Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #33963 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32949 u jgħid min huma l-konsulenti li jaħdmu fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, fid-dekastru u entitajiet li jaqgħu taħtu? F'liema qasam jagħtu konsultazzjoni? X'salarju u kundizzjonjiet għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #33983 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel primarji u sekondarji — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm daħlu studenti fil-livell primarju u sekondarju fl-iskejjel tal-Istat sena b'sena matul dawn l-aħħar għaxar snin separatament f'Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #34001 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Pjazza Savina - tiswija ta' triq

Question

Tista' l-Minisrtu tgħid min hu responsabli għat-tiswija tat-Triq fi Pjazza Savina r-Rabat Għawdex, quddiem il-bini minn numri wieħed sa sebgħa jekk hux id-dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp tal-Ministeru tagħha jew il-Kunsill Lokali tal-Belt Victoria? Jekk ir-responsabilità taqa' taħt il-Ministeru tagħha, meta se jittieħdu passi biex tissewwa t-triq imsemmija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-tiswija tat-triq imsemmija hi responsabilità tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Għawdex

Dar residenzjali — numru ta' anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu f'dawn id-djar residenzjali u/jew nursing homes: Mellieħa, Mtarfa, Mosta, Msida, Gżira, Furjana, Bormla, u Żejtun? Kemm hemm anzjani li jgħixu f'dawn id-djar residenzjali u/jew nursing homes: Jean Antide Ward, St. Bernadetta Ward u San Ġorġ Preca Ward f'Mount Carmel Hospital (Ħ'Attard), u wkoll fil-Male Geriartric Ward u St. Anna Ward fil-Gozo Geriatric Hospital? Jista' jagħti l-informazzjoni skont kull dar jew ward u skont il-gender u l-età (>59, 60-79, 80+)?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dar tal-Anzjani Zammit Clapp — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp hiex topera b'mod sħiħ? Kemm hemm residenti, nisa u rgiel sal-lum? Kemm se tkun tesa' residenti ? Kemm hemm kmamar tas-sodda? Il-kmamar tas-sodda se jkollhom il-faċilitajiet sanitarji magħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dar tal-Anzjani Zammit Clapp għadha mhux topera b’mod sħieħ. Sa issa, tliet swali huma miftuħin u jistgħu jieħdu sa 84 resident. Ser tinfetaħ sala oħra li ser tkun iddedikata għar-residenti li jbagħtu mill-marda tad-‘dimensia’. Din is-sala għandha tnax il-sodda. Sa llum din il-faċilita’ għandha 84 resident, 62 mara u 22 raġel. F’din id-dar tal-anzjani hemm 42 kamra tas-sodda. Il-kmamar residenzjali mhux kollha għandhom faċilitajiet sanitarji, għaldaqstant fil-faċilita’ hemm numru ta’ faċilitajiet sanitarji adegwati sabiex jaqdu il-bzonnijiet kollha tal-anzjani residenti f’Zammit Clapp Nursing Home

Care Malta u djar tal-anzjani — public private partnership

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' public private partnership għandu l-gvern ma' CareMalta rigward tad-djar tal-anzjani f'Bormla, fiż-Żejtun, il-Mellieħa u Zammit Clapp?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fid-djar taż-Żejtun, Bormla u Żammit Clapp, CareMalta jipprovdu kemm servizzi ta' kura kif ukoll is-servizzi l-oħra anċellari li huma bżonnjużi għal tmexxija ta' dawn id-Djar. Dawn jinkludu servizzi ta' tindif, laundry, provediment tal-ikel u reception services. Fid-Dar tal-Mellieħa, il-Gvern jipprovdi servizz ta' kura waqt li CareMalta jipprovdu s-servizzi anċillari.

