il-Qorti qabel ma tgħaddi għall-ġudizzju teżercita l-proċedura hekk kif kontemplata fir-regoli ta’ smiegħ xieraq qabel ma tingħata s-sentenza. L-imputati għandhom ukoll id-dritt ghall-appell u dan sa kemm il-kawża tiġi 'res judicata'. Għaldaqstant bl-implimentazzjoni tas-sistema hekk kif kontemplata fl-Avviz Legali 36/2012 id-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali għal smiegħ xieraq huma salvagwardati.

OHSA — ġbir ta' multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-prassi għall-ġbir tal-multi tal-Occupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legal 36/2012 u jekk thossx li t-tali prassi hix konformi mar-regoli tas-saħħa u sigurtà tal-istess awtorità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-prassi mplimentata mill-Awtorita’ tas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) dwar ġbir ta' multi hija skont il-provvediment tal-Att 27/2000 kif imsaħħa permezz tal-Avviż Legali 36/2012. Permezz ta’ din is-sistema, l-OHSA mplimentat sistema alternattiva ta’ proċeduri ġudizzjarji. Dan mela l-vojt li kien ilu jinħass għal bosta snin, tant li numru kbir ta’ avukati esprimew il-ħtieġa u nsistew quddiem il-Qrati kemm f' Malta kif ukoll f'Ghawdex, tant li l-istess Qrati ħeġġew lill-Awtorita’ biex timplimenta tali sistema. Saħansitra, insostenn ta' dan, l-Awtorita’ iffaċċat diversi kawzi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għan-nuqqas ta’ introduzzjoni ta’ din is-sistema. Permezz ta’ din is-sistema, jekk il-persuna hekk intimata taqbel mal-multa, llum għandha l-fakulta’ li tħallas tali multa, mingħajr ma jinbdew ebda proċeduri kriminali.

