Legislature:
Category:
Reset
Active:

ikliet u riċevimenti organizzati l-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32445 u jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru? Fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq il-Kanun - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex fi Triq is-Sebħ fl-inħawi ta' Triq il-Kanun Ħal Qormi ma jistax isiru pelican lights simili għal dawk li hemm fil-bypass ta' Birkirkara minħabba li diversi residenti ilhom jilmentaw dwar dan il-bżonn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mhux rakkomandabbli li ssir pelican crossing fi Triq is-Sebħ fil-viċinanzi ta' Triq il-Kanun, Ħal Qormi, minħabba li is-central strip mhux wiesgħa biżżejjed sabiex takkommoda pedonali li jistennew, hemm dislivell bejn il-karreġġjati opposti u hemm distanza qasira wisq fejn vetturi jaqilbu min-naħa għall-oħra tal-karreġġjata.

Skola Primarja ta' Birżebbuġia — Learning Support Assistant

Question

Tista' l-Ministru tara x'qed iżomm lid-diriġenti tal-iskola Primarja ta' Birżebbuġia milli tassessja u eventwalment tappunta learning support assistant mal-istudent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u dan in vista tal-fatt li huwa evidenti li dan is-servizz hu meħtieġ u li t-talba ilha pendenti għal aktar minn sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola ta’ B’Bugia irċeviet ir-rapporti meħtieġa biex tkun tista’ timtela l-applikazzjoni għall-istatementing f’Marzu 2012. L-applikazzjoni mtliet u ntbagħtet lill-istatementing board fid-9 ta’ Mejju 2012. L-istatementing board se jara l-każ u jiddeċiedi skont il-ħtiġijiet tal-istudent fl-aqsar żmien possibli.

Transport Malta — Direttorat tat-Toroq - managers - salarji u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm managers fid-Direttorat tat-toroq ta' Transport Malta? X'inhuma r-responsabilitajiet tagħhom rispettivament? Jista' jgħid kull manager kemm jitħallas kemm f'paga kif ukoll f'benefiċċji oħra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm 13-il manager fid-direttorat tat-toroq ta' Transport Malta. Ir-responsabilitajiet tagħhom rispettivament kif ukoll il-pagi u l-benefiċċji oħra huma ndikati fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

MEPA — żona indikata għall-iżvilupp - art esproprijata

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa xi triq fiż-żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva? Jista' jgħid kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-affarijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Mosta — ħwienet tal-logħob

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga permezz tal-awtorità kompetenti kif kien possibli li fil-Mosta f'ċentru tal-istess komunità propju fil-limiti tal-pjazza qed isiru l-preparamenti sabiex f'żewġ siti se jkun qed joperaw ħwienet tal-logħob? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-kundizzjonijiet li kienu ġew ippubblikati fil-liġi li jiddeterminaw fejn jistgħu jiġu miftuħa u mgħotija liċenzji l-ħwienet tal-logħob?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħti aktar dettalji dwar iż-żewġ siti li qed jirreferi għalihom fill-Mosta. Hemm applikazjoni pendenti mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob ghal post fit-Triq il-Kbira, (li huwa maghruf bhala 'Tal-Euro Family') li bhal kull applikazzjoni mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob, tali applikazzjoni kienet suggetta ghal-perjodu ta' notifikazzjoni lil-Pubbliku skond id-direttivi mahruga mil- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob. Dan il-perjodu skada fil-29 ta' Marzu 2012, fejn l-ebda persuna jew organizzazjoni ma' ghamlet ebda oggezzjoni. Ninsab infurmat fil-Mosta, l-Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob harget licenzja wahda dik lil-'BestPlay' Pjazza 16 ta’ Settembru, Mosta. L- Awtorita' harget ukoll 'No Objection Certificate' ghal-zewg postijiet ohra, 16/18, Eucharistic Congress Road, u 86B Eucharistic Congress Road, li jippermetti lis-sidien ta' dawn iz-zewgt positijiet biex japplikaw mal-MEPA ghall-planning permit/change of use. Jekk il-Mepa tohrog il-permess, ikunu jistghu japplikaw formalment mal- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob ghal-licenzja. Ta' min nghid li l-hrug ta' permess mill-MEPA ma jfissirx hrug awtomatiku ta' Licenzja ghal hanut tal-loghob mill- Awtorita' dwar il-Lotteriji u l-Loghob. Rigward it-tieni part ital-mistoqsija, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti li jelenkaw il-kundizzjonijiet dwar l-għoti ta’ liċenzja lill-ħwienet tal-logħob.

