Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qasam tal-Iskart Perikoluż u tossiku — operaturi maqbuda f'attivitajiet illegali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn operaturi Maltin fil-Qasam tal-Iskart Perikoluż u/jew tossiku nqabdu f'attivitajiet illegali barra l-pajjiż mill-bidu tas-sena 2011 sal-lum? X'ġara f'kull każ? Kien hemm każijiet fejn iddaħħlet id-dwana Maltija u jekk iva, liema kienu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kienu irrapuratati l-ebda każijiet fejn operaturi Maltin fil-Qasam tal-Iskart Perikoluż u/jew tossiku nqabdu f'attivitajiet illegali barra l-pajjiż mill-bidu tas-sena 2011 sal-lum.

pulizija li jaħdmu fuq traffikar ta' bnedmin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija jaħdmu fid-Depot fuq traffikar tal-bnedmin? L-istrateġija tal-gvern hija proattiva biżżejjed ħdejn ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni ninforma lill-Kamra, t-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra li tispeċjalizza fuq ir-reati kriminali dwar traffikar ta’ persuni bi skop ta’ esplojtazzjoni sesswali, ta’ impjieg jew għal raġunijiet oħra hekk kif tistabilixxi il-liġi. Din l-iskwadra taħdem mill-qrib ma’ skwadri oħra fi ħdan il-Pulizija hekk kif meħtieġ. Madankollu, għal aktar speċjalizazzjoni u kordinament fil-ġlieda kontra dawn it-tip ta’ reati, minn Jannar ta’ din is-sena, Spettur minn din it-Taqsima, flimkien ma’ uffiċjali oħra (team) ġew moghtija l-inkarigu tal-investigazzjoni ta’ dawn ir-reati. Ta’ minn jgħid ukoll illi sabiex il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta iżomm ruħu aġġornat ma' dak li jkun qed jiġri f’pajjiżi oħra b’konnessjoni ma’ dan il-fenomenu, membri tal-Korp regolarment jattendu seminars u workshops kemm f’diversi fora fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħal ma huma l- Frontex u l- Council of Europe kif ukoll dawk organizzati minn pajjiżi individwali. Barra minn hekk uffiċjali fi ħdan il-Pulizija attendew ukoll taħriġ minn esperti ta’ IOM ( Washington ) f’Ġunju 2011 u taħriġ ieħor minn esperti ta’ IOM (Rome) f’ Marzu 2012. L-ewwel taħriġ kien ko-finanzjat mill-Gvern tal-Istati Uniti u l-Gvern Malti, filwaqt li it-tieni wieħed kien finanzjat u organizzata mill-Gvern Malti fil-kuntest ta’ proġett li permezz tiegħu l-IOM qed tagħti support lill-awtoritajiet Maltin fl-implementazzjoni tal-Pjan t’ Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Persuni. Barra minn dan il-Pulizija Maltija tieħu sehem attiv fil-ġlieda kontra l-kriminalita' internazzjonali inkluż dak ta’ traffikar ta’ persuni, flimkien ma’ pajjiżi oħra, kemm dawk tal-Unjoni Eworpea, fejn il-Pulizija Maltija anke għandha rappreżentant permanenti fil-Kwartieri Ġenerali tal- EUROPOL f’ The Hague , kif ukoll ma' oħrajn permezz tal- Interpo l. Ta min jgħid ukoll li uffiċjal fi ħdan il-Pulizija hija membru tal- Group of Experts on Action against Trafficking in Human Beings tal-Kunsill tal-Ewropa. Sabiex tkun ikkordinata l-ħidma internazzjonali, il-Korp tal-Pulizija, għandu wkoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, li hu miftuħ erba' u għoxrin siegħa kuljum, inklużi l-Ħdud u ġranet ta’ festi. Dan iservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt ma' Pulizija Eworpej oħra fiż-żona Schengen. Barra minn dan, fuq bażi bilaterali, l-Pulizija Maltija għandha wkoll kuntatt u ftehim ta' koperazzjoni ma' diversi pajjiżi oħra barra minn l-Unjoni Eworpea. Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern kontra dawn it-tip ta’ reati, s-sena l-oħra kien ġie mwaqqaf Monitoring Committee kompost minn esponenti għolja f’diversi Dipartimenti tal-Gvern. Dan il-kumitat ħa ħsieb sabiex jagħmel Pjan ta’ Azzjoni, li ġie pubblikat fuq is-sit tal-Ministeru fl-4 ta’ Ottubru 2011, li jiddentifika l-azzjonijiet neċessarji sabiex il-pajjiż jindirizza l-ġlieda kontra traffikar ta’ persuni b’mod dejjem aktar effettiv. Dan il-pjan jindirizza l-fenomenu permezz ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni, ta’ protezzjoni tal-vittmi kif ukoll ta’ prosekuzzjoni għal dawk li wettqu ir-reat. Il-Pjan ta’ Azzjoni qed jiġi implimentat bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Pulizija li għandhom rwol ċentrali fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni.

