Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm servizz ta' trasport pubbliku fi Triq it-Tempesta l-Qrendi peress illi għad li hemm il-bus stops tal-linja ma tgħaddix?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent mhux ippjanat li jkun hemm rotta tal-karozza tal-linja minn Triq it-Tempesta. Madanakollu infurmat ukoll li s-servizzi 72, 117 u 118 iservu waqfiet fil-qrib ta' Triq it-Tempesta.
Għawdex — faċilitajiet għal servizzi ta’ respite għall-anzjani
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità għal servizzi ta’ respite għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33576.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità għal servizzi għall-kura tad-dimensja għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ġewwa San Vinċenz e Paule hemm żewġt swali li huma mibnija speċifikament għall-kura ta’ persuni li jsofru bid-dimentia, li huma is-swali Ġwanni Pawlu II – Sala 1 (nisa) u sala 2 (irġiel); kif ukoll Activity Centre li jservi bħala day respite għall-persuni li jbgħatu mid-dimentia.
San Vinċenz de Paule jakkomoda elf mijja u tmienja u tletin (1,138) persuna – tlett mija u tlieta u tletin (333) irġiel u tminn mijja u ħamsa (805) nisa. Dawn is-swali msemmija hawn fuq huma maqsuma hekk: Ġwanni Pawlu II – Sala 1 (Nisa) = 24; Ġwanni Pawlu II – Sala 2 (irġiel) = 24.
L-ispiza għas-sena 2011 għal dawn is-swali kienet ta’ miljun, erba’ mijja u sitta u tmenin elf, u erba mitt Ewroa (1,486,400) liema spiża tinkludi l-pagi u l-ikel.
Fil-jiem li ġejjin mistennija tiftaħ sala ġdida għall-persuni li għandhom id-dimenzja ġewwa Zammit Clapp Nursing Home. Din is-sala se tilqa’ 12-il pazjent.
Rigward faċilitajiet għal servizzi għall-kura tad-dimentia għall-Anzjani ġewwa Għawdex nitlob l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Kull sala li tigi re-fursbished ġewwa residenza tal-anzjani tiġi mgħammra dimentia firiendly.
Għawdex — faċilità għas-servizzi għall-kura tad-dimensja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità għal servizzi għall-kura tad-dimensja għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33576.
Tista’ l-Ministru tgħid hemm anzjani u households f’Għawdex li għandhom is-servizz tal-għajnuna fid-dar? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kemm hu n-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa li qed jingħata? Tista’ tgħid kemm sigħat totali ta’ servizz fil-ġimgħa kienu approvati għal dawn l-anzjani/households? Tista’ tgħid kemm hemm anzjani/households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għal dan is-servizz u għadhom ma nagħtawx is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz għandhom approvati b’kollox?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-lista annessa.
Jista’ l-Ministru jgħid hemm anzjani u households f’Malta li għandhom is-servizz tal-għajnuna fid-dar? Jista’ jgħid kemm hu n-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa li qed jingħata? Jista’ jgħid kemm sigħat totali ta’ servizz fil-ġimgħa kienu approvati għal dawn l-anzjani/households? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani/households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għal dan is-servizz u għadhom m nagħtawx is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz għandhom approvati b’kollox?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ households li jirċievu l-home help fil-prezent huwa 2,684 filwaqt li l-benefiċċjarji jammontaw għal 3,659. In-numru totali ta’ siegħat ta’ servizz li qed jingħata hu ta’ 7,293 siegħa fil-ġimgħa. In-numru ta’ siegħat approvati jammonta għal 7,487 siegħa fil-ġimgħa.
In-numru ta’
households
li għandhom is-servizz approvat u li s’issa m’għandhomx servizz huwa ta’ 74.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm social assistants impjegati mal-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid dawn fejn hu assenjati x-xogħol tagħhom u x’xogħol qed jagħmlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' Social Assistants impjegati mal-Ministeru għal Għawdex huwa ta' 88. Dawn huma mqassmin hekk:
Għajnuna fid-Djar - 68 (għand l-anzjani, fid-djar tagħhom)
Uffiċċju tal-Anzjani – 4 (xogħol ta’ uffiċċju, tindif u
supervision
)
Day Centre
– 3 (xogħol ta’ tindif, tisjir u jservu l-ikel lill-anzjani li jattendu d-
Day Centre
)
Santa Marta Day Centre – 6 (assistenza mal-persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll tindif taċ-Ċentru)
ESN, Sannat – 3 (assistenza mat-tfal bi bżonnijiet speċjali)
Sptar Ġenerali – 4 (tindif b’mod ġenerali tal-isptar).
