Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti l-Università li qed jitgħallmu akkademikament u prattikament iż-żfin fil-qasam edukativ, kemm dak sekondarju kif ukoll dak terzjarju? Kemm ilu miftuħ dan il-kors u kemm ipparteċipaw studenti minn meta fetaħ dan il-kors sal-lum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema nisa li jaħdmu mal-gvern jew entitajiet fejn il-gvern għandu shareholding fihom matul il-perjodu ta' bejn Jannar u Marzu 2012 li qed jaħdmu bit-teleworking?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, kien hemm 690 impjegati nisa fl-Amministrazzjoni Pubblika li jaħdmu b’arranġamenti ta’ teleworking.
ħaddiema nisa li jixtiequ jaħdmu bit-teleworking jew flexihours
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħaddiema nisa li jixtiequ jaħdmu bit-teleworking jew flexihours imma ma jistgħux jingħataw dawn il-kundizzjonijiet minħabba xi raġuni jew oħra? Jista' jgħid x'inhuma dawn ir-raġunijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minn kemm ilhom li ddaħlu dawn il-miżuri, kien hemm 25 talba għal teleworking u 4 talbiet għal flexihours minn impjegati nisa li ma ntlaqgħux minħabba li n-natura tad-dmirijiet tal-impjegati kkonċernati u l-esiġenzi tas-servizz ma kienux jippermettu.
Hekk kif stipulat f’ċirkulari numru 36/2010 tal-Management and Personnel Office, persuna li lilha tkun ġiet miċħuda talba mill-kap rispettiv tagħha, xorta waħda tgawdi mid-dritt li tappella mid-deċiżjoni mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru rispettiv, liema deċiżjoni hija mbagħad finali. Ninsab infurmat li mill-25 talba għat-teleworking mhux milqugħa kien hemm każ wieħed li kien appellat. F’dan il-każ id-deċiżjoni meħuda mill-kap rispettiv kienet ikkonfermata. Ma kien hemm l-ebda appell fir-rigward tal-4 talbiet mhux milqugħa għal flexihours.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed jaħdmu bil-flexihours? Hemm oħrajn li jridu jaħdmu b'dan il-mod imma ma ngħatawx din l-opportunità?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-Amministrazzjoni Pubblika hemm 3808 impjegati li jaħdmu bil-flexihours. Dan jinkludi impjegati li jaħdmu sigħat differenti mill-iskeda normali u oħrajn li jaħdmu sigħat imnaqqsa.
Fir-rigward tal-mistoqsija jekk hemmx impjegati li jridu jaħdmu b’dan il-mod imma ma ngħatawx din l-opportunità, ninforma lill-Onorevoli interpellant li kien hemm 9 talbiet għal flexihours li ma ġewx milqugħa minħabba li l-esiġenzi tas-servizz ma kienux jippermettu. Hekk kif stipulat f’ċirkulari numru 36/2010 tal-Management and Personnel Office, persuna li lilha tkun ġiet miċħuda talba mill-kap rispettiv tagħha, xorta waħda tgawdi d-dritt li tappella mid-deċiżjoni mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru rispettiv, liema deċiżjoni hija mbagħad finali. Fir rigward tad-disa’ talbiet li ma ġewx milqugħa, ma kienx hemm appelli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jeżistux charters ta' drittijiet tal-ħaddiema li jaħdmu kemm maċ-ċivil kif ukoll mal-privat? Jekk jeżistu kif jista' ħaddiem jaċċessa għal dawn id-drittijiet u jara xi drittijiet għandu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li d-drittijiet tal-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku jinsabu fil-Public Service Management Code (PSMC) u fil-Kodiċi ta’ Etika.
