Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjoni ta' żwieġ

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u jara x qed iżżomm lill-uffiċjal tal-pulizija nkarigat sabiex tipproċessa l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li qegħda tistenna tarbija u tixtieq tiżżewweġ lill-persuna li d dettalji ukoll qed jingħataw separatament u dan meta presentat id-dokumenti kollha mitluba għal aktar min darba u dan hu każ umanitarju?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet proċessata u t-talba ta' din is-sinjura ġiet milqugħa.

LGA — pożizzjonijiet ta' tmexxija - kredenzjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32852 u jinforma lill-Kamra xi kriterji intużaw u xi kredenzjali jkunu ġew mitluba biex jimtlew il-pożizzjonijiet ta' tmexxija fi dan il-LGA?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-pożizzjoniet ta’ tmexxija ġew ingaġġati skont il-proċessi ta’ MPO u ETC. Il-kandidati ġew mitluba kwalifiki ta’ livell universitarju preferibilment f’qasam relatat mal-pożizzjoni, kondotta nadifa, dikjarazzjoni li m’hemmx konflitt ta’ interess u esperjenza ta' tmexxija fuq ix-xogħol.

Birżebbuġa — uffiċċju fejn jirreġistraw persuni mingħajr impjieg

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jiġi organizzat uffiċċju ġewwa Birżebuġa fejn dawk mingħajr impjieg ikunu jistgħu jirreġistraw fost affarijiet oħra stante li r-residenti ta' Birżebbuġa jirreġistraw ż-Żejtun u stante l-popolazzjoni kbira ta' dawn iż-żewġ villaġġi, titnaqqas il-problema tal-queues?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f'dan il-każ lill-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Transport Malta — persuni impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn it-8 ta' Marzu 2008 u t-8 ta' Marzu 2012 kemm daħlu nies jaħdmu minn barra għal mat-Trasport Malta? F'liema gradi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta twaqfet fis-sena 2010 u minn din is-sena sat-8 ta' Marzu 2012 kienu mpjegati 106 persuna u rtiraw 90-il persuna. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tan-nies li daħlu.

Każijiet fejn il-prosekutur ma jasalx fil-ħin

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex il-prattika ħażina li nfirxet f'numru mhux żgħir ta' awli - u jrid jingħad mhux dejjem tort tal-ġudikanti (bħal per eżempju meta l-prosekutur ma jasalx fil-ħin jew meta ma jkunx hemm deputat) - fejn is-seduta prattikament qatt ma tibda fid-9:00am imma fid-9:30am u ġieli anke fl-10:00am tiġi ttakiljata urġentement u mhux kollox jibqa għaddej qisu mhu qed jiġri xejn meta din il-prassi ħażina qed toħloq pressjonijiet kbar, inġustizzji u tensjonijiet żejda? Jemmen li b'taħditiet u rieda tajba l-fatturi li qed jikkawsaw tali dewmien ikunu jistgħu jiġu ttakiljati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ghal dak li jirrigwarda d-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Kriminali kif ukoll id-Direttorat tal-Qrati u Tribunali Civili qatt ma kien hemm okkazjoni li s-seduta ma bdietx fil-hin peress li ma kienx hemm Deputat Registratur. L-amministrazzjoni dejjem taghmel hilitha kollu sabiex l-Awli jkollhom il-haddiema necessarji biex ikunu jistghu jiffunzjonaw kif imiss. Kwantu jirrigwarda lill-gudikanti, difficli taghti risposta li tkopri s-sitwazzjonijiet kollha li jinqalghu minn jum ghal jum u minn Awla ghall-ohra fin-nuqqas ta’ aktar dettalji. Gieli jinqalghu cirkostanzi inaspettati, u dawn jistghu ikunu varji, li ma jaghmluhiex possibbli li s-seduta tibda fil-hin. B’danakollu jien naqbel mieghek li bi ftit aktar sforz u rieda tajba ir-ritardar fil-bidu ta’ seduti jista jigi ridott. In kwantu l-gudikanti stess jistghu inaqqsu dan id-dewmien jien ser niehu hsieb ngib ghall-attenzjoni tal-Prim Imhallef dak li semmejt int ghal kull azzjoni li jista’ jidhirlu xierqa.

Studju ta' fattibilità għall-bini ta' tunnel bejn Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33261 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex waslu l-istudji tal-fattibilità għall-bini ta' tunnel bejn Malta u Għawdex? Jista' jgħid min qed jagħmel id-diżinji preliminari u min qed jagħmel l-istudji ta' fattibilità? Jista' jgħid b'liema proċedura ġew imqabbda dawn l-entitajiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-prefeasibility study tlesta u għandu jiġi ppubblikat din il-ġimgħa. Għall-kumplament tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari nru.28961.