Divorzji — ħlasijiet lill-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-każ ta' talba għad-divorzju x'inhuma l-ħlasijiet li skont ir-regolai tal-Qorti jintalbu mil-istess Qorti minn dawk li jkunu qed jitolbu d-divorzju?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Skont ir-regoli tal-Qorti, il-ħlasijiet li jintalbu mill-istess Qorti minn dawk li qed jitolbu d-divorzju huwa tipikament hekk:- Dritt Ammont mitlub (€) Preżentata tar-rikors ġuramentat 11.65 Notifika (X 2) 6.98 Risposta 11.65 Notifika (X1) 3.49 ( u 2.33 jekk jiġi notifikat l-avukat tal-attur) Dritt tal-avukat (ta’ kull parti) 150

MEPA — kejl ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-kejl ġust li jintuża mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar meta l-istess awtorità titlob li jkun mibni ħajt tas-sejjieħ u titlob li l-ħajt għandu jkun għoli tant filatti jew tant metri?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istruttura tal-ħitan tas-sejjieħ hija protetta mir-Regolamenti tal-1997 dwar Ħitan tas-Sejjieħ u Strutturi Rurali (Konservazzjoni u Manutenzjoni), Avviż Legali 160 ta' L-1997, kif amendat b'Avviż Legali 169 tal-2004. Filwaqt li dawn il-liġijiet ma jirregolawx l-għoli tal-ħitan tas-sejjieħ, jipproteġu il-forma tagħhom bħala parti mis-sbuħija tal-karattru tal-pajsaġġ rurali. Għaldaqstant il-MEPA tinkoraġġixxi li l-għoli tal-ħitan jibqa dak eżistenti u predominanti tas-sit. L-Ordni ta’ l-2007 dwar in-Notifikazzjoni dwar żvilupp, Avviż Legali 115 ta' L-2007, tistipula l-għoli massimu tal-ħitan tas-sejjieħ fi Klassi 2 1(iii), ċioe ta' 1.2 metru ’il fuq mil-livell tal-ħamrija fuq iż-żewġ naħat jew fil-każ ta’ livelli differenti fuq art bi ħbula mtarrġa, għoli ta' 1.2 metru ’l fuq mill-ogħla livell tal-ħamrija u 2.4 metri mil-livell l-aktar baxx tal-ħamrija.

Kunsill Lokali tas-Sannat — Community Worker Scheme - xogħlijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga jekk ħaddiema tal-Community Worker Scheme li qed jaħdmu fil-kunsill lokali ta' Sannat hux minnu li s-Sindku qabbad dawn il-ħaddiema sabiex jagħmlu xogħlijiet privati li mhumiex komptiu tal-kunsill?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħaddiema tal-Community Workers Scheme huma mqabbda mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Peress li din il-Korporazzjoni taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Minsteru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Proġett Recreational Area, Triq id-Daħla taċ-Ċnus f' Ta' Sannat

Question

Jista' l-Ministru, permezz tad-dipartiment, jinvestiga x-xogħol li qed isir permezz ta' kuntratt fil-proġett mgħarruf bħala Recreational Area, Triq id-Daħla taċ-Ċnus f'Sannat fejn jidher li mix-xogħol li qed isir jidher li qed ikun hemm tibdiel u differenza bejn dak li huma mitlub mill-kuntratt u dak li effetivament qed isir? Huwa mgħarruf ukoll li ċertu tibdiel li sar lanqas m'għandu l-approvazzjoni u infatti f'dan ix-xogħol li qed isiru jidher ukoll li kuntrattur qed ibidel id-disinn u l-materjal? Jista' jgħid jekk dak li qed issir hux legalment aċċettabbli u jekk jistax isir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi peress dan il-proġett huwa parti mill-finanzjament li jaqa' taħt l-iskema Eko Għawdex, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din id-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Regolatur taċ-ċilindri tal-Gass — built-in excess-flow valve

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skont ir-regolamenti relattivi, r-regolatur taċ-ċilindri tal-gass li jistgħu jinbiegħu f'Malta għandux ikollhom inkorporat fihom built-in excess-flow valve bħala prekawzjoni? Jekk le, għaliex?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi ma jezisti ebda obbligu legali illi regolaturi tal-gas għandhom ikollhom in-built excess flow valve; dan minħabba li taħt id-direttiva Ewropeja dwar apparat ta’ pressjoni, ir-regolaturi tal-gas huma ġeneralment meqjusa bħala pressure accessories (aċċessorji ta’ pressjoni) u mhux bħala safety accessory (aċċessorju ta’ sigurtà). Għaldaqstant min jinstalla sistema tal-gas għandu jara hu jekk hemmx bżonn li jiġi inkluż aċċessorju ta’ sigurtà, bħal excess flow valve, fis-sistema tal-gass.