Sptar Karen Grech — informazzjoni dwar il-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm sodod fl-Isptar Karen Grech? Jista' jgħid kemm hemm pazjenti li qegħdin fl-Isptar Karin Grech għar-rijabilitazzjoni, u kemm hemm pazjenti li qed jistennew biex jidħlu fi djar residenzjali u/jew nursing homes? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont l-età [>59, 60-79, 80+], u skont il-gender?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

pulizija tal-A.L.E. li telgħu Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba pulizija tal-A.L.E. telgħu Għawdex matul ix-xhur ta' Jannar sa April 2012, u matul is-sena 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-ispezzjonijiet għall-kaċċa u l-insib illegali saru mill-pulizija stazzjonati Għawdex u li kienu jiġu dettaljati speċifikament għal dan l-iskop. Infurmat ukoll illi matul l-istess perjodu s-sena l-oħra membri mit-Taqsima tal-A.L.E. telgħu 31 darba.
Leg 11 PQ #34187 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

impjegati maċ-Ċivili bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti statistika ta' kemm hemm impjegati maċ-Ċivil li huma reġistrati bħala persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal-ewwel parti tar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33932.

splussivi fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jinżammux log books biex ikunu jafu kemm jintużaw splussivi fil-barrieri kull meta dawn jaħarqu l-isplussivi biex ikissru l-blat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura li hu responsabbli mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar

Mosta — żona ta' Santa Margerita - tgħeżżiż

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex iż-żona ta' Santa Margerita fil-Mosta titgħeżżeż kull meta jaħarqu l-isplussivi fil-barrieri viċin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34188.

żona Sanata Margerita — tgħeżżiż mill-isplussivi li jintużaw fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-inkonvenjent li ż-żona ta' Santa Margerita titgħeżżeż kull meta jinħarqu splussivi ġewwa l-barrieri tal-viċin jistax jonqos u/jew jispiċċa għal dejjem? Hemm probabilità li jekk tintuża teknika differenti dawn it-tgħeżżiżiet jispiċċaw jew it-teknika użata hija din l-unika metodu li tinstab fis-suq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34188.

karozzi antiki tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-karozzi l-antiki li kienu jintużaw għat-transport pubbliku baqgħu jintużaw għal xi skop ieħor?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f’Malta kien hawn 508 karozzi antiki filwaqt li f’Għawdex kien hemm 78 karozzi antiki li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku. Mill-508 karozzi antiki f’Malta minnhom kien hemm 134 vettura tal-għamla low floor , li minn dawn: · 1 inżammet minn Transport Malta għal raġunijiet ta’ taħriġ; · 1 ġiet skrapjata; · 2 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom; · 8 ġew mixtrija minn entitajiet governattivi; · 1 ġiet mgħoddija lill-Malta Red Cross; · 118 ġew mixtrija mill-Arriva Malta Ltd li minnhom qed jintużaw: - 31 wara li ġew jew qegħdin jiġu mgħammra skont ir-rekwiżiti mifthema fil-kuntratt; - 14 temporanjament fuq is-servizz; - 14 għal taħriġ. · 3 għadhom għand is-sid oriġinali tagħhom minħabba raġunijiet legali. Apparti l-134 vetturi tal-għamla low floor , kien hemm 374 karozzi oħra f’Malta: · 3 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom bħala Vintage buses fuq ir-rotot tat-trasport għat-turisti skont il-PTSR L.S. 499.56; · 73 ġew miżmuma mis-sid originali tagħhom għal użu privat; · 127 ġew mgħoddija lill-Heritage Malta; · 164 ġew skrapjati; · 7 għadhom għand is-sid oriġinali tagħhom minħabba raġunijiet legali jew bejn terzi persuni. Mit-78 karozzi antiki li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku f’Għawdex, dawn kienu liċenzjati għall-ġarr ta’ passiġġieri b’servizz skedat u anke mhux skedat. Dawn il-vetturi kollha ġew miżmuma mis-sidien oriġinali tagħhom għal xogħol mhux skedat. Barra minn hekk ninsab infurmat li minnhom dawn hemm: · 64 vettura li hija liċenzjata; · 8 ġew garaxxjati; · 3 ġew skrapjati; · 1 mhux bil-liċenzja mġedda; · 2 miżmuma minħabba raġunijiet legali.