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ, dwar allegat ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni, hemm pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, liema huma s-swieq li fihom qiegħda ssir invetigazzjoni u f’kull każ x’inhu l-allegat ksur ta’ liġi? Liema minnhom qed jiġu investigati taħt il-liġi tal-Kompetizzjoni qabel ma ġiet emendata u kemm minnhom qed jiġu investigati taħt il-Liġi tal-Kompetizzjoni hekk kif emendata permezz tal-Att VI tas-sena 2011? Jista' jgħid kemm-il deċiżjoni, rakkmandazzjoni u ittri ta’ gwida ġew maħruġa mill-awtorità tramite l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, jekk ġewx impost multi amministrattivi u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, rakkmandazzjonijiet u ittri ta’ gwida? Jista' jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet u rakkmandazzjonijiet maħruġa s-sena l-oħra minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta li kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi sa l-4 t’April 2012, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu 33 każ li qegħdin jiġu investigati. Minn dawn, is-segwenti tlieta u għoxrin każ huma każijiet li infetħu qabel ma ġiet emendata l-liġi tal-Kompetizzjoni: · ħames każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jigu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ‘l-Att’), · ħames każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · erbgħa fis-suq finanzjarju li qed jigu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tal-enerġija li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-settur tal-ambjent li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tnejn fis-suq tal-ikel li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, u · wieħed li jikkonċerna is-suq tal-assigurazzjoni li qed jigi investigat taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att. Hemm ukoll is-segwenti għaxar każijiet li nfetħu wara li giet emendata l-ligi tal-Kompetizzjoni permezz tal-Att VI tas-sena 2011 fejn hemm: · żewġ każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jiġu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-parkeġġ li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal- istationery li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-propjeta li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 5 tal-Att, · każ fis-suq tal-edukazzjoni li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att; u · każ fis-suq tal-enerġija li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta meta kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni s-sena l-ohra kien ħareġ sitt deċiżżjonijiet kif ukoll ħareġ żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Gust. Wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni sar jagħmel parti mill-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju ħareġ ħames deċiżżjonijiet. Inħareġ ukoll rapport preliminari intensiv li gie mqieghed ghall-konsultazzjoni pubblika dwar is-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel. Minn mindu giet stabbilita l-awtorità, apparti x-xogħol fuq l-investigazzjonijiet, sar ħafna xogħol iehor fuq liġijiet u advocacy. L-Uffiċċju offra ukoll varji pariri informali dwar l-applikazzjoni tal-ligi lil intraprizi. L-Uffiċċju qiegħed ukoll jieħu aktar sehem attiv fil-kamp Ewropew u internazzjonali permezz tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-European Competition Network u fl- OECD . L-Uffiċċju ma ħariġx ittri gwida għall-fatt li dan qatt ma ġie mitlub ittra gwida fuq kwistjoni ġdida minn xi intrapriża kif rikjest mill-ligi. L-Uffiċċju ma imponiex multi amministrattivi. L-Uffiċċju qed iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawk id-deċiżżjonijiet li ġew ippubblikati.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur — pjan ta’ ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ ħidma tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur u ta’ kull entità fi ħdan din l-awtorità kif ukoll tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal matul is-sena 2012?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l Pjan ta’ Ħidma ta’ 2012 qiegħed fuq l-Aġenda tal-Bord tal-Awtorità li sejjer jiltaqa’ fis-27 ta’ April. Kellu jkun diskuss fil-laqgħa ta’ Marzu imma peress li ħabtet mal-festa tad-Duluri kien hemm xi membri li xtaqu li titħassar. Dan irid ikun l-ewwel approvat mill-bord.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikkonkludiex l-investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports, partikolarment tal-football wara li din il-kwestjoni tqajment fis-sajf tal-2010? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni u jekk għadha ma gietx konkluża meta jaħseb li din se tiġi konkluża? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ilment sottomess?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onerevoli Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzoni fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għadu għaddej bl-investigazzjonijiet fuq dan il-każ. Irrid ninforma lill-Onerevoli Interpellant illi dan il-każ, bħall-maġġor parti tal-każijiet li jiġu quddiem l-uffiċċju, jinvolvi apparti analiżi legali anki analiżi ekonomika kumplessa tas-suq biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet kummerċjali u l-impatt fuq il-konsumatur. Minħabba dan il-fattur, u anki għax l-Uffiċċju għandu rwol ta’ infurzar pubbliku b’ħafna każijiet ta’ prijorità differenti quddiemu, ma jkunx possibli li wieħed jipprova jiddetermina meta ser jiġi konkluż il-każ waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja. Ilmenti mressqa quddiem l-Uffiċċju m’humiex soġġetti għall-pubblikazzjoni.

Zammit Clapp Hospital — kuntratt iffirmat ma' CareMalta

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed kopja tal-kuntratt li ġie ffirmnat ma' CareMalta biex tmexxi r-residenza għall-anzjani fil-bini ta' Zammit Clapp Hospital? Jista' jgħid jekk: a) il-kuntratt li ġie ffirmat ma' din il-kumpanija hux jirrifletti t- terms of reference u l-kundizzjonijiet kollha li kien hemm fis-sejħa għat- tender ; u b) ir-residenza hiex okkupata skont kif ġie mitlub fit-terms of reference jiġifieri jekk hemmx l-istaff kollu in place u kkwalifikat skont is-sejħa għat-tender? Jista' jgħid kemm hija l-performance guarantee mal-iffirmar tal-kuntratt? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment għall-Anzjani hux sodisfatt bil-mod kif ir-residenza għall-anzjani fil-bini ta' Zammit Clapp Hospital qed ikun imexxi u kif qiegħed inkun konformi mat-terms of reference oriġinali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntratt ta’ Zammit Clapp ġie ffirmat ma’ terzi persuni. Sabiex jiġu żvelati d-dettalji, hemm bżonn il-permess tal-kumpanija nvoluta u din ma tatx permess biex tqiegħed kopja tat-tali kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra. Nikkonferma li l-kuntratt li ġie ffirmat jirrifletti t- terms of reference u l-kundizzjonijiet kollha li kien hemm fis-sejħa għat- tender . Is-sulari 1, 2 u 3 tar-residenza huma kollha okkupati u hemm l-istaff kollu in place u kkwalifikat skont is-sejħa għat- tender . Il- performance guarantee tammonta għal €571,117.00. Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ qed jagħmel moniteraġġ tat-tmexxija ta’ din ir-residenza biex jassigura li jiġu mħarsa l-obbligi tal-Kuntrattur.

