Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba impjegati mal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jista' jgħid min huma u kull wieħed kemm ilu impjegat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin is-servizzi mediċi huma pprovduti minn kumpanija privata ta’ tobba taħt kuntratt. Din il-kumpanija, The Health Firm, ilha tipprovdi dawn is-servizzi mill-2006. Dawn it-tobba, barra li jeżaminaw kull priġunier li jidħol fil-Faċilita' fil-punt tad-dħul tiegħu, kuljum iżommu clinic fejn tabib jara dawk il-priġunieri kollha li jgħidu li jixtiequ jarahom tabib għax ikollhom xi problemi ta’ saħħa. Barra minn hekk, it-tobba tal-kumpanija qegħdin stand-by 24x7 għal dak kollu li jista' jinqala' u jattendu lejl u nhar skont il-ħtieġa.
Kumpens ta' persuni li kienu taħt arrest preventiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm-il persuna ngħatat kumpens għal żmien li għamlu taħt arrest pereventiv imbagħad ġew liberati mill-akkużi? Jista' jgħid x'kien l-ammont ta' dan il-kumpens?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ligi taghna ma tipprovdix għall-ħlas ta’ kumpens sempliċiment minħabba l-fatt illi persuna li tkun għamlet żmien taħt arrest preventiv wara li tkun tressqet il-qorti tkun ħarġet liberata. Il-Kostituzzjoni tipprovdi għall-ħlas ta’ kumpens għall-arrest illegali iżda s-sitwazzjoni deskritta mill-Onorevoli Membru ma tikkostitwix per se arrest illegali diment illi l-akkużat ikun ingħata l-benefiċċju tas-salvagwardji legali u prinċipalment id-dritt illi l-legalità tal-arrest tiegħu tiġi eżaminata minn awtorità ġudizzjarja.
Jista' l-Ministru jikkonferma hekk hux minnu jew le li d-data kollha tal-mapping ta' din is-sena tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ntilfet minħabba problema fis-servers, li allegatament inħarqu? Jekk iva, min kien responsabbli għal dan?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-server li fuqu kien hemm data tal-Mapping ġratlu ħsara irreparabbli fil-hard disks. Din il-ħsara tista' tiġi attribwita għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel raġuni hija ż-żmien li għandu dan is-server partikolari. It-tieni raġuni hija attribwita għall-kundizzjonijiet mhux adegwati fil-kamra fejn dan is-server kien qed jopera fil-ħin li ġralu l-ħsara.
L-ebda
data
li relatata ma 'Small Scale Data', 'Archives', 'Aerial Photos' and 'Orthophotos' ma ntilfet minħabba din il-ħsara.
Id-
data
li ġiet affettwata hija dik biss tad-
database
li tifforma il-'Large-Scale Topographic Map'. Minħabba f'dan, intilfu madwar tmien ġimgħat ta' xoghol produttiv, ta' aġġornament u manteniment fuq dan id-
database
illi qed jiġu rekuperati maż-żmien.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux mistenni li jkun hemm skemi oħra ta' kiri mill-privat wara li kien hemm l-ewwel skema? Kemm kien hemm applikazzjonijiet għal din l-ewwel skema, u kemm għad fadal ħtieġa ta' appartamenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Iskema Kiri tal-Awtorità tad-Djar għalqet fl-aħħar t’April u kien hemm applikazzjonijiet għal aktar minn 400 residenza. Dan huwa numru tajjeb ħafna u se jghin biex l-awtorità tkun tista' tindirizza parti sostanzjali mit-talbiet li għandha għal akomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tad-Djar iddecidiet li testendi din l-iskema b’xahar iehor u prezentament qed jerġgħu jintlaqghu l-applikazzjonijiet mingħand sidien privati li lesti jikru proprjetajiet lill-Awtorità tad-Djar għal perjodu ta’ ghaxar snin biex min-naħa tagħha l-Awtorità tad-Djar tuzahom billi tikrihom bi prezz sussidjat lill-familji u persuni vulnerabbli.