Baħrija — Wied Merġa - protezzjoni tal-granċ tal-ilma ħelu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33020 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi kawża tal-fawran tad-drenaġġ mill-fossa tal-Baħrija ġabet magħha l-qerda għal kollox tal-qabru fil-Wied tal-Marġa , jista' l-Ministru jinforma għaliex ma ħa ebda passi konkreti bħala Ministru responsabli biex jipproteġi milli seħħ il-qerda tal-qabru? Ma jħossx li huwa politikament responsabli għal dan il-falliment u cioè li abbanduna miżuri neċessarji biex jiġi salvat dan l-ispeċi ta' granċ tal-ilma ħelu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-MEPA ma rċeviet l-ebda lment reċenti fuq żbroff ta' drenaġġ fil-Baħrija, imma kienet diġà investigat każijiet dwar dan u nnotifikat lil Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma biex tirrimedja is-sitwazzjoni. Dwar il-qabru, l-annimal in kwestjoni ma nqeridx, kif konfermat minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali tal-Ambjent.

Ħad-Dingli — ġibjun li mhux jintuża

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33024, jista' l-Ministru jgħid x'jinvolvu x-xogħlijiet? Kemm huwa stmat li jiswew? Kemm hija l-ħażna tal-ilma li jesa' l-ġibjun?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

servizz tal-home help

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz tal-home help huwiex wieqaf fl-inħawi ta' Ħ'Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan? Kemm ilu wieqaf u meta se jirritorna lura dan is-servizz għan-normal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizz tal-Home Help fl-inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan mhuwiex wieqaf. Bħalissa hemm 101 klijenti li qed jieħdu dan is-servizz f’dawn il-lokalitajiet.
Leg 11 PQ #34289 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — Board of Governors - rwol eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33338, tista’ l-Ministru tgħid kif id-Direttur Eżekuttiv tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi ħass il-bżonn li jibgħat ittra, datata 29 ta’ Novembru 2011, liż-żewġ persuni in kwestjoni biex jgħarrafhom bid-deċiżjoni li ma setgħux ikomplu jirrappreżentaw lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea jekk dawn iż-żewġ persuni, skont it-tweġiba tal-Ministru, fid-19 ta’ Settembru 2011 irrifjutaw l-offerta li jkomplu jaħdmu fuq dawn il-proġetti? Tista’ tikkonferma li ż-żewġ persuni in kwistjoni rrifjutaw l-offerta bil-miktub fid-19 ta’ Settembru 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żewġ persuni in kwestjoni rrifjutaw verbalment li jaħdmu fuq bażi part-time mal-Istitut. Dan sar fl-istess data indikata, waqt laqgħa li saret mad -Direttur Eżekuttiv, fil-preżenza tal – Viċi Direttriċi ta’ dak iż-żmien. L-ittra li ntbagħtet fid-29 ta’ Novermbru 2011 kienet riżultat ta’ kommunikazzjoni mixtieqa mill-Bord tal-Gvernaturi li ġiet eżegwita mill-istess Direttur Eżekuttiv.
Leg 11 PQ #34291 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Statementing Moderating Panel — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il applikazzjoni daħlet sena b'sena mill-2008 sal-lum minn ġenituri jew kuraturi ta' tfal lill-iStatementing Moderating Panel? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ingħataw risposta pożittiva għat-talba tal-ġenituri/kuraturi? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ingħataw riposta negattiva għat-talba tal-ġenituri/kuraturi? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet għadhom pendenti? Kemm ilha pendenti l-iktar talba antika li saret minn ġenituri/kuraturi ta' tfal lill-iStatementing Moderating Panel? Kemm hu bħala medja l-ammont ta' żmien li l-iStatementing Moderating Panel jieħu qabel ma jipproċessa u jikkonkludi applikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar ċittadin Każakistani li ħarab mill-Awstrija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti informazzjoni dwar jekk Rakhat Aliyev - iċ-ċittadin Każakistani li qed jiġi akkużat li wettaq reati serji ħafna f'pajjiżu - jinsabx Malta wara li allegatament ħarab mill-Awstrija? Huwa veru li l-Gvern Malti laqa' uffiċjal Awstrijakk f'pajjiżna biex jagħmel interrogazzjoni lill-Aliyev? X'ġie konkluż? X'inhi l-attività ekonomika ta' Aliyev f'Malta?