ilment dwar kalkulazzjoni tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tweġiba tal-mistoqsija fuq l-ilment dwar kalkulazzjoni tat-taxxa li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tibdil fis-sistema ta’ tassazzjoni ta’ min jaħdem barra minn Malta, li kien sar fl-2010, sar sabiex ineħħi l-ħafna abbużi li kienu qegħdin isiru. Is-sistema l-ġdida jidhrilna li hi ukoll aktar fair ma’ kulħadd għaliex tagħti option biex wieħed jagħżel jekk iridx jiġi ntaxxat b’rata fissa ta’ 15% jew inkella bir-rati normali. Jekk jagħżel il-15%, dan l-income jitqies bħala l-ewwel parti tad-dħul għas-sena, u dan sar biex jitneħħew l-abbużi. Per eżempju, ħafna kienu qegħdin jużaw ir-rati ta’ miżżewweġ u ma jħallsu l-ebda taxxa fuq interessi tal-bank, dividendi, paga tal-konjuġi, eċċ, li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-impjieg barra minn Malta. Li r-rata ta’ 15% hija vantaġġjuża ferm fil-maġġoranza kbira tal-każi joħroġ ċar mill-fatt li din hija l-aktar option li tintagħżel.

informazzjoni dwar ambulanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal ambulanzi proprjetà tal-gvern li huma operational? Kemm ambulanzi ġew scrapped matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm spiċċaw drivers u impjegati oħra mill-garage, sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Ġew replaced? Jekk iva, b'kemm-il persuna u f'liema kariga? Kemm kera u/jew qed jikri ambulanzi u vetturi oħra mill-privat, sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm ambulanzi separatament u kemm vetturi u x'tip ta' vetturi separatament? Jista' jgħid jekk hux jinkrew bid-driver jew il-vettura biss? Kemm swew u qed jiswew dawn il-kirjiet sena b'sena matul dawn l-aħħar 4 snin? Kemm kienu jiswew l-ambulanzi li kienu proprjetà tal-gvern meta kienu operational?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Dipartiment tas-Saħħa — uffiċjali f'taħditiet fuq il-media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallas id-Dipartiment tas-Saħħa, sabiex uffiċjali tiegħu jidhru f'taħditiet fuq il-media? Fuq liema programmi u stazzjonijiet qed jidhru jew jinstemgħu dawn l-uffiċjali? Min huma dawn l-uffiċjali u mil-liema taqsimiet fid-dipartiment ġejjin? Kemm qed jingħataw fondi għal kull programm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa ma jagħmel ebda ħlas biex uffiċjali tiegħu jidhru f’taħdidiet fuq il-media.