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar ħames snin, sena b'sena kemm ħallas flus il-gvern fi spejjeż relatati ma' ġurati f'ġurijiet?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar ħames snin l-ispejjeż imħallsa mid-Dipartiment Qrati tal-Ġustizzja relatati ma’ ġurati f’ġurijiet kienu dawn:-
Sena
Ammont
€
2011
56,142.15
2010
52,326.70
2009
36,695.76
2008
30,216.93
2007
27,268.37
Jista' l-Ministru jgħid kemm, fl-aħħar sitt xhur, ġew intensifikati s-searches fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u għaliex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kemm fl-aħħar sitt xhur kif ukoll ta' qabel, it-tfittxijiet ġewwa l-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin baqgħu jsiru u ser jibqgħu isiru.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34276, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu preżentament in-numru ta' banek tal-lottu li qed joperaw? Kemm minn dawn jinsabu fi klabbs tal-banda jew każin ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li preżentament 217 banka tal-lottu li qed topera. Tleta u għoxrin minn dawn jinsabu fi klabbs tal-banda jew każin ieħor.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' parkers li huma liċenzjati biex jagħmulha ta' parkers f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet hemm parkers li huma awtorizzati biex jagħmlu dan it-tip ta' xogħol? Kemm huma r-rati li jridu jitolbu lil dawn il-parkers (car park attendants)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm 58 car park attendants li għandhom liċenza maħruġa minn Transport Malta. Wieħed minn dawn huwa assenjat f’parkeġġ tal-karozzi skedat f’Għawdex. M’hemm l-ebda rata ta’ ħlas li għandha jew li tista’ tintalab minn dawn il-car park attendants, iżda dawn għandhom permess li jżommu kull gratifikazzjoni li jistgħu jirċievu mingħand sewwieqa li jużaw il-parkeġġi skedati.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ parkeġġi skedati .
Kummissjoni Elettorali — nuqqas ta' tqassim tal-voti fl-elezzjoni tal-kunsilli lokali
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34275, jista' l-Prim Ministru jara jekk ikunx possibli li l-pulizija li jkunu qed iqassmu l-voti, fejn ma jinstabx l-individwu residenti f'post partikolari, waqt it-tqassim tal-voti, titħalla lilu nota bħal meta xi ħadd jirċievi ittra rreġistrata u l-pustier iħalli nota f'dan is-sens, biex b'hekk il-persuni kkonċernati jkunu konxji mill-fatt li l-pulizija ma jkunx sabhom id-dar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li r-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu hi fl-affermattiv.
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma — trasferiment ta' diversi ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux isir ristrutturar fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u fil-proċess diversi impjegati se jiġu trasferiti minn uffiċċju għall-ieħor jew minn lokalità għall-oħra?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħalissa għaddej proċcess ta’ ristrutturar fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma sabiex taqdi aħjar id-dimirijiet tagħha.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jista' individwu jkollu l-approvazzjoni biex ikollu reserved parking bay li mhux intiza għall-użu ta' persuna b'diżabilità? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk Transport Malta għandhiex bżonn tapprova tali reserved spaces qabel ma jkunu jistgħu jinżebgħu fil-post?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 31759, ninsab infurmat li Transport Malta tikkunsidra talbiet għal parkeġġi riżervati fuq talbiet li jsiru mill-individwi rispettivi fil-każ ta' toroq arterjali u distributorji u fuq talbiet li jsiru mill-kunsill lokali rispettiv fil-każ tat-toroq l-oħrajn. Jiġu wkoll ikkunsidrati talbiet li jsiru mill-Kummissarju tal-Pulizija għal raġunijiet ta' sigurta'. Kull talba għal parkeġġ riżervat trid tiġi approvata minn Tranpsort Malta qabel ma din tiġi mplimentata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa jibda jiltaqa' l-bord presedut mill-Imħallef li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament taħt il-Mental Health Act in vista tar-riżenja ta' wieħed mill-membri tal-istess bord?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33593 u jagħti breakdown ta' kemm kienet in-nefqa għar-riklamar ta' prodott/prodotti agrikoli lokali matul l-2011, inkluż laħam u ħalib?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Ministeru ilu għal dawn l-aħħar snin jippromwovi l-prodott frisk lokali f'kull opportunità li tinħoloq kemm f'attivitajiet kif ukoll fi programmi televiżivi u r-radju. Dan mhux dejjem ikun jinvolvi ħlas. Permezz ta’ fondi kemm lokali kif ukoll minn fond ital-Unjoni Ewropea biex jikber l-għarfien tal-prodott frisk lokali fosthom billi jkunu organizatti festi ta' dak li hu Naturalment Malti. Filfatt f'4 snin saru mal-20 festa agrikola li jiffokaw fuq oqsma agrikoli partikolari bħal ma huma l-festa tal-qaqoċċ li saret f'Ħaż-Żabbar, Festa tal-Ħalib fil-Għagħur, il-Festa tal-Majjal f'Haz-Zebbuġ u s-Siġġiewi u tant festi oħra.
