Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ta' Xbiex — servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta tistax tinvestiga l-possibilità li l-kumpanija Arriva li toffri servizz mill-Isptar Mater Dei għall-Housing Estate ta' Ta’ Xbiex tagħmel arranġament simili għaliex residenti tal-estate u tal-inħawi tal-madwar biex imorru l-isptar ikollhom jimxu mixja twila sa fejn id-dar tal anzjani privata li hemm fix-Xatt tal-Imsida qabel wieħed jaqbad it-triq għal Gwardamanga?

Response (GATT, AUSTIN)

Nistqarr li m'hinix ċert x'ihnu jsaqsi preċiż l-Onor. Interpellant. Inżid iżda li ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b 'żieda mas-servizzi eżistenti, se jibda jingħata għall-ewwel darba servizz max-Xatt Ta' Xbiex li jmur kemm tas-Sliema, kif ukoll il-Belt Valletta wara li jgħaddi mill-Imsida.

każ fejn persuna nqatgħalha r-relief

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilha madwar ħames ġimgħat ma tieħu r-relief u issa dieħla tagħmel operazzjoni l-isptar mingħajr m'għandha l-ebda dħul finanzjarju?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ġiet infurmata dwar ħlasijiet ta’ għajnuna soċjali (SAB) dovuti permezz ta’ ittra.

Żejtun — rotta tal-linja li twassal sa ħdejn l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jara jekk li l-karozza tal-linja li titlaq miż-Żejtun għall-isptar (il-210) twassal - bħalma jagħmlu karozzi oħrajn - lill-passiġġiera (li wħud minnhom ikunu morda u anzjani) sal-bieb tal-isptar u mhux ħdejn l-entratura tal-Università?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bit-tibdiliet li se jidħlu fis-seħħ fis-27 ta’ Mejju li ġej r-rotta 210 se tibda tieqaf kemm quddiem il-bieb tal-isptar kif ukoll ħdejn l-entratura tal-Università.

Rivista Biedja u Sajd

Question

Peress li l-Ministru kien qal li r-rivista Biedja u Sajd "kienet għodda siewja ta' aġġornament dwar l-iżviluppi u opportunitajiet għall-bdiewa u s-sajjieda", jista' l-Ministru jgħid għalfejn tħallew madwar tliet snin u tliet xhur mċaħda minn din l-informazzjoni importanti u dan peress skont il-ministru qal "ikun aġġornat...ħalli ikun aktar relevanti"?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Inserraħ moħħ l-Onor Interpellant li tul il-perjodu li twaqqfet il-pubblikazzjoni kien għaddej xogħol siewi biex il-livell ta’ din il-pubblikazzjoni tjieb u dan kif jixraq lill-udjenza li taqra din il-pubblikazzjoni. Il-format il-ġdid tal-pubblikazzjoni jikkonferma x-xogħol siewi li sar. Ovvjament din ir-rivista mhux l-unika għodda ta’ komunikazzjoni u informazzjoni lill-bdiewa u raħħala.

Sptar Mater Dei — manutenzjoni tal-bibien

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hi l-kumpanija jew kumpaniji li jieħdu ħsieb il-manutenzjoni tal-bibien kollha li jinsabu fl-Isptar Mater Dei? Kemm kienet in-nefqa totali għall-manutenzzjoni tal-bibien minn meta infetaħ l-isptar sal-aħħar tas-sena 2011? Kemm hija l-ispiża kull xahar għal dan il-kuntratt? Jista' jqiegħed il-kuntratt għal dan is-servizz fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Deu — kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratturi preżentement fl-Isptar Mater Dei li qed jipprovdu servizzi konnessi ma' manutenzzjoni? Min huma? X'servizzi qed joffru? Liema huma minn dawn il-kuntratturi msemmija li ilhom għal aktar minn sena jipprovdu s-servizzi imsemmija fl-Isptar Mater Dei? Kemm ilhom u kemm hu twil il-perjodu taż-żmien li jkopri l-kuntratt ta' kull kuntrattur? Kemm qed jiswa fi flus kull xahar lill-isptar kull kuntrattur imsemmi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti li ngħataw lil dawn il-kuntratturi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjonijiet fid-djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fid-djar tal-anzjani fil-komunità, kemm dawk li huma mmexxija direttament mill-gvern, kif ukoll dawk li huma mmexxija mal-privat u dawk li mmexxija mill-privat waħdu, sena b'sena mis-sena, dar, dar, mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fid-Djar tal-Anzjani fil-Kommunità? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjonijeit fil-health centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fil-health centres, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fil-health centres? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Sptar Craig - spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Isptar Craig f'Għawdex, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Craig f'Għawdex? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà — spezzjoni fl-Isptar Karen Grech

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fl-Isptar Karen Grech, sena b'sena mis-sena 2008 'l hawn? L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà ħarġet ittri ta' rakkmandazzjonijiet jew ordnijiet biex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-Isptar Karen Grech? Jekk iva, jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dawn fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, jista' jgħid allura jekk l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà jekk għamlet spezzjonijiet sabitx kollox preċiż f'dan ir-rigward?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kunsilli lokali li bidlu s-segretarju eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li minn Jannar tal-2011 sal-lum biddlu s-segretarju eżekuttiv? Jista' jingħad liema kunsilli ġew mitluba jagħmlu mid-term audit u liema le?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li kien hemm disgħa u għoxrin (29) kunsill lokali li minn Jannar 2011 sat-12 ta’ April 2012 bidlu s-Segretarju Eżekuttiv tagħhom. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-kunsilli lokali. Intant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hija fir-responsabbiltà ta’ kull kunsill lokali li jagħmel mid- term audit meta jgħaddi minn bdil tas-Segretarju Eżekuttiv. Għalhekk ma jkunx mitlub mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jagħmel dan. Id-Dipartiment fakkar f’dan permezz tal-linji gwida li bagħat lill-kunsilli lokali li kienu annessi ma' memo 4/2012, liema kopja qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien ma’ estratt tal-linji gwida msemmija.

Impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar — roster

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li żewġt impjegati mid-Direttorat tal-Infurzar dejjem toħroġilhom roster sabiex jesegwixxu xogħol fil-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi peress li s-sistema tal-bollard fil-Belt Valletta tirrikjedi li jkun hemm dejjem u f’kull ħin, jiġifieri 24 siegħa kuljum, il-ġimgħa kollha, uffiċċjali ta’ Transport Malta disponibbli, għalhekk huwa prattikabbli li dawn l-uffiċċjali jagħmlu dan ix-xogħol.

Dipartiment tal-Infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex iċ-Chief Officer, Senior Manager jew il-Manager tad-Dipartiment tal-Infurzar qatt ma ħadu azzjoni fil-konfront tal-impjegat mill-istess direttorat meta dan ma jilbisx l-uniformi bħal sħabu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm każijiet fejn impjegati ta' dan id-direttorat li ma jilbsux l-uniformi bħal sħabhom u ma jittieħdux passi dixxiplinarji, iżda jekk l-Onor. Interpellant jaf b'xi każ allura nitolbu jindikahuli.

Belt Valletta — crash barrer f'Xatt il-Barriera

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil min Transport Malta għaddiet ix-xogħol sabiex tiġi rranġata crash barrier f'Xatt il-Barriera l-Belt Valletta? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa għal din il-biċċa tax-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-crash barrier in kwistjoni ma ssewwiex minn Transport Malta.

Żurrieq — kampijiet fin-naħa tal-Baqqri - Refuġjati llegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ refuġjati llegali li qed jagħmlu użu mill-kampijiet fin-naħa tal-Baqqari limiti taż-Żurrieq? Jista’ jgħid jekk dawn jistgħux jiġu spostati għal aħjar u dan billi jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni għal dan l-għan permezz ta’ estensjoni tal-binjiet diġà esistenti fl-istess lokalità? Jista’ jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir upgrade tal-area in ġenerali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 220 persuna fil-Ħal Far Tent Village. Fis-16 ta’ April, 2012, inbeda xogħol biex minflok it-tined jitqegħdu prefabricated accommodation units li nxtraw b’fondi lokali u tal-European Refugee Fund, Emergency Measures. It-transizzjoni mistennija tieħu ftit ġimgħat, u għalhekk ix-xogħol ta’ upgrading qed isir propju bħalissa. Barra minn hekk, hemm il-ħsieb li jsir ukoll xogħol ta’ landscaping ġewwa ċ-ċentru.

Persuna li mhijiex intitolata għal pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qegħda tiġi informata li mhijiex intitolata għal ebda forma ta' pensjoni għad li kien hemm diversi snin li ħadmet fihom?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — rapport fuq investigazzjoni ta' post

Question

Jista' l-Ministru jara għalfejn ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed jiddeżistu milli jaċċedu fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għad li saru diversi rapporti sabiex jiġu investigati kanen maqsuma li l-ilma tagħhom qed jispiċċa fi Flat 1 tal-istess blokka?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma daħlilha ebda rapport. Nitolbu lill-Onor. Interpellant biex jekk jista’, jgħaddi aktar dettalji.

Univeristà ta' Malta — proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti li l-Università ta' Malta għandha mal-kumpanija SIB Ltd u SIB Laboratories Ltd? Tista' tgħid ma liema entitajiet oħra f'pajjiżi oħra qed jinħadmu dawn il-proġetti u kemm jiswew flus? Mnejn ġejjin il-flus biex isiru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita ta’ Malta m’għandha l-ebda proġett mas-Sib Ltd. L-Università ta’ Malta qed taħdem fuq dawn il-proġetti li huma sponsorjati mill-kumpanija Sib Laboratories Limited. Dawn il-proġetti m’huma qed jinħadmu ma’ ebda entita oħra f’pajjizi oħra. Isem tal-Proġett Ammont tal-i sponsorship Gait Analysis for patients suffering from Scoliosis €750 Penetration of Clindamycin in the Peripherie €1760 Real-time implementation of a motor imagery EEG based BCI €4971 Multifunctional Aid for Patients with Neuro-Muscular Deficiency €1000 Muscular Activity During Walk €2790

Università ta' Malta — laqgħat mal-persuni tal-Fondazzjoni Salvatori Maugeri, SIB ltd u SIB Laboratories Ltd

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri, SIB Ltd u SIB Laboratories Ltd li xi darba jew oħra ħadu sehem f'xi laqgħa li saret mal-Università ta' Malta u tagħti d-dati ta' dawn il-laqgħat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Investigazzjoni fuq kumpaniji

Question

Fid-dawl tal-investigazzjonijiet li għaddejjin fl-Italja dwar il-Fondazzjoni Salvatore Maugeri, s-SIB Ltd, SIB Laboratories Ltd u Periplo SA, tista' l-Ministru tgħid s'issa x'passi ħadet, jekk ħadet, biex tara x'kien u x'inhu s-sehem tal-Università ta' Malta f'ħidma ma dawn l-entitajiet u kumpaniji fid-dawl tal-allegazzjonijiet serji li qed isiru dwarhom ta' money laundering, tax evasion u misappropriation of public funds?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol talab lill-Università ta’ Malta sabiex tistħarreġ u tieħu l-azzjoni kollha meħtieġa dwar l-allegazzjonijiet li dehru fil-media fuq il-Fondazzjoni Salvatore Maugeri, s-SIB Ltd, u l-SIB Laboratories Ltd u Periplo SA.