riforma fit-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjega bħala overview ta' fiex waslet ir-riforma fit-trasport pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li servizz tat-trasport pubbliku stabbilizza ruħu fil-maġġoranza tar-rotot. Infurmat ukoll li għad hemm xi rotot li l-ammont ta’ vjaġġi stipulati fl-iskedi mhux qed isiru kollha jew inkella mhux qed iżommu mal-ħinijiet stabbiliti fl-iskedi. Dan qed jirriżulta f’xarabanks li qed jaslu fid-destinazzjoni jew fuq bus stops f’daqqa u mbagħad iħallu lill-passiġġieri jistennew sakemm tiġi xarabank oħra. Minn Novembru 2011, Transport Malta żiedet il-moniteraġġ li qed tagħmel fuq ir-rotot u ż-żamma ta’ ħinijiet mal-iskedi, filwaqt li qed tkompli timmoniterja s-servizz fir-rigward ta’ xarabanks, xufiera u informazzjoni ipprovduta lill-pubbliku in ġenerali u l-passiġġieri sabiex tara li huma konformi skont il-kuntratt iffirmat. Dan il-moniteraġġ iwassal ukoll biex jinħargu multi lill-operatur u s’issa nħargu €284,250 f’multi. Infurmat ukoll li l-operatur jista’ jikkontesta dawn il-multi. Is-sistema ta’ ICT hija sfida li l-operatur għadu sal-lum ma solviex għal kollox. Filwaqt li l-pubbliku jista’ jesperjenza informazzjoni real time li qed tingħata kemm fl-interchanges kif ukoll fil-vened u Transport Malta hija f’pożizzjoni aħjar milli kienet qabel Lulju 2011 fir-rigward ta’ sistema ta’ moniteraġġ real time, is-sistema għadha mhix tiffunzjona fil-livell meħtieġ mill-kuntratt u din il-problema qed tiġi ndirizzata mill-operatur. Bid-tibdil fir-rotot li għadhom kemm ġew imħabbra, liema rotot se jidħlu fis-seħħ f’Mejju, huwa maħsub li numru ta’ lmenti rigward ir-rotot se jibgħu jonqsu. Dan wara li ġew studjati s-suġġerimenti u l-ilmenti mressqa lil Transport Malta kemm mill-Kunsilli Lokali kif ukoll mill-pubbliku in ġenerali. Wieħed irid japprezza li mhux kull suġġeriment jista’ jkun milqugħ. In-network tat-trasport pubbliku huwa wieħed dinamiku, u għaldaqstant kemm l-Awtorita’ kif ukoll il-Ministeru se jkomplu janalizzaw l-ilmenti u s-suġġerimenti mressqa mill-pubbliku u l-Kunsilli Lokali sabiex ikompli jsir it-titjieb meħtieġ fis-servizz tat-trasport pubbliku.

Mosta — Żona Santa Margerita - rotta tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal rotot li jridu jiġu rranġati? Jista' jgħid jekk hux se tiġi rranġata s-sistema tat-transport biex żgħażagħ miż-żona Santa Margerita fil-Mosta ma jkollhomx jaqbdu tliet karozzi tal-linja biex imorru l-iskola ġewwa Raħal Ġdid, liema sistema preżenti qed tikkawża ħafna tbatija u ħela ta' ħin lir-residenti ta' din iż-żona u għalhekk hemm bżonn li titjied ir-riforma li diġà saret?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li persuni li jivvjaġġaw bejn Santa Margerita u Paola qatt ma kellhom għalfejn jaqbdu 3 karozzi biex jagħmlu l-vjaġġ tagħhom f'direzzjoni waħda.

Mosta — Żona Santa Margerita - kwestjoni dwar it-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jkollhom risposta fuq dak li talbu r-residenti taż-żona Santa Margerita fil-Mosta meta diġà resqu petizzjoni f'dan l-istess Parlament biex isir irranġar tas-sistema tat-trasport pubbliku f'din iż-żona minħabba li kif din tinstab illum qed toħloq ħafna ħela ta' ħin u tbatija żejda u l-istess riforma tista' tiġi imtejba iktar bi ftit iktar konsultazzjoni mal-istess residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, se jkunu pprovduti servizzi bejn il-qasam Santa Margerita u l-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei.

