Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28387 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — sandblasting f'żoni residenzjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sandblasting (eżempju exterior paint work eċċ.) f’żoni residenzjali li ilu banned f’għadd ta’ bliet Ewropej huwiex permess f’pajjiżna jew le? L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qatt ħarġet xi regolamenti dwar dan? Jekk iva, x’permessi għandu bżonn individwu biex jiġi konformi mal-liġi speċjalment fejn jidħol il-ħarsien tad-drittijiet tal-ġirien?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li għalkemm f’Malta ma għandniex regolamenti speċifiċi dwar xogħol ta’ sand blasting fuq bini f’żoni residenzjali, din l-attività hija soġġetta għar-regolamenti dwar l-immaniġjar ambjentali tas-siti tal-kostruzzjoni permezz tal-Avviż Legali 295 tal-2007. Inżid ukoll li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tiskoraġġixxi u tipprojbixxi f’permessi l-użu ta’ sandblasting u powerwashing fuq il-faċċati u anke ġewwa ta’ bini fiż-Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana u bini skedat għaliex jagħmel ħsara irriversibbli fuq il-ġebla Maltija u anke fuq elementi ta’ l-injam.

Fond tal-qmugħ u ċ-ċereali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari W407, jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat kif mitlub ta' fejn, kif u b'liema mod konkret intnefqu dawn il-flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nerġa’ ifakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-għan ew lieni ta’ dan il-Ministeru ma kienx biss li tittafa momentanjament il-problema tal-prezzijiet tal-qmugħ u ċereali, iżda ħarisna aktar il-quddiem b’mod strateġiku lejn soluzzjonijiet li joffru benefiċji aktar dejjiema. Għaldaqstant il-pjan addottat kien mibni fuq tlett miri: 1. li jiżdied ir-rendiment fil-piż tal-laħam prodott għal kull unità ta’ għalf għal rendiment aktar effiċjenti permezz kemm ta’ prattiċi aktar effiċjenti kif ukoll permezz ta’ titjib fil-ġenetika tal-merħla, 2. li jittejjeb il-kwalità tal-prodott, 3. li jonqsu l-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-operat isir aktar kompetitiv. Għalhekk sa’ illum ammont ta’ €320,000 ġie allokat sabiex titkompla skema li bdiet titwettaq fl-2010 mill-koperativa ta' min irabbi l-majjal (KIM) bl-iskop li s-settur ikun aktar vijabbli kif għidt aktar qabel. Sa llum ingħataw €250,000 Din l-iskema għadha għaddejja u għalhekk baqa’ €80,000 oħra minn dan il-Fond mmirat għal dan il-għan. Fuq is-settur għat-trobbija tat-tiġieġ kienu allokati €70,000. Hawnhekk ukoll l-emfażi kien fuq l-effiċjenza fl-użu tal-ġwież. Il-pjan li kien imfassla kien immirat li joffri taħriġ individwalizzat lill-produttori minn konsulenti speċjalizzati. Waqt dan l-eżerċizzju ttieħdet l-opportunità biex ġew indirizzati kwistjonijiet ta’ compliance ma’ regoli agro-ambjentali.

Riġenerazzjoni tal-Magħtab, Wied Fulija u l-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamenari W403 u cioè: jgħid kemm intnefqu flus matul l-2011 fuq ir-riġenerazzjoni tal-Magħtab? Kemm intnefqu fuq ir-riġenerazzjoni ta' Wied Fulija u fuq ir-riġenerazzjoni tal-Qortin? Jista' jagħti d-data ta' meta l-famliji se jkunu jistgħu jibdew igawdu kull wieħed minn dawn il-family parks?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-ewwel tmin xhur ta’ 2011, l-ammont li ntefqu fuq ir-riġenerazzjoni tas-siti msemmija huma kif ġej: Magħtab € 484,667.12 il-Qortin €43,521 Wied Fulija € 3,393 Filwaqt li r-riġenerazzjoni tal-Magħtab u dik tal-Qortin hija maħsuba li titlesta sa nofs is-sena 2013, ix-xoghol fuq Wied Fulija huwa wiehed ta natura rikurrenti.
Leg 11 PQ #29827 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #30519 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti fis-7, il-11 u t-12-il Distrett Elettorali, raħal b'raħal li qed iseħħu jew huma fil-proċess li jitwettqu, permezz ta' kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tal-proġetti hekk kif mitlub skont is-sitwazzjoni kif kienet fl-aħħar tal-2011.

