Legislature:
Category:
Reset
Active:

talba għal handle

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir biex l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tingħata xi tip ta' handle biex jgħinha tqum mis-sodda?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant diġa’ ngħatalha l-apparat meħtieġ biex jgħinha tqum mis-sodda.

mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, peress li l-mediċini li jieħu ħafna drabi jkunu out of stock mill-Ispiżerija tal-Gvern u b'konsegwenza ta' hekk il-familja bil-minimum wage ikollha tixtrihom minn butha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Dipartiment tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek irriżulta li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant qatt ma kien irreġistrat mal-Iskema, u għalhekk ma setgħax jibbenifika mill-istess Iskema. Għadaqstant, id-Dipartiment għamel kuntatt mall-istess persuna, u mid-19 ta’ April, 2012 dan jista’ jibda jiġbor il-mediċina tiegħu mill-ispiżerija tal-għażla tiegħu.

talba għall-għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qed tistenna biex tingħata xi forma ta' għajnuna peress li m'għandha l-ebda tip ta' dħul ieħor u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ilu għaddej bil-proċess mit-13 ta' Novembru?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata se tiġi infurmata bil-posta dwar l-eżidu tal-każ tagħha.
Leg 11 PQ #33843 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal facilitator

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jbati minn ADHD u għadu qed jistenna biex jiġi magħżul biex jingaħat facilitator?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tifel diġà deher quddiem l-Istatementing Moderating Panel f’Jannar 2012 u l-Bord irrakkmanda Shared Support. Dan it-tifel jattendi skola Indipendenti u għalhekk il-ġenituri, flimkien mal-iskola, jridu jimpjegaw l-LSA u jimxu skont il-proċeduri stabbiliti fir-rigward skejjel indipendenti.
Leg 11 PQ #33923 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Mentali t'Għawdex — toilets u showers tal-irġiel fil-Long Stay

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se tisewwa s-sistema tad-drenaġġ u jerġgħu jibdew jaħdmu showers u t-toilets tal-irġiel fil-Long Stay tal-Isptar Mentali t'Għawdex? Infurmata l-Ministru li billi dawn ilhom magħluqa iktar minn tliet xhur, il-pazjenti u l-istaff qed ikollhom jużaw ix-showers u t-toilets tan-nisa?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswija tas-sistema ta' drenaġġ b'konnessjoni ma' showers tal-irġiel fil-Long Stay Ward tal-Isptar Mentali t'Għawdex ser issir bħala parti minn refurbishment komplut tal-istess kamra. Il-quotation għal dan ix-xogħol qiegħed fi stadju ta' aġġudikazzjoni. It-toilets tal-irġiel fil-Long Stay Ward m'humiex affettwati minn din il-ħsara.
Leg 11 PQ #33924 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — tiswija tas-saqaf tal-laboratorju

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jsir sakemm jiġi imsewwi s-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex għal inqas meta tkun ix-xita, l-ħaddiema li hemm fil-laboratorju jkunu jistgħu jaħdmu mingħajr ma jixarbu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswija fuq il-waterproofing tas-saqaf tal-laboratorju tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex diġà saret.
Leg 11 PQ #33925 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — storage tal-ex rays

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-x-rays il-qodma qed jiġu storjati fl-iskola tal-Għarb u jekk għandux jinstab post fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex fejn dawn l-x-rays jiġu storjati? X'miżuri ttieħdu għal data protection? Min għandu aċċess għalihom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-x-rays ittieħdu f'post barra mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex biex isir spazju għal aktar servizzi ġodda fl-Isptar. Mhux neċessarju li dawn l-X-Ray films qodma jinżammu l-Isptar u llum bis-sistema diġitali ma baqax il-bżonn ta' filing ta' films għax is-sistema żżomm kollox f'arkivji diġitali. Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess tat-trasferiment ta' x-rays f'post fl-iskola tal-Għarb ittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex id-data protection fir-rigward ta' dawn id-dokumenti tkun imħarsa. Għandhom aċċess biss għal dawn il-films persuni awtorizzati.
Leg 11 PQ #33926 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — flus fl-overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jintnefqu flus fl-overtime kull xahar fi ħlas tal-ħaddiema biex inadfu l-kuruturi tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, xahar b'xahar mis-sena 2008 sa' April 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jsirx overtime biex jiġu mnaddfa l-kuruturi tal-Isptar.
Leg 11 PQ #33932 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ħaddiema li għandhom bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li għandhom bżonnijiet speċjali u li huma impjegati mal-gvern jew mal-privat? Jista' jgħid jekk hemmx xi skemi biex is-settur privat jiġi mħajjar jimpjega ukoll persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, sa l-aħħar ta` Novembru, 2011, kien hemm 1,258 persuna jaħdmu fuq bażi full jew part-time fuq ir-Registered Disabled Persons (RDP) Register: 734 jaħdmu mal-privat, 387 mas-Servizz Pubbliku, u 137 ma’ xi kumpanija parastatali jew Awtorita`. Jeżistu tlett inizjattivi fejn is-settur privat jiġi nkorraġġit jimpjega persuni b’diżabilita’: L-ewwel inizjattiva hija magħrufa bħala Bridging the Gap Scheme. Din hi forma ta’ work exposure , fejn il-persuna tingħata l-opportunita’ li tipprova lilha nfisha għal numru ta’ ġimgħat fuq il-post tax-xogħol propju, u dan mingħajr il-ħtieġa li jinfetaħ il-ktieb tax-xogħol jew titħallas il-kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali. Tul dan il-perjodu, l-persuna tingħata allowance minn naħa tal-ETC ekwivalenti għal 80% tal-paga minima nazzjonali. It-tieni inizjattiva hija dik li toħroġ mill- Employment Aid Programme (Proġett tal- ESF ), fejn l- Employer li jingaġġa persuna b’diżabilita’ jingħata sussidju qawwi fuq il-paga li huwa jagħti lil din il-persuna. It-tielet inizjattiva tirrigwardja rimbors li Employer jirċievi tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali mħallsa minnu bħala Employer meta jimpjega persuna b’diżabilita’. Dan il-benefiċċju jitgawda għall-ewwel tlett snin tal-ingaġġ.
Leg 11 PQ #33935 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — kuntratti għax-xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm kuntraturi li ħadu kuntratti biex jagħmlu xogħol ta' kostruzzjoni fit-teatru l-ġdid fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Min huma? X'kuntratti ħadu għal liema xogħol? Kemm jiswa l-kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #33936 Sitting 471 2012-05-09 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — sejħa għall-ingaġġ ta' anestetista