Response (BORG, TONIO)

Il- persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant hija miżżewġa ċittadina Awstrijaka. L-istess persuna għandha permess ta' soġġorn fl-Awstrija u għandha l-istess dritt f''Malta bħala l-konjugi ta' ċittadin tal-unjoni Ewropeja. Il-Qorti Awstrijaka ċaħdet talba għal estradizzjoni lejn Kazhakhistan ta' din il-persuna minħabba li l-akkużi kienu politikament motivati. Wara dan, saru allegazzjonijiet oħra li qed jiġu investigati mill-Awtoritajiet Awstrijaċi. Jekk dawn l-awtoritajiet joħorġu mandat Ewropew ta' arrest, dan jiġi esegwit f'Malta. S'issa dan il-mandat ma ħariġx

MEUSAC — proposta għar-regolament u/jew direttiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proposta għar-regolament u/jew direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropeja ġew analizzati permezz tal-istrutturi fi ħdan il-MEUSAC mill-2008 'l hawn u liema kienu dawn il-proposti li ġew analizzati? Saret analiżi dwar kif tali proposti kienu se jolqtu s-setturi konċernati? Jekk din l-analiżi saret, jista' jgħid jekk għal kull proposta għar-regolament u/jew direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, ġiex eventwalment imħejji impact assessment report dwar kif se jintlaqtu s-setturi kkonċernati u dwar il-pożizzjoni li kellha tieħu Malta f'dan ir-rigward? Jistgħu dawn ir-rapporti relatatti jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Il-konsultazzjonijiet li jsiru permezz tal-MEUSAC mhumiex limitati sempliċement għal proposti ta’ regolamenti u/jew direttivi. Jsiru wkoll konsultazzjonijiet dwar trasposizzjoni ta’ Direttivi, pjanijiet ta’ azzjoni lokali li jkunu bbażati fuq obbligazzjonijiet bħala Stat Membru tal-UE, xi rapporti ta’ relevanza għal Malta, kif ukoll dokumenti ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Mill-2008 ‘l hawn saru konsultazzjonijiet permezz tal-MEUSAC dwar: · 52 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea · 12 il-proposta għal Direttiva · 14 proposti għal Regolament · 5 White jew Green Papers Id-dettalji jinsabu fid-dokument mehmuż. Dwar jekk isirx impact assessment u l-pożizzjoni ta’ Malta fuq dawn id-dokumenti li joħorġu mill-Kummissjoni, dawn il-materji ma jaqawx taħt il-kompetenza tal-MEUSAC. Il-MEUSAC reġa ġie mwaqqaf biex, għall-fini ta’ konsultazzjoni, joffri forum ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-istakeholders b’mod partikulari l-partiti politiċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u biex jiffaċilita dan il-proċess. Ir-responsabiltà li titħejja l-pożizzjoni ta’ Malta u li jsiru l-istudji kollha neċessarji biex jitkejjel l-impatt politiku, ekonomiku u soċjali hi tal-Ministeru kkonċernat li taħtu taqa’ l-materja li tkun is-suġġett tal-proposta in kwiestjoni. F’kull każ, jitħejja dokument, imsejjaħ Explanatory Memoradum li fih jaddotta l-pożizzjoni ta’ Malta u li tkun ibbażata fuq l-analiżi ta’ kif dak li jkun qed tiġi propost jista’ jaffettwa lill-istakeholders. Dan id-dokument jiġi approvat mill-Gvern u wara dan, jiġi trasmess lill-Parlament għall-iskrutinju. Il-MEUSAC ukoll jieħu ħsieb jiċċirkula dawn l-Explanatory Memoranda lill-membri kollha tal-Kumitati Settorjali u tal-Core Group għall-iskrutinju tagħhom. Minbarra dan, kull ħmistax, il-MEUSAC jibgħat updates lill-membri tal-Core Group u lill-membri tal-Kumitati Settorjali li fihom jitniżżlu l-aħħar żviluppi fuq il-livell tal-UE, inklużi inizjattivi leġiżlattivi ġodda mill-UE. Il-membri huma mħeġġa biex jekk jidhirilhom, iqajjmu dawn il-materji bħala suġġett għal konsultazzjoni. Bi ftehim mal-Kumitat tal-Kamra għall-Afarjiet Barranin u Ewropej, l-uffiċjali tal-MEUSAC iħejju wkoll edizzjoni speċjali ta’ dawn l-Updates li jintbagħtu lis-segretarju tal-Kumitat Parlamentari biex jgħaddihom lill-membri tal-Kamra.