Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa numru ta' skejjel li għandhom bjar jew xi forma ta' ħażna għall-ilma tax-xita? Billi kull ma jmur, qed ikun dejjem magħruf fid-dinja li l-green walls u l-green roofs huma strumentali biex inaqqsu l-pollution, noise levels u l-energy costs kif ukoll joħolqu ambjent aktar san fl-iskejjel għall-istudenti u l-għalliema, tista' tinforma jekk il-Ministeru għandux pjanijiet li jintroduċi dawn is-sistemi fl-iskejjel? Jekk fl-affermattiv, f'liema skejjel se jsiru dawn il-green walls u green roofs u kemm se jiswa dan il-pjan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Hemm 40 (erbgħin) skola li għandhom bjar jew xi forma ta’ ħażna għall-ilma tax-xita.
F’dan l-istadju ma hemmx ħsieb li jiġu implimentati Green Walls u Green Roofs. L-iskejjel jinbnew b’diversi sistemi li jnaqqsu l-pollution, noise levels u l-energy costs, fosthom l-installazjoni ta’ sistemi alternattivi ta’ enerġija bħal sistemi ta’ panelli fotovoltajiċi, solar water heaters, ħażniet ta’ l-ilma tax-xita kif ukoll sistemi li jikkontrollaw l-użu ta l-enerġija fid-dawl magħrufin bħala intelliġent lighting systems.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra fejn jinħażen l-ilma tax xita miġbur minn fuq il-bjut eċċ. tal-Isptar Mater Dei? Kemm fil-fatt tesa' din il-ħażna tal-ilma? X'użu jsir minn dan ir-riżors għall-isptar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ilma tax-xita miġbur min fuq il-bjut eċċ. tal-Isptar Mater Dei jinġabar f’ġibjun miftuħ li hemm fuq in-naħa ta’ wara tal-kamra mortwarja.
Dan il-ġibjun ma huwiex għall-ħażna tal-ilma għall-isptar, iżda jintuża bħala soak-away. Il-qiegħ tal-ġibjun għandu surface area ta’ 599 metri kwadri u jesa’ madwar 4,073 metri kubi ta’ ilma tax-xita.
Meta tinżel ix-xita dan il-ġibjun jintela u permzz ta’ toqob magħmula apposta fil-qiegħ tal-ġibjun, l-ilma ta’ ġo fih jinżel fil-blat biex finalment jiżdied mal-ilma tal-pjan. B’hekk l-ilma tax-xita li jinżel fuq l-Isptar Mater Dei mhux qiegħed jinħela iżda qiegħed jigħin sabiex tiżdied il-ħażna tal-ilma naturali ta’ taħt l-art tal-pajjiż.
Billi kull ma jmur qed ikun dejjem magħruf fid-dinja li l-green walls u l-green roofs huma strumentali biex inaqsu l-polution , noise levels u l-energy costs kif ukoll joħolou ambjent aktar san fl-isptarijiet għall-pazjenti, jista' l-Ministru jinforma jekk il-Ministeru tas-Saħħa għandux pjanijiet li jintroduċi dawn is-sistemi fuq il-bjut u swali tal-Isptar Mater Dei? Jekk fl-affermattiv, fejn se jsiru dawn il-green walls u l-green roofs u kemm se jiswa dan il-pjan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda pjanijiet biex jiġu introdotti dawn is-sistemi fuq il-bjut u swali tal-Isptar Mater Dei.
Jista' l-Prim Ministru jinformani jekk id-deroga dwar il-kaċċa u l-insib li l-gvern kellu jħejji biex jibgħat Brussell intbagħtitx? Jekk fin-negattiv meta se tintbagħat? Jekk fl-affermattiv meta ntbagħtet lill-kaċċaturi u nassaba?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq nirreferi l-Onerovoli Interpellant għar-risposta li ġiet mogħtija mill-Ministru għat-Turiżmu, Kultura u l-Ambjent fir-rigward tal-Mistoqsija Parlamentari 33537 fuq l-istess suġġett.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il edizzjoni tal-programm Bijografiji fuq il-Public Broadcasting Services, ixxandru minn Ottubru tas-sena l-oħra sal-lum? Kemm minnhom kienu edizzjonijiet li xxandru għall-ewwel darba u kemm kien hemm li kienu ripetizzjonijiet ta’ edizzjonijiet li diġà kienu xxandru darba oħra mill-Public Broadcasting Services fix-xhur li għaddew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
TVM ixandar kemm edizzjonijiet oriġinali kif ukoll repetizzjonijiet tal-programm Bijografiji. S’issa xxandru 24 programm li 8 minnhom kienu repetizzjonijiet. Dawn jixxandru skont il-vijabilità kummerċjali tal-ġranet rispettivi li fihom jixxandru l-programmi.