informazzjoni dwar il-prezz taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi dokumentazzjoni li tixhed il-prezz li bih inxtara l-fuel, meta nxtara mill-gvern u li fuqu nħadem il-prezz tal-fuels għall-użu mill-konsumatur b'effett mit-2 t'April 2012,u jgħid x'inhu d-dħul preċiż tal-gvern b'effett mill-istess data?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi r-reviżżjoni fil-prezzijiet tal-Petrol u Diesel li ġew fis-seħħ mit 2 t’April 2012 ġew bbażati fuq il-prezzijiet medja tal-Platts għax-xahar ta’ Marzu. Dan huwa l-istess prezz medju li l-istess suppliers tal-korporazzjoni jibbazaw il-fattura għaż-żewg prodotti msemmija. Prezz medju (għoli) għax-xahar ta’ Marzu kien ta’ USD 1,159.70/MT għall-Petrol, filwaqt li d-Diesel kien USD 1,057.61. Minbarra l-prezzijiet ikkwotati l-Korporazzjoni Enemalta tħallas ukoll premium addizzjonali li jkun ġie miftiehem waqt il-proċess ta’ l-agudikazzjoni li din id-darba kien ta’ +USD 14.75/MT għal Petrol u + USD 1.68/MT għad-Diesel. Dawn il-premiums huma għola minn dawk li kellna fil-kuntratt ta’ qabel minħabba il-backwardation li teżisti fis-suq bħalissa. L-għoli tal-fuels u żieda fid-domanda taż-żejt minn pajjiżi bħal Ġappun (minħabba l-inċident nukleari Fukushima) kkawża splużżjoni fil-prezzijiet tal-ġar taż-zejt bil-vapuri (freight). Per eżempju l-kuntratt tad-Diesel li skada f’Diċembru 2011 kien hemm skont ta’ USD 6.00/MT u issa hemm premium ta’ USD 1,68/MT. Il-prezz jinkludi ukoll aġġustament relatatt ma varjazzjoni ta densita waqt id-delivery tal-prodott vs il-prodott veru. Fil-każ tal-Petrol il-prezz medju għax-xahar ta’ Marzu kien 8.5% għola mill-prezz medju għax-xahar ta’ Frar li kien USD 1,068.92/MT, filwaqt li għad-Diesel il-prezz medju f’Marzu kien ta’ 8.3% għola mix-xahar ta’ Jannar li kien USD 977.37/MT Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi il-komponenti ta’ Duties u Taxes fir-rigward tal-prezzijiet tal-Petrol u d-Diesel li ġew fis-seħħ nhar 2 t’April 2012.

applikazzjoni għal dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslet t-talba tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu diżabilità u ilu bosta snin jistenna biex jidħol f'waħda mid-djar tal-anzjani tal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kien applika l-ewwel darba fit-23 ta’ Novembru 2004 u l-Bord kien talab sabiex isir rapport mediku. Fl-11 t’Ottubru 2005 id-Dipartiment irċieva r-rapport mediku mingħand il-Konsulent Mediku. Fis-16 ta’ Frar 2006 il-każ ġie rivedut mil-Bord u ġie rifjutat fuq bażi li din il-persuna għada tista’ tgħix fil-komunita’ u tagħmel użu mis-servizzi tal-komunita’. Fis-17 ta’ Mejju 2006 l-anzjan applika mill-ġdid. Saru diversi tentattivi mis- social workers tad-dipartiment biex jikkunttajaw lill-klijent. Dawn irriżultaw fin-negattiv għal diversi xhur. Ir-rapport soċjali sar fl-4 ta’ Settembru 2007. Din l-applikazzjoni reġgħat ġiet irrifjutata mill-Bord tal-Ammissjonijiet fid-29 ta’ Novembru 2007. Fis-26 ta’ Diċembru 2007 l-anzjan reġa’ applika u l-applikazzjoni reġgħat ġiet irrifjutata mill-Bord fl-24 ta’ Jannar 2008. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet ġew rrifjutati fuq l-istess bażi jiġifieri li din il-persuna għada tista’ tgħix fil-komunita’ u tagħmel użu mis-servizzi tal-komunita’. Fl-14 ta’ Lulju 2009 il-klijent applika mill-ġdid u fl-1 ta’ Settembru 2009 l-applikazzjoni ġiet approvata bħala ‘High Priority’ għad-dħul fid-Dar tal-Anzjani tal-Floriana. Liema applikazzjoni tpoġġiet fil-lista ta’ stennija għad-dħul fid-dar imsemmija.

Commuted Parking Payment Scheme — flus miġbura

Question

Jista' l-Ministru jindika kemm huma l-ammonti ta' flus miġbura sal-aħħar ta' Marzu 2012, taħt l-iskema tal-Commuted Parking Payment Scheme lokalità b'lokalità?

Response (DEMARCO, MARIO)

Infurmat illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.