Enemalta — kumpanija Sargas - proposta għall-bini ta' impjant li jiġġenera l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il studju sar s'issa mill-Korporazzjoni Enemalta fuq il-proposta għall-bini ta’ impjant li jiġġenera l-elettriku f’pajjiżna mill-kumpanija Sargas? Jista' jgħid x’aspetti kienu jkopru dawn l-istudji? Jista' jgħid min wettaq dawn l-istudji u x’kienet l-ispiża marbuta ma’ kull studju?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi wara l-verifiki interni li saru mill-Korporazzjoni Enemalta dwar il-pre-feasibility study ta’ Sargas, fejn kienu identifikati numru ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib, ġie deċiż li dan it-tħassib kif ukoll l-assunzjonijiet li saru mill-iżviluppatur tal-proġett jiġu evalwati permezz ta’ eżerċizzju analatiku. L-Enemalta qed twettaq b’mod serju l-evalwazzjoni teknika ta’ din il-proposta, u dan kien ikkonfermat fil-mezzi tax-xandir lokali mill-Kap Eżekuttiv ta’ din il-kumpanija Henrik Fleisher f'intervista li ta f'ġurnal lokali fejn qal li “Enemalta has shown great interest in the project and we have also presented the proposal to the Government.” Jgħid ukoll, “They asked us several questions and we are delighted with their feedback, the questions and the seminars. They really looked at it from all angles”. Minn dak li diġà ntqal, l-impjant mhuwiex renewable energy iżda impjant ta' enerġija konvenzjonali li juża biopaste (taħlita ta’ żejt, faħam u biomass), b’sistema elaborata jiġbor l-emissjonijiet, u jiddisponi minnhom. Bħalissa għaddej studju wkoll minn KPMG dwar din il-proposta.
Leg 11 PQ #30768 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti taħt il-Programm Baġitarju 2007 — 2013

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti, l-iskemi, eċċ. għal Għawdex li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Baġitarju għas-snin 2007-2013 li diġà qed jitwettqu u li se jitkomplew matul l-2012 u 2013? Meta mistenni li jitlesta kull proġett, skema, eċċ.? Kemm hija stmata li se tkun in-nefqa fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-lista tal-proġetti hekk kif mitlub.
Leg 11 PQ #30769 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġetti taħt il-Programm Baġitarju 2007 — 2013 li se jibdew jitwettqu

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti, l-iskemi, eċċ. għal Għawdex li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Programm Baġitarju għas-snin 2007-2013 li se jibdew jitwettqu matul is-sentejn 2012-2013? Meta mistenni li jibdew jitwettqu? Meta mistenni li jitlesta kull proġett, eċċ.? Kemm hija stmata li se tkun in-nefqa fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-lista tal-proġetti kollha approvati sal-lum ġiet provduta fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 30768. Biex il-proġetti jkunu jistgħu jibdew, iridu jkunu approvati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni.
Leg 11 PQ #30806 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — materjal fil-barrieri

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkunx f'qagħda li tikkontrolla l-materjal li jidħol fil-barrieri li hemm msemmija fil-mistoqsija parlamentari 30576?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-faċilitajiet awtorizzati li jieħdu skart mill-Industrija tal-Kostruzzjoni jew blat li jkun inqata' minn siti oħra huma suġġetti għall-Permess Ambjentali mill-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Għaldaqstant l-Awtorita' hija f'pożizzjoni li tagħmel kundizzjonijiet fil-permessi ambjentali rigward il-materjal li jista’ jidħol fil-barrieri, pero` ma tistax tikkontrolla fiżikament id-dħul ta' materjal ħlief għal spezzjonijiet spontanji fl-imsemmija barrieri.
Leg 11 PQ #30808 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Materjal ta' kostruzzjoni

