Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm swew iċ-ċelebrazzjonijiet kollha relattivi għall-anniversarju mill-għoti tal-George Cross (1942 - 2012)? Jista' jagħti breakdown dettaljat tal-infiq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 33806.
Jista' l-Ministru jara kif il-probelma tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, tiġi solvuta peress li qed jidħlilha l-ilma mill-komun tal-blokka?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi ufficjali mill-awtorità se jzuru dan il-komun u flimkien mal-Amministratur ta’ din il-blokka jipprovaw issibu soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna tressqet il-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' omiċidju volontarju u kemm-il persuna nstabet ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sallum kien hemm 28 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’omiċidju volontarju. 9 minnhom kellhom il-każ tagħhom deċiż u 8 oħra nstabu ħatja li ngħataw sentenzi ta’ priġunerija, filwaqt li wieħed ġie liberat. Kien hemm ukoll każ ieħor fejn l-akkużat miet matul il-proċeduri kriminali. Il-kazijiet l-oħra għadhom pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti akkużati b'serq fl-aħħar għaxar snin u kemm minn dawn nstabu ħatja? Jista jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi peress illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta’ statistika, it-tweġiba għal din il-mistoqsija se tinghata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati b'reati kontra l-liġi tad-drogi u kemm minn dawn instabu ħatja? Jista' jgħid x'kienu l-pieni li ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 4,461 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti mill-iskwadra ta’ kontra d-droga tal-Pulizija b’reati relatati mad-droga. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 3,459 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reati relatati mad-droga. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospiżi, probation, u multa.
Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 33229 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta interna dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-inkjesta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet konkluża.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna ġiet meħlusa mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Istruttorja peress li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed bix jitqiegħdu taħt att t'akkuża prima facie?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li;
Qrati tal-Ġustizzja Malta
Minn riċerka li saret jirriżulta li fl-aħħar ghaxar snin kien hemm 14-il-persuna li gew mehlusa mill-Qorti tal-Magistrati bħala Qorti Istruttorja peress li ma kienx hemm raġunijiet biżżejjed biex jitqiegħdu taħt att t’akkuża
prima facie
.
Fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex
Fil-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex ma nżommux statistika f’dan ir-rigward, però minn riċerka li saret, ma jirriżulta li kellna ebda tali każ fl-aħħar għaxar snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-aħħar għaxar snin akkużati bir-reat ta' stupru u kemm minn dawn il-persuni instabu ħatja? Jista' jgħid x'pieni ngħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi mis-sena 2002 sal-2011 kien hemm 127 persuna li ġew akkużati quddiem il-Qorti b’reati ta’ stupru. Mill-każijiet li ġew deċiżi matul l-istess perijodu kien hemm 46 persuna li ġew misjuba ħatja ta’ reat ta’ stupru. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi ta’ ħabs, sentenzi ta’ ħabs sospizi, probation, u multa.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-problema ta' dan il-konsumatur li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li qed jiġi mġiegħel li jaqla' żewġ pannelli fotovoltaiċi għaliex kien iddeċieda li jħallas għal tnejn żejda minn flusu biex iżid l-ammont ta' enerġija ġġenerata mid-dar tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta qed tinsisti li tneħħilu dawn iż-żewġ pannelli meta huwa ma rċeviex sussidju għalihom u ħallashom minn jeddu sena u nofs ilu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-linji gwida tal-iskema tal-Grants fuq panelli fotovoltaiċi jitkellmu b’mod espliċitu dwar l-istallazzjoni ta’ pannelli addizzjonali f’ Artiklu 12, Period of Operation. Dan jgħid:
Installation of additional modules or removal of modules, changes to the modules or inverter, or changes in location and/or ownership are considered to be substantial and authorisations may only be granted in exceptional circumstances (example: sale of property, failure of module).
Meta l-konsumatur applika għall-grant dan iddikjara li huwa qara, fehem, u qabel mal-kondizzjonijiet li hemm fil-linji gwida tal-iskema. Għaldaqstant huwa innegabbli li meta il-konsumatur waħħal pannelli addizzjonali dan mar kontra ir-regoli tal-iskema li ssottometta ruħu meta iffirma, kif ukoll kiser ir-regoli li jiggvernaw il-fondi tal-ERDF.
Il-konsumatur mhuwiex eskluż li jkollu pannelli oħra basta li huwa jagħmel sistema separata għall-pannelli addizzjonali., jew inkella kif jiprovdu r-regolamenti wara ħames snin jistgħu jkunu installati pannelli addizzjonali.
Jekk dan il-konsumatur ma jirregolax is-sistemi, dan ikun kiser il-kondizzjonijiet tal-iskema u għalhekk ikollu jirrifondi il-grant li ingħatatlu.