Ħlas ta' xogħol li jsir fl-irziezet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31501 u jgħid jekk ir-rata ta' €5.41 kull siegħa, li hija rata stabbilita mill-Unjoni Ewropea xi ħames snin ilu għall-ħlas tax-xogħol li jsir mill-proprjetarji tal-irziezet fl-istess irziezet tagħhom li jirrikorru għall-għajnuna, hijiex adegwata għaż-żminijiet tal-lum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li r-rata msemmija kienet stabbilita meta tnieda il-programm ta’ għajnuna finanzjarja għat-tul kollu tal-istess programm. Dan biex jkun żgurat li l-benefiċjarji kollha jirċievu għajnuna maħduma fuq l-istess kriteri sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni favur min japplika aktar tard. Wieħed għandu jiftakar li sakemm din l-iskema tibqa’ miftuħa, applikat għadu jista’ jitlob għajnuna finanzjarja għal xogħol li seta’ jkun sar fl-2008.

Kunsill Lokali Mellieħa — karozzi li jkunu ġejjin minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu r-raġuni li l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa imexxi mis-Sindku tiegħu qed jitħalla arbitrajament u kontra l-liġi li permezz ta' wardens stazzjonati fil-bajja tal-Għadira jinibixxi milli jgħaddi mir-raħal tal-Mellieħa vetturi li jkunu ġejjin minn Għawdex, b'konsegwenza li dawn qegħdin jintbagħtu jgħaddu mit-triq ħdejn Popeye's Village li hija jeqa, perikoluża u b'konsegwenza ta' dan il-vjaġġ minn Għawdex lejn Malta twal bejn 15 u 30 minuta u ħafna drabi ukoll persuni jitilfu l-appuntamenti tagħhom jew jidħalu tard għax-xogħol jew anki t-titjiera li jkollhom jaqbdu mill-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jista' jispjega b'liema dritt qiegħda ssir din id-destinazzjoni bejn persuni bl-ID li joqogħdu l-Mellieħa jew li jkollhom pass speċjali li jgħaddu mill-Mellieħa u oħrajn li għandhom ir-residenza tagħhom Għawdex? Ma jaħsibx li din mhi xejn ħlief diskriminazzjoni li tkisser sfaċċatament id-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif hemm fil-kostituzzjoni ta' Malta u msaħħa fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-Bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li din hija kwistjoni li taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' Trasport Malta, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #34444 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Business Chamber — press release

Question

In vista tal-press release maħruġa mill-Gozo Business Chamber, tista' l-Ministru tispjega x'passi qiegħda tieħu sabiex tassigura li l-ksur sfaċċat tal-liġi mwettqa mis-Sindku tal-Mellieħa kontra l-Għawdxin u dawk li jżuru Għawdex titneħħa fis-sens li dan is-Sindku m'għandu l-ebda dritt li jimpedixxi lil dawk kollha residenti f'Għawdex jew li jkunu marru Għawdex milli jgħaddu mill-Mellieħa? Ma tafx li dan qiegħed iżid il-hardship lill-Għawdxin u jnaffar iżjed it-Turiżmu (speċjalment dak intern) lejn Gżira Għawdxija speċjalment f'dan iż-żmien meta t-triq taċ-Ċirkewwa hija kollha maqluha bil-konsegwenza li min fejn qieħed jgħaddi t-traffiku l-istess Sindku tal-Mellieħa, il-vjaġġ qiegħed jitawwal bejn 15 u 30 minuta u mhux l-ewwel darba li jkun hemm xi inċident tal-karozzi fejn Popeye's Village u l-konsegwenza ta' dan huma li jwassal għal aktar dewmien u tbatija u hemm niex inkluzi turisti li tilfu il-flight tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

Minimum Headroom fit-toroq pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-minimum headroom li trid titħalla libera fuq it-toroq pubbliċi u minn liema avviż legali jew liġi jirriżulta dan il-valur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li L.S. 499.57, Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq, jistabilixxu li l-Manwal ta’ Disinn għal Toroq u Pontijiet (UK) bħala l-istandard nazzjonali ta’ disinn għal cross sections ta’ toroq u headroom. Dawn l-istandards jistabilixxu li l- headroom għal overbridges għandu jkun ta’ 5.03m filwaqt li l- headroom għal sinjaletika tat-traffiku fuq toroq u f ootbridges għandu jkun ta’ 5.41m. Ċertu infrastruttura ta’ toroq li ġew disinjati u mplimentati qabel dawn ir-regolamenti ġew fis-seħħ (bħalma huma l-mina ta’ Għajn Dwieli u Portes des Bombes) ġew mibnija b’ headrooms aktar baxxi.
Leg 11 PQ #34446 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Triq San Leondaru, triq ix-Xagħra u Triq ta' Ħamet - upgrading tal-junctions