Dawn id-dokumenti huma aċċessibbli mill-
links
http://www.justiceservices.gov.mt
u
http://www.mpo.gov.mt
rispettivament u li kopja tagħhom qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Rigward l-impjegati fis-settur privat, nitlob lil Onorevoli Interpellant ikun iżjed speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-estratt mill-kuntratt bejn il-konsorzju MIDI u l-gvern fejn jirrigwardja l-parti li l-konsorzju
MIDI jobbliga ruħu li jibni l-faċilità sportiva tal-grawnd tal-futbol u l-pitch tal-Boċċi u li dawn jgħaddu għand il-Gżira United FC u Gżira Boċċi Club rispettivament?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ Schedule 20 annessa mal-kuntratt bejn il-Consortium MIDI u l-gvern li bih ingħatat il-konċessjoni emfitewtika. Din is-schedule titratta l-obligazzjonijiet tal-MIDI plc fejn jirrigwardja reallokazzjonijiet ta’ proprjetà. L-attachment 20C jagħti d-dettalji ta’ football pitch u boċċi pitch u clubhouse li riedu jinbnew f’Manoel Island. Għal kemm mhux speċifikat li dawn se jiġu trasferiti lill-Gżira United FC u lill-Gżira Boċċi Club rispettivament, hija l-intenzjoni tal-gvern li dawn jiġu trasferiti liż-żewġ clubs imsemmija.
San Ġwann — Triq San Ġiljan - stallazzjoni ta' zebra cross
Question
Billi residenti ta’ Triq it-Trunċiera t-Twila Kappara San Ġwann qegħdin isibuha diffiċli ħafna biex jaqsmu t-Triq San Ġiljan ġewwa San Ġwann – aktar u aktar minħabba t-traffiku li żdid sostanzjalment minħabba li din qiegħda qrib l-Isptar Mater Dei, jista' l-Ministru jara jekk tistax issir zebra crossing biex jiffaċilita dan, speċjalment billi l-Kunsill Lokali San Ġwann kien qallhom li la din hija main road taqa' taħt il-Gvern Ċentrali u fuq hekk anke kienet saret petizzjoni minn għadd ta' residenti wkoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba biex issir din iż-zebra crossing madankollu, ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’ seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x’għamel jew x’qed jagħmel il-gvern biex ineħħi u jiddisponi t-tunellati kbar ta' fuel ash, iġġenerat mill-Korporazzjoni Enemalta u mormi Bengħajsa li jingħad li huwa tossiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill-Korporazzjoni Enemalta
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport dwar l-Azure Window fid-Dwejra mħejji mill-Bureau Veritas? Tista' tagħti d-data meta ġie kkummissjonat l-istudju? Kemm ġie jiswa l-istudju kollu? Ir-rapport meta ġie ppreżentat lill-Ministeru? X’follow up action ittieħdet dwaru? Billi ntqal li dan l-aħħar il-Ministeru tiegħek irrikorra għas-servizzi ta’ ġeoloġista Għawdxija, tista' tgħid min hi l-persuna? Kif intgħażlet? Tista' tqiegħed kopja tas-CV tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra? Fuq liema terms of reference ġiet ingaġġata u kemm se titħallas għas-servizzi tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mitlub. Ninsab infurmata li r-rapport ġie kummissjonat fl-2005, ġie jiswa Lm1,443.44c u ġie ppreżentat lill-Ministeru għal Għawdex f'Lulju tal-2006. Jiena nfurmata wkoll li peress li r-rapport ikkonkluda li l-kollass tat-tieqa huwa inevitabbli u li xogħlijiet li setgħu jsiru biex forsi jittardja l-kollass tagħha kienu perikolużi ma ttieħditx azzjoni u saru tabelli li jinfurmaw lill-pubbliku bil-periklu li kien hemm fuq dan is-sit. Il-Ministeru qed jitlob il-parir tal-ġeoloġista Dr Salvu Xerri li għandu esperjenza twila f'dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il upgrade ngħatat fil-qasam maniġerjali mis-sena 2010 sal-lum fi Transport Malta u x'wassal sabiex jingħataw dawn l-upgrades? Jista' jipprovdi l-lista ta' dawn il-persuni flimkien mad-dipartiment u żieda li ġew mogħtija fis-salarji tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ngħataw 20 upgrades fi Transport Malta mis-sena 2010 sal-lum. Dawn l-upgrades saru minħabba li r-responsabbilta`, l-akkontabbilta` u l-impatt tax-xogħol rispettiv tal-uffiċċjali konċernati kienu kkunsidrati f’livell għola minn dak li fil-fatt kienu jokkupaw.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-
upgrades.