Intant, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li għaddejja kampanja promozjonali favur il-konsum tal-majjal frisk lokali b'koperazzjoni mal-koperattiva ta' min irabbi l-majjal.
Nixtieq insemmi wkoll li din hija t-tieni sena ta' kampanja nformattiva mifruxa fuq 3 snin favur il-konsum tal-ħalib. Din il-kampanja hija eżempju ħaj tal-ħidma flimkien bejn il-Ministeru u l-Koperattivi fejn il-kampanja ta' nofs miljun ewro qed tkun iffinanzjata nofsha minn fondi Ewropej 30% mill-Koperattiva tal-Produtturi tal-ħalib u 20% mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33592 u jinforma jekk ġewx esperti barranin fl-oqsma tal-biedja u sajd matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jekk fl-affermattiv, f'liema oqsma? Min kienu? X'rapporti kummissjonaw? Jekk fin-negattiv, għaliex ma kienx hemm il-ħtieġa li jiġu esperti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar erba’, għar-rigward ta’ żviluppi u riċerka fil-qasam agrikolu, il-punt fukali kien it-tkabbir ta’ prodotti addattati għall-ambjent lokali. Għal dan il-Gvern investa biex ikollna esperti lokali u li huma ferm midħa mal-ambjent lokali. Għal aktar dettal, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 34091, 15716 u 5322 għax-xogħol li qiegħed isir fiċ-ċentru tal-Plant Biotechnical Centre f’ Tal-Kmand, u għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21211 rigward iċ-ċentru sperimentali għat-tnissil u tkattir ta’ siġar.
Għar-rigward tal-Awtorità tat-Tmexxija, bejn l-2009 u l-2011 ġiet ikkummissjonata l-kumpanija Exodea Europe biex tfassal rapport rigward ir-regoli tal-programm Leader u biex tinħoloq l-istruttura u jkunu żviluppati l-ħiliet meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm. Fl-2011 l-Università ta’ Gloucestershire ġiet ikkommissjonata tagħmel rapport dwar ir-Riforma fil-CAP għal wara 2013.
Fil-qasam tal-akwakultura l-esperti li ġew Malta kienu dawk li ġew minħabba il-progett tal Unjoni Ewropeja fuq ir-ricerka tat-tfaqqis tat-tonn; is-Selfdott Project. Dawn il-proġett żvolġa ruħhu bejn il-2008 u l-2010. L-esperti barranin involuti kienu mill-Grecja (Dr Constantinos Mylonas), l-Italja (Prof DeMetrio), Spanja (Dr Fernando de la Gandara), l-Izrajel (Prof Hillel Gordin) u Franza (Dr Cristian Fauvel). Waqt dan il-proġett, li Malta kellha rwol importanti ħafna, sar ħafna żvilupp u tfaqqas it-tonn għall-ewwel darba fl-Ewropa. Tajjeb ngħidu li Malta qiegħda min ta’ quddiem fl-Ewropa f’dan il-qasam ta’ ricerka u għalhekk ma kienx hemm ħtiega li jiġu ikkummissjonati rapporti.
Min barra dan, is-sena l-oħra ġew żewġ esperti tal-akwakultura mill Universita ta’ Stirling (Mr John Bostok u Mr David Scott) biex jikkonsultaw mal-istakeholders waqt li kienu qegħdin jippreparaw l-abbozz tal-istrategija tal-akwakultura għal Malta.