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-membri fuq il-Bord ta' Diretturi ta' Heritage Malta - tneħħi r-rappreżentant tal-Università ta' Malta - għandu rikonoxximenti akkademiċi fil-qasam tal-heritage/restawr/tmexxija ta' siti kulturali? Saru talbiet biex nies fi ħdan il-qasam tar-restawr/patrimonju/tmexxija ta' siti kulturali jkunu membri fil-bord de quo? Jekk dawn m'aċċettawx it-talba li saritilhom, għaliex dawn għamlu tali rifjut?
Response (DEMARCO, MARIO)
Kollettivament il-membri tal-Bord iġibu magħhom esperjenzi u kwalifiki varji li jkopru l-oqsma ta’: Wirt Kulturali, Arti, Arkeoloġija, Restawr, Turiżmu, Management, Ippjanar Strateġiku, Finanzi, Tmexxija ta’ Mużewijiet u Siti.
It-talbiet li saru kienu ndirizzati direttament lill-persuni li huma membri f’dan il-Bord u li kollha aċċettaw it-talba li saritilhom biex ikunu membri fil-Bord tad-Diretturi ta’ Heritage Malta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki li għandu s-sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, biex dan ingħata l-inkarigu li jokkupa l-pożizzjoni ta' CEO ta' Heritage Malta?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li l-persuna imsemmija huwa gradwat u għandu Baċellerat tal-Arti. Infurmat ukoll li għal dawn l-aħħar disa’ snin dejjem okkupa pożizzjoni ta’ tmexxija fis-Servizz Pubbliku fejn fl-aħħar snin serva bħala Segretarju Permanenti. Infurmat ukoll li s-selection panel ta’ Heritage Malta unanimament sabuh bħala l-persuna addattata għall-kariga msemmija u kien għalhekk li ntalbet id-detailing tiegħu mal-Aġenzija skond Art 18 tal-att dwar il-Patrimonju Kulturali (Kap 445).
B'referenza għall-Forti Sant' Anġlu u x-xogħlijiet li saru fuq dan is-sit, jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-arkitetturi li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament u għala dan ix-xogħol ma sarx mis-sitt periti li tħaddem Heritage Malta?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li bi preparazzjoni għall-applikazzjoni eventwali għall-proġett ta’ restawr fuq il-Forti Sant Anġlu, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kultura ħareġ sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ periti f’Jannar 2010, li ntrebaħ minn DeMicoli & Associates. Dan ix-xogħol, li kien jinkludi surveying, deterioration mapping, riċerka u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, sal-ħruġ tal-permessi mill-MEPA, sewa €154,700.
Fl-2010 Heritage Malta kellha tliet periti fid-dipartiment tal-Proġetti u kien hemm perit bħala
manager
fid-dipartiment tal-Konservazzjoni. Għalhekk sabiex ikun jista’ jibda l-proċess ta’ applikazzjoni tal-MEPA b’mod immedjat u minħabba l-iskala ta’ l-istess proġett, ma kienx possibli li dan ix-xogħol isir direttament minn Heritage Malta.
Inżid ukoll li Heritage Malta kienet involuta fil-proċess kollu ta’ xogħolijiet li qegħdin isiru fuq dan is-sit, inkluż fil-ħruġ u l-adġudikazzjoni ta’ dan it-tender.
B'referenza għas-sigurtà fil-Forti Sant'Anġlu, jista' l-Ministru jgħid x'għamel il-gvern biex jassigura s-sigurtà (safety)? X'nefqa saret? In-nefqa kif saret - permezz ta' direct order jew wara sejħa għal offerti? Jista' jgħid jekk l-Ordni ta' Malta [SMOM] u l-consortium li se tibni spa u li t-tnejn jokkupaw parti mill-Forti ikkontribewx għan-nefqa tas-sigurtà?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li mill-2008 sa l-aħħar tal-2011 intnefqu €131,862 sabiex ikun hemm preżenza kontinwa ta’ uffiċjal tas-sigurta’ fil-forti u dan sabiex jiġi kkontrollat l-aċċess u jitwaqqaf kull tip ta’ abbuż li kien qed isir fl-istess forti. Dan is-servizz ingħata għal ftit żmien minn G4S Security Services (Malta) Ltd, li kienu diġa’ jagħtu servizz lil Heritage Malta f’siti oħra, sakemm imbagħad inħareġ tender u intrebaħ minn Signal 8 Security. Dan is-servizz kien u għadu jiġi mħallas minn Heritage Malta.