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 30580, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm talbiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex issir esportazzjoni ta' materjal ta' kostruzzjoni kif indikat fir-risposta? Jekk iva, kemm kien hemm talbiet u kemm minnhom ġew aċċettati/approvati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li matul is-sena 2011 sal-llum, kien hemm numru ta' talbiet għal esportazzjoni ta' skart li minnhom ġew aċċettati 310 'l vjaġġ ta' materjal ta' kostruzzjoni li ġew esportati (dawn kienu jikkonsistu f'ħadid, aluminium, u materjal ta’ kostruzzjoni ieħor minbarra ġebel). Ta' min jgħid ukoll li ma kienx hemm l-ebda talba għall-esportazzjoni ta' materjal ta’ ġebel.
Leg 11 PQ #30818 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — multa lill-Green MT

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar imponitx xi multa ta' madwar €5000 lill-GreenMT Ltd talli ħadmet f’mod illegali fir-rigward tal-Waste Compliance Scheme għal sitt xhur bejn Jannar u Ġunju 2010 fejn ġie allegatament determinat li kienet qed tikser Avviż Legali 337 tas-sena 2001 billi kienet qed topera waste management scheme mingħajr il-permess meħtieġ? Bħala regolatur tal-qasam tal-iskart, jista' jivverifika jekk l-operatur tal-gvern WasteServ meta kkalkulaw ir-refund mogħti lill-GreenMT, naqsux madwar 6,000 tunnellata mibugħta minn GreenMT lill-faċilitajiet tagħhom fl-istess perijodu propriju fiż-żmien li fih GreenMT kienet allegatament qed topera illegalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 31016 li ngħatat mill-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fis-seduta 436 nhar it-18 ta’ Jannar, 2012.
Leg 11 PQ #30922 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — twaqqif tal-operat tal-Falzon Waste Oils

Question

Bili ftit jiem ilu, nhar l-1 ta' Diċembru 2011, l-gvern ħabbar permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar talbet lill-Falzon Waste Oils biex twaqqaf temporanjament l-operat tagħha sakemm l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar nnfisha tkun tista' tagħmel il-verifiki meħtieġa, jista' l-Prim Ministru jgħid ladarba saret it-talba mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, meta effettivament twaqqaf l-operat ta' Falzon Waste Oils, kemm dam wieqaf u jew għadux wieqaf u jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar eventwalment rtirat din l-ordni ta' waqfien, meta fil-fatt Falzon Waste Oils reġgħu bdew joperaw mill-ġdid għan-normal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 31175 li ngħatat mill-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fis-seduta 436 nhar it-18 ta’ Jannar 2012.
Leg 11 PQ #30982 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — nefqa globali fuq mobile phones

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30635 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-mobile phones (kemm xiri kif ukoll it-telefonati) għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Aġġustament tal-Isforz tas-Sajd — budget allokat

Question

B'referena għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29836 fejn il-Ministru qal li ma setax isir iċ-ċertifikar permezz tal-VMS fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-Aġġustament tal-Isforz tas-Sajd taħt l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (2004 - 2006), jista' l-Ministru jgħid kif saret il-klassifikazzjoni jekk mhux minn fuq il-VMS?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sabiex ikun eliġibbli bastiment rid ikollu tal-anqas ħamsa u sebgħin (75) ġurnata f’kull perjodu ta’ tnax-il xahar ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni. Peress li t-tul tan-numru ta’ ġranet fuq sajda huwa relatat mad-daqs tal-bastiment għall, fl-assenza tas-sistema tal-VMS, in-numru ta’ ġranet fuq il-baħar ġew maħduma skont il-qbid ta’ ħut li kienet mdaħħla il-pixkerija u minn bejgħ dirett kif sossnut b’irċevuti fiskali. Għal dan il-għan, bħala parti mid-dokumenti mitluba kif speċifikat f’paġna 4 paragrafu 6 (it-tmin dokument), l-applikanti kienu mitluba jissotomettu dokument li juri d-dati tal-bejgħ tagħhom tul is-sentejn ta’ qabel. Għalhekk kull bastiment taħt l-għaxar (10) metri ingħata ġurnata ta’ xogħol fuq il-baħar għal kull qabda mdaħħla l-pixkerija jew riċevuti fiskali, filwaqt li bastiment akbar minn għaxar (10) metri ingħata medja ta’ tlett (3) ġranet ta’ xogħol fuq il-baħar għal kull qabda mdaħħla l-pixkerija jew irċevuti fiskali.