Fis-settur tat-trobbija tal-majjal il-Ministeru minn żmien għal żmien jingaġġa lis-Sur Brian Edwards biex jassisti lill-Koperattiva ta’ Min Irabbi il-Majjal fir-ristrutturar tal-irzizet u dwar is-settur in-generali sabiex dan isir aktar kompettitiv. Huwa ilu inġib Malta sa mill 2005 u periodikament dan jerġa’ jkun ingaġġat għal żminje qasir biex jiġi Malta biex jgħin lill-koperattiva.
Kumpaniji, self employed u dipartiment governattivi — ħlas ta' National Insurance
Question
Jista' l-Ministru jgħid, illum, kemm hemm kumpaniji/self employed, dipartimenti u entitajiet governattivi eċċ. li waqgħu lura fil-pagamenti tal-National Insurance, inkluż f'każ li jħadmu l-P3? Kemm hija kalkulata ċ-ċifra ta' flus globali?
Response (FENECH, TONIO)
Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dettalji dwar Kontribuzzjonijiet tas-Siġurtà Soċjali kemm bħala employers (Klassi 1) u kemm bħala ndividwi self-employed (Klassi 2). L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ ta’ dawk li jaqgħu taħt klassi 2, id-Dipartiment fil-preżent ma jistgħax jagħti l-informazzjoni għas-sena 2011 għaliex din tinġabar aktar tard din is-sena.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33960 u jinvestiga x'qed jikkważa l-fatt li t-tappieri f'toroq li saru riċentament qed jisfrundaw regolarmant per eżempju l-bypass tal-Imtarfa u l-parti tat-triq li tagħti għall-pont tal-Mosta? Min kien responsabbli għal dawn in-nuqqasijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li dawn it-toroq huma arterjali u distributorji u allura minnhom jgħaddi ammont sostanzjali ta’ traffiku ta’ ċertu piż. Jirriżulta, li minħabba f’hekk uħud mit-tappieri, wara ċertu żmien, isofru ħsarat u ċediment f'partijiet minnhom. Transport Malta se tifformola programm ta' tiswija.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33996, peress li News Release Numru 088/2012 li ħarġet illum it-Tnejn, 7 ta’ Mejju 2012 ma tagħtix l-informazzjoni li jien tlabt dwar Għawdex, jista’ l-Ministru issa jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu f'Għawdex u f’Malta separatament fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 u fl-aħħar ta’ Diċembru 2011 bħala: 1) full-time; 2) part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom; 3) part-time bħala x-xogħol sekondarju tagħhom a) fil-lukandi u b) fir-ristoranti?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni disponibbli minn dan l-Uffiċċju ma tistax tinqasam bejn lukandi u ristoranti. Għalhekk il-figuri li qed jiġu ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra jirreferu għall-lukandi u ristoranti flimkien.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34285 u cioè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 33577, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern fuq kull dar privata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ ftehim li hemm bejn il-gvern u kull dar privata li qed ikun hemm nefqa pubblika fuqha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34284 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura u li issa ġiet riferuta lilu u cioè: B’referenza mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33614, jista' l-Ministru jgħid meta saru s-soil testing holes mill-Malta Enterprise/Malta Industrial Parks fir-raba li hemm fl-inħawi tal-Madonna tar-Rummiena Għawdex? Jista’ jgħid x’kien ir-riżultat ta’ dan ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Malta Industrial Parks Ltd qeda tirrevedi proposti għall-iżvilupp ta’ dan is-sit magħruf bħala tal-Barmil li jinsab fiż-zona industrijali tax-Xewkija, Għawdex. Sabiex jiġi determinat id-disinn korrett għal pedamenti hija prassi normali li isiru investigazzjonijiet ġo l-art biex jiġi determinat kemm jiflaħ il-livell tal-art li fuqha ikun hemm proposti għall-żvilupp. Dan ġeneralment isir qabel isiru pjanijiet u qabel issir l-applikazzjoni għall permess ta’ żvilupp. L-istħarriġ tal-art sar lejn l-aħħar ta’ Frar u l-bidu ta’ Marzu ta’ din is-sena.