Għar-rigward tas-siti ta' Tas-Silġ u San Pawl Milqi, jista' l-Ministru jikkonferma kemm damu l-missjoniet arkijelogi Taljani jaħdmu f'dawn is-siti u kemm-il rapport ġie ppreżentat tal-ħidma tagħhom? Jista' jikkonferma li l-Sovrintendent tal-Wirt Kulturali għandu kontroll fuq ir-reparti li nstabu u li qegħdin fis-swar ta' Bormla? Min jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dan il-post? Hemm inventarju tal-mijiet ta' kaxxi f'reparti li hemm f'dan il-post?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Għar-rigward tat-Tempji ta' Tarxien, jista' l-Ministru jikkonferma kemm-il sena ilu li l-BOV offrew €262,054 u li minnhom intnefqu biss €36,855? Possibli li ma nstabx mod kif il-kumplament tal-isponsorship jintuża', per ezempju għal proġetti ta' konservazzjoni tal-istess tempju?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninsab infurmat li l-ftehim bejn Heritage Malta u l-BOV dwar it-Tempji ta’ Hal Tarxien kien iffirmat fl-2003. Dan il-ftehim jistipula li l-fondi pprovduti ghandhom jintuzaw esklussivament ghall-bini tac-Centru ghall-Vizitaturi. Ghall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor Interpellant ghat-twegiba li jiena tajt ghal mistoqsija numru 32834.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jingħataw il-pilloli Clopidogerel b'xejn lill-pazjenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kriterji tal-protokoll tal-Gvern jintitolaw il-pazjenti biex jieħdu l-mediċina Clopidogrel sa sena f’każijiet ta’ mard iskemiku tal-qalb meta l-pazjent ikun:
· daħal l-isptar minħabba ‘
Acute Coronary Syndrome’,
jew
· għamel intervent kirurġiku perkutanju (
stent
).
Imtarfa — tindif tal-post li qabel kien l-Isptar tal-Imtarfa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi program intiż sabiex isir tindif tal-lok li qabel kien l-isptar tal-Imtarfa peress li l-istat ta' abbandun u telqa li jinsab fih il-post huwa dipressanti għall-ġenituri u uliedhom li jattendu l-iskola ta' maġenb?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-sit li qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant jagħmel parti mill-kumpless tal-iskola. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol.
Noti Oħra:
Jista' l-Ministru jagħti l-lista tal-impjegati ġodda li bdew jaħdmu fir-residenza San Vincenz de Paul matul dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid jekk ġewx trasferiti minn entitajiet oħra tal-gvern, jew inkella ġewx impjegati minn barra, skont il-każ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul dawn l-aħħar sitt xhur ġew impjegati 24 persuna u dawn fil-gradi ta’ Catering Manager, Deputy Nursing Officer, General Hand, Health Assistant, Nursing Officer, Occupational Therapist, Officer in Scale 16, Senior Occupational Therapist, Senior Tradesman, Social Assistant, Staff Nurse u Temporary Staff Nurse. Minn dawn il-persuni, tmienja kieu impjegati minn barra, ħmistax kienu trasferiti minn dipartimenti tal-Gvern u waħda reġgħet daħlet mal-Gvern permezz ta’ proċess ta’ re-employment.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nursing aide u care worker qed jagħmlu xogħol ta' ECG Technicians u għaliex dawn mhumiex taħt ir-responsabilità tal-SNO office iżda jaqgħu direttament taħt ir-responsabilità tas-Supretendent?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk l-outdoor gym f'Ta' Qali:
a) hux mgħasses minn
security guard
eċċ. biex ma jsirx vandaliżmu;
b) hemmx persuna li tista' tassigura li tfal ta' età li mhux tajjeb għalihom li jagħmlu użu mill-apparat ma jagħmlux użu minnhu; u
c) jitnaddafx regolarment minħabba l-ħmieġ li ta' spiss qed ikun hemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-
outdoor gym
f’Ta’ Qali huwa sorveljat il-ħin kollu permezz ta’ CCTV cameras. Kif inhi l-prassi fi strutturi simili, il-faċilità hi mgħammra b’tabelli li tindika l-eta’ ta’ kull persuna li tista’ tagħmel użu minn kull magna. Il-post jitnaddaf b’mod regolari mill-PARKS.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx abbandunati l-pjanijiet għal bini ta' rehabilitation hospital kif ġie imwiegħed mill-gvern xi snin ilu? X'sar minnhom il-pjanti għal dan l-isptar? Jekk il-gvern abbanduna dawn il-pjanijiet, kemm swew il-pjanti li saru għal bini ta' dan l-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.