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 29400 u 30382, tista' l-Ministru tgħid jekk is-sejħa biex jiġi ngaġġat anestetista residenti ieħor fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex ħarġietx?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela l-post ta' Anestetista fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex se tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 11 ta' Mejju 2012.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32954 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fil-Ministeru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Bini ta' sular ieħor fl-Isptar Mater Dei

Question

Jirriżultalu l-Ministru li l-istruttura fl-Isptar Mater Dei ma tiflaħx għall-estensjoni tal-bini fuq is-sulari li hemm attwalment?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li, bħal kull struttura oħra, l-Isptar Mater Dei ma kienx iddisinjat għal numru indefinit ta’ sulari. Għalkemm wieħed jaħseb ukoll għal xi estenzjoni li tista’ ssir fil-futur, iż-żieda ta’ sulari fuq dawk eżistenti hija wkoll marbuta mal-preżenza ta’ Plant Rooms għall-arja kkundizjonata eżistenti fuq ħafna mill-blokki tal-isptar. F’ċerti blokki , speċjalment fuq dawk li l-għoli tagħhom huwa wieħed relattivament baxx u fejn ma hemmx Plant Rooms fil-livell tal-bejt, ċerti estenzjonijiet huma possibli.

Tappieri li qed jisfrundaw

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x'qed jikkważa l-fatt li t-tappieri f'toroq li saru riċentament qed jisfrundaw regolarmant per eżempju l-bypass tal-Imtarfa u l-parti tat-triq li tagħti għall-pont tal-Mosta? Min kien responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtoritajiet finanzjarji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu, jekk ħadu l-awtoritajiet finanzjarji Maltin biex jipproteġju l-isem ta' Malta fl-investigazzjonijiet li għaddejin l-Italja dwar kif sitt uffiċjali tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri ħadu €70 miljun u bagħtu €15-il miljun minnhom lejn Malta permezz ta' Periplo SA u l-Bank of Valletta għall-kummerċ bejn SIB Laboratories Ltd u r-Russian Acadamy of Science suppost għall-akwist tal-patents fin-nanotechnology u jirriżulta li ftit minnhom biss intużaw għalhekk u issa dawn l-uffiċjali qed jiġu investigati dwar money laundering, tax evasion u missappropriation of public funds?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Finance Intellegence Analysis Unit (Malta) hija prekluża bil-liġi milli tipprovdi dettalji dwar każijiet li jkunu qed jiġu analizzati mill-istess FIAU jew dwar rapporti li jkunu saru minn xi persuni. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FIAU hija konxja mill-fatti riferiti fil-Mistoqsija Parlamentari u qed tieħu l-passi neċessarji pertinenti mal-leġislazzjoni.

Airmalta — impjieg ġdid

Question

Jista' l-Minsitru jispjega għaliex wara li waqfet diversi ħaddiema mis-sezzjoni tal-luggage handling/cargo, l-Airmalta qiegħda terġa' timpjiega ħaddiema f'dan id-dipartiment inkluż loading?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.

kiri ta' uffiċini li jinsabu fl-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hux se tikri uffiċini ġewwa l-bini magħruf bħala Sky Park li jinsab fl-ajruport tal-Gudja mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affirmattiv, jista' jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża annwali u totali għal din il-kera u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.

skema ta' għajnuna meta tibdel karozza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni matul is-sena 2011 li bbenefikaw mill-iskema ta' għajnuna jekk kemm-il darba jbiddlu l-karozza antika tagħhom għal waħda ġdida?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li kien hemm 2,417-il persuna li bbenefikaw minn din l-iskema matul is-sena 2011.

karozzi skrapjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-karozzi antiki u l-magni u l-parts tagħhom wara li dawn ġew skrapjati u s-sidien tagħhom ingħataw għajnuna biex setgħu jixtru karozzi ġodda? Jista' jispjega jekk il-magni ta' dawn il-karozzi skrapjati jistgħux jintużaw għal vetturi oħrajn jew jekk dawn il-magni jiġux distrutti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

raid mill-pulizija tal-A.L.E.

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il raid sar mill-pulizija tal-ALE fuq kaċċaturi matul ix-xhur Jannar u April 2012?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi membri mit-Taqsima tal-A.L.E. tal-Pulizija regolarment jagħmlu spezzjoniet għal persuni li jinqabdu bi ksur ta’ xi provvedimenti tar-Regolamenti dwar il-Kaċċa u l-Insib. Infurmat ukoll illi fil-perjodu imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u ċioe’ bejn Jannar u April ta’ din is-sena membri ta’ din it-Taqsima għamlu 815 spezzjoni.