WSC — applikanti għall-post ta' Multi skilled fitters

Question

Jista l-Ministru jgħid x'inhu l-breakdown tal-marki tar-riżultat ta' kull applikant għall-post ta' multiskilled fitters 4 fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, liema riżultat ġie ppubblikat madwar xahar ilu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba ġiet pubblikata fuq in-noticeboard tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Qed ngħaddi separatament il-lista għall-attenzjoni tal-Onor. Interpellant.

kwestjoni dwar kuntratt tal-community care workers

Question

Peress li ġew iffirmati l-kuntratti tal-community care workers iżda minkejja dan dawn il-care workers għadhom ma bdewx jaħdmu u peress li jidher li l-proċess waqaf għaliex hemm xi kumplikazzjonijiet konnessi ma' finanzi u allura huwa repsonsabbli l-Ministeru tal-Finanzi, jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan kollu u jgħid meta din il-problema se tiġi riżolta biex appuntu dawn il-care workers jibdew jaħdmu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant tindika għal-liema community care workers qed tirreferi.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31160, 30944 u 30624 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32168.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31505, 31160, 30944 u 30624 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32168.
Leg 11 PQ #32349 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

pulizija involuti fit-tqassim tal-voti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm pulizija li kienu involouti fit-tqassim tal-voti madwar Malta u Għawdex għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-10 ta' Marzu? Kemm kien hemm pulizija f'kull lokalità u kemm kien in-numru li tqassam, ras għal ras, f'kull lokalità, minn kull pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kummissjoni Elettorali li materji, inkluż tagħrif dwarhom, konnessi ma' proċessi elettorali mmexxija mill istess Kummissjoni skont kif jipprovdu l-Kostituzzjoni u l-liġijiet elettorali, jiġu ttrattati skont l-istess liġijiet.
Leg 11 PQ #32350 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

voti li ma tqassmux

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien f'kull lokalità n-numru ta' voti li ma tqassmux? X'wassal biex f'ċerti lokalitajiet in-numru ta' voti mhux imqassma kien wieħed kbir ħafna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni ġiet ippublikata skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (5) tar-regolament 17 tat-Tielet Skeda tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap. 363), fil-Gazetta tal-Gvern tal-21 ta' Frar 2012, għal 34 Kunsill Lokali, u fil-Gażżetta tal-Gvern tat-28 ta' Frar 2012, għall-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema. Skont l-istess provvedimenti tal-liġi, r-raġunijiet ‘il għala d-dokumenti tal-votazzjoni ma tqassmux jinsabu elenkati f’paġna 2061 tal-Gażżetta tal-Gvern tal-21 ta’ Frar, 2012, għal 34 lokalità, u f’paġna 3481 tal-Gażżetta tal-Gvern tat-28 ta’ Frar 2012, għall-lokalità ta’ Tas-Sliema, permezz tal-ittri ‘A’ sa ‘F’ fiż-żewġ każijiet. Imbagħad fil-paġni sussegwenti, ħdejn kull isem u kunjom tal-votanti li d-dokumenti tagħhom ma tqassmux, tinsab ittra waħda li tispjega r-raġuni għala d-dokument ma tqassamx.