Jista' l-Ministru jelenka skont il-gravità, t-tip ta’ reati jew raġunijiet, li għalihom in-nisa huma kundannati l-ħabs? Kemm minn dawn in-nisa li huma kundannati l-ħabs huma ommijiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-1 ta' April 2012 in-numru ta' priġuniera nisa li kien hemm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 43, (30 minnhom ommijiet). Infurmat ukoll illi r-reati jew r-raġunijiet li għalihom in-nisa huma miżmuma fil-Faċilità huma s-segwenti:-
Omiċidju
Droga (traffikar/kultivazzjoni/importazzjoni/pussess eċċ
Serq Aggravat
Korruzzjoni ta' Minuri
Qliegħ ta' flus mill-prostituzzjoni
Ħasil ta' flus
Multi konvertiti f'priġunerija/spejjeż tal-Qorti
Revokazzjoni ta' garanzija f'kaz ta' ħelsien mill-arrest.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex wiegħed lill-Kamra waqt il-mistoqsijiet li jagħti rendikont tal-benchmark li fuqha qed jistabillixxi n-numru ta' operazzjonijiet u dan għall-fatt li l-Ministeru tas-Saħħa taħt il-Minisru preċedenti kien ikejjel dan permezz ta' operazzjonijiet minuri, maġġuri u intermedjajti separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw performance bonuses fil-Korporazzjoni Enemalta matul is-snin 2006/7/8/9/10/11? F'liema kariga kienu dawk li ħadu l-performance bonuses?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 24014, jista' l-Ministru jara l-każ ta' din l-anzjana peress li għadha qed tinstenna biex tiddaħħal f'dar tal-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qiegħedha fuq il-lista ta’ stennija għar-Residenza ta’ San Vinċenz.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li ilu xi tliet ġimgħat jirreġistra u meta mar għand il-professur, qallu li mhux tajjeb għax-xogħol u għaddew tliet xhur mingħajr ma rċieva xejn?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna koncernata se tigi infurmata permezz ta' ittra dwar il-kaz taghha.
Jista' l-Ministru jara fiex wasal il-każ ta' housing tal-individwu li d-dettalji dwarhu jidhru separatament?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata m'għandiex applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni soċjali peress li l-istess applikazzjoni ġiet magħluqa fit-2 ta’ Lulju 2010.
Jista' l-Ministru jara li jibgħat social worker għand l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li l-anzjan mhuwiex f'pożizzjoni li jgħix waħdu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant waslet id-Dipartiment fil-5 ta’ April 2012. Social Worker marret għand l-anzjan biex tagħmel l-assessment għal din l-applikazzjoni fit-13 ta’April 2012 biex b’hekk dan il-każ jidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni. L-anzjan jiġi nfurmat bid-deċizjoni tal-Bord bil-miktub.
Jista' l-Ministru jara jekk anzjana li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, liema anzjana għandha 74 sena u marida, tistax tingħata aktar ħin f'sigħat f'home help?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat l-l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m’għamlitx talba għal żieda fis-siegħat tas-Servizz tal-Home Help. L-anzjana hija mitluba li tiġbor applikazzjoni mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ jew miċ-Ċentru Servizz Anzjan, il-Belt, jew mill-Kunsill Lokali tal-lokalita’ tagħha biex b’hekk il-Bord tal-Allokazzjoni ta’ dan is-Servizz ikun jista’ jerġa jara dan il-kaz.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-ġuvni li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għalkemm applika għal post alternattiv mal-Awtorità tad-Djar, s'issa għadu bla risposta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata ma għandiex applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva.
Tista' l-Ministru tispjega għaliex ażjendi li applikaw biex jimpjegaw persuni taħt l-Employment Aide Programme baqgħu mingħajr risposta mingħand il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, ghal aktar minn 6 xhur bil-konsegwenza li kellhom iwaqqfu l-impjieg tal-istess persuni? X'se tagħmel il-korporazzjoni biex tagħti rimedju lil dawn il-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minħabba dan in-nuqqas ta' risposta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dipartiment tas-Saħħa — xiri ta' vaccine mill-Health Centre
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex mhux dejjem isiru ċerti riċevuti mid-Dipartiment tas-Saħħa f'Għawdex għax-xiri ta' vaċċini mill-Health Centre u min ikun irid jixtri jkollu jmur drabi oħra? Meta sa jkun hemm iktar minn skrivan wieħed li jagħmel dan ix-xogħol ħalli l-Għawdxin ikunu jistgħu jinqdew mingħajr dewmien u skariġġ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Uffiċċju tal-Ispettorat tas-Saħħa f'Għawdex dejjem ħareġ fil-waqt l-irċevuti għax-xiri ta' vaċċin li jsir miċ-Ċentru tas-Saħħa f'Għawdex.
Għawdxin li qed jieħdu part-time courses fl-Imsida Campus
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Għawdxin li qed jattendu korsijiet part-time fl-Imsida Campus, liema korsijiet ma jsirux full-time fl-Università ta' Malta u lanqas isiru part-time fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex, mhux qed jingħataw la l-għajnuna għall-ispejjeż tal-vapur li jieħdu anki l-imjegati tal-gvern f'Malta u lanqas l-allowance tal-kera li jieħdu l-Għawdxin kollha li jistudjaw Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-għajnuna mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex lill-istudenti Għawdxin tingħata biss lil dawk li jkunu jattendu kors fuq bażi full-time.
Tibdil infrastrutturali fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-tibdil infrastrutturali li se jsiru fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex u l-permessi relattivi maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' ristrutturar u tisbiħ li qed isiru fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex ma jirrekjedux permessi mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jintwera l-film Għawdxi, il-Verità Kollha, li ġie meħud fit-30 ta' Marżu 2012 wara li saret tindifa lill-Isptar Ġenerali t'Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tiċċara l-mistoqsija biex tkun tista' tingħata risposta.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ambulanza hemm taħdem u kemm-il ambulanza hemm bil-ħsara u/jew li m'għaddietx mill-VRT fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Kemm ilhom li nxtraw l-ambulanzi li qed jintużaw fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Meta se jiġu msewwija jew mibdula dawn l-ambulanzi?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Inżid ukoll illi żewġ ambulanzi ġodda oħra, huma ordnati u għandhom jaslu Malta sal-aħħar ta' Mejju 2012.