Raħal Ġdid — pjanti preliminari ta' bini ta' skola

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33263, tista' l-Ministru tispjega għaliex qed ikun hemm tant dewmien sabiex jitlestew pjanti li hi stess tiddeskrivihom bħala pjanti preliminari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol fuq il-pjanti tal-iskola sekondarja flok il-ground ta’ Pace Grasso għadu għaddej mill-Periti tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada. Il-Fondazzjoni tkun qegħda tikkonsulta u tiddiskuti dawn il-pjanti mad-Direttorati tal-Edukazzjoni u ma’ professjonisti oħra. Dawn il-pjanti mhumiex ta’ xi residenza imma ta’ istituzzjoni edukattiva fuq skala kbira.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjnani u l-Kura fil-Komunità — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Minsteru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qatt ma uża is-servizz tal-avukat jew kumpanija li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minn mindu twaqqaf iktar kmieni din is-sena il-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur ma sar l-ebda ħlas lill-Avukat u l-kumpanija indikati minnu f’din il-mistoqsija parlamentari.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tiegħu, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija s-segwenti; - il-Qorti ta’ Malta; nil - il-Qorti t’Ghawdex; nil - Kummissarju ghat-tfal; nil - Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Dizabilta’; nil - Kummissjoni ghal Vjolenza domestika; nil - Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza; nil - Dipartiment ghar-relazzjonijiet Industrijali; nil - Politika Socjali; nil - Awtorita’ Nazzjonali ghall-Impjieg; nil - Awtorita’ tad-Djar; nil - Fondazzjoni ghall-Harsien tas-Servizzi Socjali; nil - Dipartiment ghall-Harsien tas-Servizzi Socjali; nil - Kummissarju ghall-Ghaqdiet Volontarji; nil - Ufficju tal-AG; nil - MEUSAC; nil - MCESD; €236

Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tagħha, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33535 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: JEFFREY PULLICINO ORLANDO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — ammont ta' flus lill-avukat u l-kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta' flus imħallas tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru tagħha, kif ukoll minn entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, lill-avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien l-ammont ta' flus imħallas lill-kumpanija, li d-dettalji dwarha ukoll qed jingħataw separatament li jifforma parti minnha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma tħallsu ebda flus tul dawn l-aħħar ħames snin mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll mid-direttorati li jaqgħu taħtu lill-avukat u lill-kumpanija li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament.

Manager tal-Awtorità tal-PBS

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi proċedura kienet addottat sabiex tkun ingaġġata manager responsabbli mill-Awtorità mal-Public Broadcasting Services? Tista' tagħti rendikont tal-pakkett remunerattiv li tgawdi din il-persuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS ma ngaġġat l-ebda manager responsabbli mill-Awtorità tal-PBS. Il-PBS m'għandha l-ebda awtorità.

PBS — impjegati li jtegħllu programmi apparti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati tal-Public Broadcasting Services li jtellgħu programmi apparti mid-doveri normali tagħhom u li għalihom jitħallsu separatament? Tista' tagħti rendikont tal-ħlasijiet li jsiru għal dawn il-programmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 11 l-impjegat tal-PBS li jtellgħu programmi apparti mid-doveri normali tagħhom. Dawn l-impjegati japplikaw biex jagħmlu l-programmi meta toħroġ is-sejħa tal-Programme Statement of Intent u jgħaddu mill-proċess normali. Peress li dan ix-xogħol mhuwiex parti mix-xogħol normali tagħhom il-ħlasijiet jiġu negozjati individwalment u huma ta’ natura kummerċjali.
Leg 11 PQ #33551 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Kulleġġ tal-Arti ġdid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32979, tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra fejn se jitwaqqaf il-Kulleġġ Ġdid tal-Art? Meta se jitwaqqaf dan il-kulleġġ ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada identifikaw sit fil-limit ta’ Ħal-Qormi li jista’ jservi ta’ post fejn jinbena l-Kulleġġ tal-Arti. Bħalissa qegħda tiġi ppreparata d-dokumentazzjoni teknika sabiex titressaq formalment il-proposta lill-MEPA għall-kunsiderazzjoni tagħha. Fil-ġimgħat li ġejjin għandha tiġi ppubblikata s-sejħa għall-Prinċipal tal-Kulleġġ tal-Arti biex jinbeda l-proċess ħalli tibda tiġi stabbilita l-organiżżazzjoni amministrattiva ta’ dan il-Kulleġġ li jrid jinkludi wkoll is-sejħa għall-Kapijiet fuq bażi full-time għall-Iskola tal-Arti, tad-Drama u tal-Mużika. Sadanittant, inbeda l-proċess sabiex kull kors offrut f’dawn l-iskejjel ikun konformi mal-Qafas Malti ital-Kwalifiki. Il-Kulleġġ tal-Arti ser ikun qed joffri korsijiet minn Livell 1 sa Livell 4 u f’xi ftit każi sa Livell 5. Studenti fil-qasam tal-Arti li jridu jkomplu jispeċjaliżżaw minn Livell 5 ’l fuq ser ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST u fl-Università ta’ Malta.
Leg 11 PQ #33576 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — night shelters

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm night shelters għall-anzjani f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Gvern sa issa m'għandux night shelters. Servizzi għall-anzjani f'Għawdex huma: Telecare Service Handyman Service Incontinence Service Home Help Meals on Wheels Special Identity Card Blue Sticker Telephone Rebate Day Centre

informazzjoni dwar djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il dar għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull dar kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull dar għat-tmexxija tagħha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33578 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — djar tal-anzjani

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull dar kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull dar għat-tmexxija tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li f'Għawdex hawn żewġ residenzi għall-anzjani tal-istat, jiġifieri Residenza Sant' Anna u l-Male Geriatric Ward. Dawn jagħmlu parti mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Ir-Residenza Sant' Anna takkomoda 81 anzjana u l-Male Geriatric Ward takkomoda 40 anzjan. L-ispiża tal-Isptar hija globali u mhijiex apporzjonata fuq wards.