Peress li l-Park and Ride li hemm bejn Ħal Qormi u l-Marsa (ħdejn dik li kienet il-fabbrika tal-Lowenbran) se ssir bi ħlas u peress li residenti li joqogħdu f'Racecourse Street il-Marsa kienu jużaw dan il-car park biex jipparkjaw il-vetturi privati tagħhom, jista' l-Ministru jara li dawn ikomplu jagħmlu użu minn din il-faċilità għal parkeġġ tal-vettura tagħhom mingħajr ma jkunu kostretti jħallsu t-tariffa li se tkun qed tintalab għal użu tal-Park and Ride?
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-MEUSAC u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, tal-Imdina, ta’ Ħ’Attard, ta’ Ħal-Lija, ta’ Birkirkara, ta’ Santa Venera, ta’ Ħal-Balzan, tan-Naxxar, tal-Ħamrun, tal-Furjana u tal-Belt Valletta?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex tkun aktar speċifika fl-informazzjoni li qiegħda titlob biex din tkun tista' tingħata tweġiba.
Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta — nies li ngħataw ix-xogħol
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk hemmx nies li mhumiex impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li jagħmlu xi xogħol għal dan l-uffiċċju? Jekk iva, jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn in-nies u x’tip ta’ xogħol dawn jagħmlu għal dan l-uffiċċju?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi m'hemmx nies li mhumiex impjegati mar-Rappreżentanza Permanenti ta' Malta fl-Unjoni Ewropea li jagħmlu xi xoghol għal dak l-uffiċċju.
Jista' l-Prim Ministru jitlob l-Awtorità tax-Xandir biex tgħaddi lista ta' kemm kien hemm Ministri, Segretarji Parlamentari u deputati tal-Gvern mistiedna fuq programmi ta' TVM minn Ottubru 2011 s'issa? Jista' jitlob li din il-lista tingħata programm programm? Jista' jgħid kemm kien hemm deputati tal-Oppożizzjoni mistiedna fl-istess perjodu? Il-monitors tal-Awtorità tax-Xandir qett irrilevaw nuqqas ta' bilanċ f'dawn il-programmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-ġabra tal-informazzjoni dettaljata li tkopri perjodu ta' seba' xhur, kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant, tirrikjedi ż-żmien u mhux possibbli li tingħata f'dan l-istadju. Qed isir kull sforz biex l-informazzjoni tinġabar fl-iqsar żmien possibbli u nkun nista' nagħti risposta f'xi seduta oħra meta tkun inġabret l-informazzjoni kollha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34234 li oriġinarjamnet saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk is-sistema b'emerġenza 112 għaliex mhix tipprovdi location tracking ta' min iċempel? Għaliex mhijiex aċċessibli għal xi persuni b'diżabilità?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s-sistema b’emergenza 112 diga’ taħseb għall-arranġamenti li permezz tagħhom tingħata informazzjoni mill-operaturi dwar caller location. Madankollu propju bħalissa qed isiru upgrades fis-sistema biex din l-informazzjoni tingħata b’mod aktar awtomatiku waqt li tkun għaddejja t-telefonata. Din il-faċilita' mistennija tkun qed tiffunzjona fi żmien ftit ġimgħat oħra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba minn Ottubru 2011 s'issa fl-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services, kien hemm servizzi dwar pjanijiet u progretti tal-Gvern? Tista' din l-informazzjoni tingħata f'forma ta' breakdown xahar b'xahar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma tinżammx statistika dwar dak li talab l-Onorevoli Interpellant.
Ħaż-Żebbuġ — Triq Patri Andrew Azzopardi - Bini tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34169 u 34033 u jgħid meta hemm il-ħsieb li tinbena Triq Patri Andrew Azzopardi Ħaż-Żebbuġ peress li f'din it-triq hemm ħafna residenti u fl-istat li hi toħolqilhom inkonvinjent kbir?
Response (GATT, AUSTIN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Parlamentari Nru 31257 sabiex b’hekk ikun jista’ jifhem il-proċedura użata, ninsab infurmat li t-triq inkwistjoni ma tagħmilx parti mill-programm ta’ toroq li jridu jinbnew mill-ġdid din is-sena, għaliex ma taqbiżx is-70% bini.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34170 u 34034 u jgħid x'inhu t-tul ta' toroq f'Malta u Għawdex separatament li huma kklassifikati bħala arterjali, distributorji u lokali separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru telnka kemm-il darba fl-aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services minn Ottubru 2011 s'issa, ttieħdu kummenti tal-Ministru u Segretarji Parlamentari u Assistenti Parlamentari? Kemm ittieħdu kummenti minn kelliema tal-Partit Laburista fl-istess perjodu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li din il-mistoqsija tirrikjedi ħafna xogħol l-informazzjoni mitluba ma tistax tinġabar fi ftit jiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm preżentament (fl-1 ta' Mejju 2012) klieb fit-Taqsima tal-Klieb tal-Ħabs? Jista' jgħid ta' liema razza huma?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt fit-30 ta' April 2012 għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34055 , ninsab infurmat illi minn mindu nġabret l-informazzjoni għal dik il-mistoqsija, wieħed mill-klieb tar-razza alsation kellu jitraqqad.