Mosta — Ta' Żokrija - trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jkollhom tibdil fir-rotot ħalli r-residenti taż-żona ta' Żokrija fil-Mosta jkunu moqdija aħjar mit-trasport pubbliku peress liema residenti qed ikollhom jimxu tul ta' ħin meta faċilment jekk il-karozza tal-linja li tgħaddi mill-Imġarr tibqa' għaddejja mir-rotta l-antika, jiġifieri tgħaddi minn ħdejn ta' Żokrija u tibqa' sejra lejn il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b'żieda mas-servizz eżistenti, se jkun ipprovdut ukoll servizz bejn il-qasam Taż-Żokrija u l-Belt Valletta.

każ ta' ħlas ta' bolla

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwar qed jintbagħtu separatament, peress li qed iħoss li għall-bolla li qed iħallas, mhux se jkollu pensjoni diċenti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Meters tad-dawl u l-ilma fid-djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li fil-qari li qed isir tal-meters tad-dawl u l-ilma fid-djar, l-konsumatur f’ħafna każijiet mhux qed jingħata kopja tar-reading li jkun qiegħed jittieħed? Ma jidhirlux li dan in-nuqqas qiegħed ikompli jimmina l-integrità tal-proċess li bih il-households qed jiġu ċċarġjati għall-konsum tagħhom ta’ dawl u ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm xi meter readers li għandhom il-printers bil-ħsara w il-konsumatur qiegħed jingħata irċevuta, b’mod manwali. Mhux kull konsumatur jaċċetta din il-kopja tal-qari manwali u għaldaqstant, il- meter reader ma jkollux għażla oħra ħlief dik li ma jagħtix il-qari lil dawk li jirrifjutaw, minħabba li jinsistu li jkunu jridu waħda maħruġa mill- Hand Held Computer . Dan ma jfissirx illi l-konsumatur jista jiġi mġiegħel jħallas aktar, għaliex dan jista jivverifika il-qari ma l-ewwel kont attwali u jqabbel il-qari li jkun ittieħed mill- meter reader . Il-Kumpanija ARMS qegħda fil-proċess finali sabiex jinġieb apparat kollu ġdid għall- meter readers u tiġi eliminata darba għal dejjem din il-problema.

Każ ta' persuna li nqatgħalha r-relief

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li b'nuqqas ta' ftehim bejnha u d-dipartiment, spiċċat biex qatgħulha r-relief?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

benefiċċju għal nies li għandhom 'il fuq minn 81 sena

Question

B'referenza għal dak li ġie mħabbar fil-Budget li kull koppja li għandha 81 sena tieħu €300, jista' l-Ministru jgħid, meta koppja fejn ir-raġel tidħolu il-penzjoni l-bank, il-benefiċju tal-mara jidħol ukoll il-bank jew tirċeivi ċekk?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mid-Dipartiment li fejn kellu informazzjoni tal-kont tal-bank fejn il-mara tixtieq li jidħlu l-pagamenti tagħha l-ħlas sar fil-kont tal-bank. Fejn id-Dipartiment ma kellux informazzjoni tal-kont tal-bank, il-pagament ħareġ permezz ta’ ċekk. Fil-fatt dawk in-nisa’ miżżewġin li bbenefikaw għal din l-għotja u li qatt ma kienu jirċievu benefiċċju soċjali u għalhekk ma kien jeżisti l-ebda informazzjoni tal-kont tal-bank, f’dan il-każ dan il-pagament ħareġ permezz ta’ ċekk.
Leg 11 PQ #33389 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mistoqsijiet bil-Miktub li għadhom mhux imwieġba

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub W349 (datata 2 ta' Settembru 2011), W403 (datata 5 ta' Settembru 2011), W506 (datata 21 ta' Diċembru 2011) u W519 (datata 27 ta' Diċembru 2011) ma ġewx imwieġba?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-mistoqsija parlamentari W349 ġiet imwieġba f’seduta 413. Il-Mistoqsija Parlamentari W403 ma jirriżultax li saret lill-Ministeru tiegħi. Dwar il-mistoqsijiet W506 u W519 infurmat li kien għad fadal id-dettalji sabiex ngħatu risposta finali u dan se jsir f’waħda mis-seduti li jmiss.
Leg 11 PQ #33390 Sitting 464 2012-04-25 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li r-risposta finali ser tingħata f’waħda mis-seduti futuri peress li kien għad fadal xi dettalji li kienu għadhom qed jiġu vverifikati.