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta l-Ministeru bi ħsiebu jagħmel upgrading tal-junctions fi Triq San Leonardu ma' Triq ix-Xagħra u mat-Triq ta' Ħamet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-upgrading tal-junction imsemmija fil-Mistoqsija Parlamentari se ssir aktar 'il quddiem meta jkun possibbli u wara li tkun lesta Triq l-Imġarr.
Leg 11 PQ #34462 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Filmjar f'proprjetajiet privati mingħajr permess

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-CABS għandhomx il-permess li jiffilmjaw minn barra għal ġo proprjetà privata mingħajr il-kunsens ta' sidien tal-proprjetà li qed tkun iffiljata? Jidhirlu li dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tal-privatezza individwali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ma rċieva l-ebda talba mill-CABS dwar xi filming.

Talba għall-facilitator

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga l-problema tal-istudenta b'diżabilità li d-dettali dwarha qed jingħataw separatament li kellha tieqaf mill-kors tagħha fl-MCAST minħabba li ma ġiex provdut lilha facilitator u għalhekk bdiet taqa' lura u dan minkejja diversi talbiet li l-familja tagħha resqu lid-Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenta partikolari kienet irreġistrata mal-Inclusive Education Unit (IEU) nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Ġunju 2011. Hija bdiet il-kors MCAST Foundation Certificate in Business – Level 2 nhar it-Tnejn 4 t’Ottubru 2011. L-istudenta msemmija dejjem ingħatat is-sapport intitulat għaliha waqt l-eżamijiet u dejjem kellha ħin addizzjonali ta’ 25%, skriba u prompter . L-istudenta flimkien ma’ ommha avviċinaw l-IEU nhar l-Erbgħa 4 ta’ Jannar 2012 fejn ġie diskuss il-progress akkademiku tagħha kif ukoll il-bżonn ta’ sapport minn LSA. Wara din il-laqgħa saru l-arranġamenti min-naħa tal-IEU sabiex tingħata sessjoni addizzjonali u individwali ta’ siegħa fil-Ġimgħa fejn l-LSA kienet se tkun qed tgħinha fis-suġġetti tal-Malti, Ingliż u Matematika. Din l-LSA partikolari kienet assenjata magħha partikolarment minħabba li hija wkoll ikkwalifikata fil-qasam tan-negozju u l-kummerċ u għalhekk kienet se tkun tista’ tgħinha fis-suġġetti vokazzjonali wkoll. Għaldaqstant l-istudenta kien se jkollha l-possibilità li tirċievi sapport mhux biss fil-Ħiliet Bażiċi (i.e. Malti, Ingliż u Matematika) imma wkoll fis-suġġetti Vokazzjonali (i.e. Business Awareness, General Business, Finance (1), Finance (2), People in Business u Human Resources ). Din is-sessjoni addizzjonali kienet skedata għal kull nhar ta’ Tlieta mis-2:30pm sat-3:30pm eżattament wara li l-istudenta tispiċċa l-lezzjonijiet tal-ġurnata. L-arranġamenti għal din is-sessjoni kienu finalizzati fil-ġimgħa ta’ bejn is-17 u l-20 ta’ Jannar. L-istudenta kienet infurmata mmedjatament. Iżda dan is-sapport ġie rrifjutat minħabba li kif stqarret hi, il-kundizzjoni tagħha ma tippermettilhiex li ssostni l-attenzjoni tagħha sat-3:30pm minkejja l-fatt li kien hemm ġranet oħra fejn kienet tispiċċa l-lezzjonijiet tagħha fl-4.30pm. L-istudenta rriżenjat mill-kors nhar is-27 ta’ Jannar 2012 bil-ħsieb li tiffoka aktar l-istudju tagħha fuq l-O levels.

Air Malta — kiri ta' uffiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34102, jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Air Malta hiex se tikri uffiċċju jew uffiċini mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fil-bini l-ġdid magħruf bħala SkyPark? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li r-risposta li ta' lill-Parlament hija dik li ma jistax jagħtina r-risposta għax hija ta' natura kummerċjalment sensittiva meta tlabt sabiex jgħid kemm se tiswa din il-kirja u sabiex jitqiegħed il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra meta qed nitkellmu dwar l-interessi ta' kumpanija li hija kumpanija nazzjonali u mhux kumpanija privata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.
Leg 11 PQ #34486 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika — direttiva mill-Uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direttiva inħarġet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi nħarġu 6 direttivi li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.