Politika Reġjonali għall-iżvilupp tas-settur tal-manifattura t'Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32667 fejn l-Prim Ministru rreferieni għat-tweġiba li kienet tat il-Ministru għal Għawdex fil-mistoqsija parlamentari 32656 li permezz tagħha l-istess Ministru kienet informatni li fl-oqsma ekonomiċi u soċjali tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-gvern li tiġi aġġornata b'mod kontinwu permezz ukoll ta' konsultazzjoni wiesgħa mal-entitajiet kollha involuti u li dak l-eżerċizzju jseħħ kull sena bil-pre-budget documentu fid-dawl ta’ dik it-tweġiba, jista' l-Prim Ministru jgħid liema awtorità reġjonali statutorja għal Għawdex tieħu ħsieb it-tfassil u t-twettiq tal-politika għall-iżvilupp tal-oqsma soċjali u ekonomiċi f’Għawdex? Jista’ jgħid kemm hemm flus ivvotati għat-twettiq ta’ din il-politika f'Għawdex għal din is-sena? Taħt liema vot/i ta’ nefqa ġew allokati? Liema awtorità reġjonali statutorja tamministra dawn il-fondi? Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-proposti li jkun hemm fil-pre-budget document humiex il-programm li l-gvern ikun se jwettaq matul is-sena li l-pre-budget document jirreferi għaliha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari 32656 u nafferma li t-tfassil u t-twettiq relatat mal-oqsma ekonomiċi u soċjali in konnessjoni mas-settur tal-manifattura f’Għawdex jifforma parti mill-politika nazzjonali li hija r-responsabbiltà tal-Malta Enterprise fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment. Madanakollu l-Ministeru għal Għawdex jaħdem mill-qrib mal-entitajiet konċernati fosthom l-Malta Enterprise u l-Employment and Training Corporation fit-tfassil u t-twettiq ta’ din l-politika.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema awtorità reġjonali statutorja hija responsabbli għat-twettiq tal-proposti inklużi fil-Pjan t'Azzjoni Eko-Għawdex 2010-2012? Jista’ jgħid liema proposti huma responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex għall-implimentazzjoni tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Pjan t’Azzjoni ta’ Eko-Għawdex 2010-2012 ġie adottat mill-Gvern u ppreżentat lill-Parlament mill-Ministru tal-Finanzi għan-nom tal-Gvern fil-proċess tad-diskussjoni dwar il-Budget għas-sena 2010. Dan il-Pjan qed jiġi mplimentat mill-Ministeru għal Għawdex kif ukoll minn Ministeri u Entitajiet oħra skont ir-responsabbiltajiet rispettivi.
Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32660 fejn ġiet mitluba tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ Għawdex u peress li l-Ministru informatni li f'dan is-settur tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern u rreferietni għall-politika nazzjonali tat-Turiżmu li nħarġet għall-konsultazzjoni fil-ġimgħat li għaddew u li fiha sezzjoni dwar Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid liema awtorità reġjonali statutorja hija responsabbli għat-tfassil u t-twettiq ta’ sezzjoni dwar Għawdex? Tista’ tgħid jekk hemmx u hux se jkun hemm fondi vvotati apposta għat-twettiq tal-sezzjoni dwar Għawdex? Jekk fl-affermattiv taħt liema vot/i tal-Estimi Finanzjarji huma inkluzi dawn il-fondi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tfassil tal-politika nazzjonali tat-Turiżmu inkluż is-sezzjoni dwar Għawdex qed titħejja mill-Ministeru għat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Il-Ministeru għal Għawdex ġie kkonsultat fuq din il-politika u b'mod speċifiku dwar din is-sezzjoni. Ir-responsabilità għat-twettiq tas-sezzjoni dwar Għawdex taqa' taħt diversi entitajiet fosthom l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, il-Ministeru għal Għawdex kif ukoll Ministeri oħrajn. Dan id-dokument għadda minn fażi ta' konsultazzjoni pubblika li preżentament qiegħda tiġi evalwata qabel id-dokument jiġi ffinalizzat.
Politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku
Question
B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 32661 u 32660 magħmula lill-Ministru għal Għawdex fejn ġiet mitluba tgħid jekk hemmx politika reġjonali għall-iżvilupp tas-settur turistiku ta’ Għawdex u peress li l-Ministru informatni li f'dan is-settur tiġi segwita l-politika nazzjonali tal-Gvern u rreferietni għall-politika nazzjonali tat-Turiżmu li nħarġet għall-konsultazzjoni fil-ġimgħat li għaddew u li fiha sezzjoni dwar Għawdex, jista’ l-Prim Ministru jgħid liema awtorità reġjonali statutorja hija responsabbli għat-tfassil u t-twettiq ta’ sezzjoni dwar Għawdex? Jista’ jgħid jekk hemmx u hux se jkun hemm fondi ivvotati apposta għat-twettiq tal-sezzjoni dwar Għawdex? Jekk fl-affermattiv taħt liema Vot/i tal-Estimi Finanzjarji huma inkluzi dawn il-fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tat il-Ministru għal Għawdex f’mistoqsija parlamentari numru 34155.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari W287 u 30210 dwar passi meħuda biex jinħoloq kumpless f'Għawdex biex jintuża bħala eco-friendly business park bl-infrastruttura neċessarja biex tiġbed lejn Għawdex kumpaniji fis-servizz finanzjarji fl-ICT u teknoloġija oħra relatata, tista’ l-Ministru tgħid fejn waslu d-diskussjonijiet ma’ awtoritajiet kompetenti biex jitwettaq dan il-proġett? Tista’ tgħid ma’ liema awtoritajiet saru/qed isiru dawn id-diskussjonijiet? Xi żviluppi kien hemm s’issa fid-diskussjonijiet ma’ kull waħda minn dawn l-awtoritajiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dan l-istadju m'għandi xejn xi nżid mat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari W287 u 30210.
B’referenza mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 30208, peress li l-Ministru ta biss l-informazzjoni mitluba dwar Għawdex u naqas li jagħti l-informazzjoni dwar Malta, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub dwar Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk il-Pulizija flimkien mal-entitajiet governattivi kkonċernati jistgħux jieħdu passi immedjati biex siġra li telgħet bla permess ġo għalqa privata bejn Triq Fuxa u Triq l-Annunzjata San Ġwann titneħħa jew titqaċċat billi qed tmiss mal-cables tad-dawl u hemm il-biżgħa li l-għeruq tagħha jistgħu jkollhom impatt fuq residenzi fil-qrib u dan apparti li l-għalqa mhix magħluqa b'għadd ta’ filati li titlob il-ligi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sid l-art imsemmija mill-Onorevoli Interpellant għadu ma ġiex rintraċċat mill-Pulizija. Però minn naħa tagħha l-Pulizija, minbarra li nfurmat kemm lill-Enemalta, kif ukoll lid-Dipartiment tal-Agrikoltura dwar dan l-ilment, talbet l-assistenza tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li minn naħa tagħhom aċċedew fuq il-post u qatgħu l-friegħi li setgħu kienu jmissu mal-cables tad-dawl u b’hekk tneħħa kull riskju ta’ periklu. Dwar l-impatt li jista’ jkollhom l-għeruq ta’ din is-siġra fuq residenzi fil-qrib, din hija kwistjoni purament ċivili.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux possibli li l-anzjani Għawdxin jiġu trattati bħal ħuthom Maltin fis-sens li l-gvern f'Għawdex għar-rigward l-anzjani jixtri numru ta' sodod mill-privat bħalma jsir f'Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li r-Residenzi tal-Anzjani tal-Gvern f'Għawdex qegħdin ġeneralment jissodisfaw id-domanda preżenti.
Tista' l-Ministru tispjega x'inhi r-raġuni li studenti universitarji Għawdxin qegħdin jiġu mġiegħla jiffirmaw dikjarazzjoni li huma kuljum jmorru u jiġu minn Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li sal-aħħar tas-sena 2011, l-istudenti Universitarji residenti f'Għawdex kienu rikjesti jiffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha kienu jikkonfermaw in-numru ta' ġranet li fihom vjaġġaw bejn il-gżejjer.
Din l-iskema ġiet riveduta u mill-1 ta' Jannar 2012 kull student li jattendi l-UOM, MCAST u l-ITS ser jingħata ammont fiss kull tliet xhur matul is-sena akkademika. B'hekk tneħħa l-obbligu fuq l-istudent li jissottometti din id-dikjarazzjoni.