Mistoqsijiet bil-Miktub li għadhom mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-mistoqsijiet parlamentari bil-miktub W479 (datata 19 ta' Diċembru 2011), W480 (datata 19 ta' Diċembru 2011)?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jgħid eżatt x'inhi l-mistoqsija tiegħu.

Mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba

Question

Peress li għall-mistoqsijiet parlamentari li għamilt, ngħatat risposta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra, jista' l-Ministru jagħti raġuni għaliex l-informazzjoni għadha ma ngħatatx? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal dawn il-mistoqsijiet parlamentari: 11281 (datata 8 ta' Ottubru 2009), 12282 (datata 5 ta' Novembru 2009), 29622 (datata 27 ta' Ottubru 2011), 31103 (datata 9 ta' Diċembru 2011), 31127 (datata 9 ta' Diċembru 2011), 32387 (datata 27 ta' Frar 2012) u 32388 (datata 27 ta' Frar 2012)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li, Mistoqsija Parlamentari 11281 kienet imwieġba f'seduta 153 b'mistoqsija parlamentari Nru 11781. Rigward il-Mistoqsijiet Parlamentari 12282 u 31127, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi dawn il-mistoqsijiet lill-Ministru kkonċernat. Mistoqsija Parlamentari 32387 kienet imwieġba f'seduta 454. Mistoqsijiet Parlamentari 29622, 31103 u 32388 twieġbu f'seduta 463.

Mistoqsija li għadha mhux imwieġba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għaliex il-mistoqsija bil-miktub ma ġietx imwieġba? Jista’ jagħti l-informazzjni mitluba għall-mistoqsija parlamentari W523 (datata 27 ta' Diċembru 2011)?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru W 523.

Mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba

Question

Peress li għall-mistoqsijiet li għamilt ingħatajt risposta li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra, jista’ l-Ministru jagħti raġuni għaliex l-informazzjoni għadha ma ngħatatx? Jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għal dawn il-mistoqsijiet parlamentari: 31104 (datata 18 ta; Jannar 2012), 31846 (datata 9 ta' Frar 2012), 32377 (datata 27 ta' Frar 2012), 30602 (datata 28 ta' Novembru 2011), 29135 (datata 17 ta' Ottubru 2011), 29117 (datata 17 ta' Ottubru 2011), 29110 (datata 17 ta' Ottubru 2011) u 27661 (datata 18 ta' Lulju 2011)?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsijiet parlamentari li qed jirreferi għalihom f’din il-mistoqsija parlamentari qed jiġu risposti f’seduti 464 u 465. Ir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 29110, ser tingħata f’seduta oħra.

Kuntratturi għax-xogħol ta' asfaltar u bankini

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33012, jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-kuntratturi li ħadmu fuq it-toroq bħal asflatar, bankini eċċ. sal-lum? Jista' jindika separatament ix-xogħlijiet tat-toroq li ngħataw lil dawn il-kuntratturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Civil Aviation Directorate — lista ta' impjegati, grades, pożizzjonijiet u remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tal-impjegati, grade, pożizzjoni u remunerazzjoni ta' dawk li jaħdmu fis-Civil Aviation Directorate?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Belt Valletta — telfien ta' postijiet ta' parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid, konsegwenza ta', iżda mhux limitat għall-iżvilupp fil-viċinanza ta' Bieb il-Belt Valletta, fl-area tal-Mandraġġ u mkejjen oħra fil-Belt Kapitali, kemm se jkunu ntilfu postijiet ta' parkeġġ u dan bi preġudizzju għar-residenti tal-Belt? Jista' jgħid x'alternattivi għandu sabiex jagħmel tajjeb għal dan it-telf tal-postijiet ta' parkeġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Bit-tibdil kollu li sar fil-parkeġġ tal-Belt u l-madwar żdiedu 680 post u tnaqqsu 430 jiġifieri żieda komplessiva ta’ 250 il-post ta’ parkeġġ. Fejn żdiedu Park & Ride 400 Taraġ Arena Indipendenza (proġettat) 280 Tneħħew Freedom Square – 77 car parking spaces (plus 9 taxi spaces) Pope Pius V Road – 44 car parking spaces Ditch below City Gate – 76 car parking spaces Yellow Garage – 75 car parking spaces Misrah San Gorg – 122 car parking spaces Melita Street / South Street – 36 car parking spaces

Ħlas minn kumpaniji tal-ajru biex għaddew minn fuq l-ispazzju tal-ajru ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien id-dħul ta' Malta minn ħlasijiet li saru minn kumpaniji tal-ajru sabiex għaddew minn fuq l-ispazzju tal-ajru Malti tul dawn l-aħħar għaxar snin sena b'sena?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.